Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009XC0926(04)

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

ĠU C 232, 26.9.2009, pp. 27–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

26.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 232/27


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2009/C 232/13

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006. Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

SOMMARJU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“ΕΞΑΙΡΕΤΙΚO ΠΑΡΘEΝΟ ΕΛΑΙOΛΑΔΟ ΣEΛΙΝΟ ΚΡHΤΗΣ” (EXERETIKO PARTHENO ELEOLADO SELINO KRITIS)

Nru tal-KE: EL-PDO-0005-0515-20.12.2005

DPO ( X ) IĠP ( )

Dan is-sommarju jagħti l-elementi ewlenin tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għal finijiet informattivi.

1.   Dipartiment responsabbli fl-Istat Membru:

Isem:

Διεύθυνση Βιολογικής Γεωργίας, του Υπουργείου Αγροτικής Ανάπτυξης και Τροφίμων (Id-Dipartiment tal-Biedja Organika tal-Ministeru tal-Iżvilupp Rurali u l-Ikel)

Indirizz:

Αχαρνών 29 (Aharnon 29)

Αθήνα/Athens

EΛΛΑΔΑ/GREECE

Tel.

+30 2108232025

Feks

+30 2108821241

Posta elettronika:

ax29u029@minagric.gr, ax29u030@minagric.gr

2.   Grupp:

Isem:

Ένωση Αγροτικών Συνεταιρισμών Σελίνου (Il-Junjin tal-Kooperattivi Agrikoli ta’ Selinos)

Indirizz:

Παλαιοχώρα Κάνδανος Χανιών,(Palaiohora Kandanos Hanion)

ΤΚ 73001

EΛΛΑΔΑ/GREECE

Tel.

+30 2823041209 / 41306

Feks

+30 282341463

Posta elettronika:

easselin@otenet.gr

Kompożizzjoni:

Produtturi/proċessuri ( X ) Oħrajn: ( )

3.   Varjetà ta’ prodott:

Klassi: 1.5.

Żjut u xaħmijiet

4.   Speċifikazzjoni:

(sommarju tar-rekwiżiti skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

4.1.   Isem:

‘Εξαιρετικό Παρθένο Ελαιόλαδο Σέλινο Κρήτης’ (Exeretiko Partheno Eleolado Selino Kritis)

4.2.   Deskrizzjoni:

Żejt taż-żebbuġa extra-verġini, ta’ lewn aħdar skur fl-aħdar, b’medja ta’ difetti li jammontaw għal xejn, b’togħma tajba, ftit morra u pikkanti u b’riħa tfuħ ta’ żebbuġ b’medja minima ta’ attribut iffruttat ta’ 3,2. Aċidità massima ta’ 0,7 % (perċentwal skont il-piż tal-aċidu olejku) u numru tal-perossidu b’massimu ta' 15 (meq ta’ ossiġnu attiv/kg). Il-koeffiċjenti ta’ estinzjoni (extinction coefficients) Κ270 u Κ232 u l-varjazzjoni tagħhom għandhom valuri massimi ta' 0,15, 2,5 u 0,00 rispettivament.

Iż-żejt taż-żebbuġa huwa magħmul miż-żebbuġ tal-varjetà “tsounati”, bi proporzjon ta’ mill-lanqas 60 %, u miż-żebbuġ tal-varjetà “koroneiki” sa massimu ta’ 40 %.

Il-karatteristiċi fiżikokimiċi u organolettiċi ta’ Exeretiko Partheno Eleolado Selino Kritis jinkisbu l-iktar minħabba l-kundizzjonijiet speċifiċi li għandhom x’jaqsmu mal-klima (xemx qawwija, ħafna xita, livell relattivament baxx ta’ umdità) u l-kundizzjonijiet ġeomorfoloġiċi (art b’pendil u b'varjazzjonijiet sinifikanti ta' altitudni) fiż-żona, u minħabba l-isfruttar tal-vantaġġi komparattivi li joħorġu mill-karatteristiċi taż-żebbuġ tal-varjetjiet tsounati u koroneiki li jikbru fiż-żoni ta' altitudnijiet varji taż-żona ġeografika definita.

4.3.   Żona ġeografika:

Iż-żebbuġ u ż-żejt taż-żebbuġa huma prodotti fiż-żona ġeografika definita. Iż-żona ġeografika hija l-Provinċja ta’ Selinos, li tinsab fil-parti tal-Lbiċ tal-Prefettura ta’ Hania. Tkopri d-distretti amministrattivi tal-muniċipalitajiet ta’ Kandanos, Pelekanos u Anatolikos Selinos. Parti kbira miż-żona hija magħmula minn muntanji, ogħla minn 1 000 metru. Hija miżgħuda bis-siġar taż-żebbuġ, li huma l-għelejjel prinċipali tal-familji tal-bdiewa tal-Provinċja tal-Prefettura.

4.4.   Prova tal-oriġini:

It-traċċabilità tal-prodott hija ggarantita f’kull stadju tal-proċess tal-produzzjoni, mit-tkabbir tas-siġar taż-żebbuġ sat-tagħsir, il-ħżin, il-ġarr u l-istandardizzazzjoni tal-prodott sa meta jasal għand il-konsumatur aħħari.

Kull persuna involuta żżomm id-dejta li għandha x’taqsam mal-proċessi tal-produzzjoni u l-istandardizzazzjoni sabiex il-korp kompetenti ta’ sorveljanza (bħalissa l-OPEGEP) jkun jista’ jara li l-proċeduri kollha ġew onorati u b’hekk tkun żgurata t-traċċabilità tal-prodott.

4.5.   Metodu tal-produzzjoni:

Il-kultivazzjoni taż-żebbuġ tal-varjetajiet tsounati u koroneiki hija estensiva u ssir billi jintużaw vera ftit stimulanti (fertilizzanti, irrigazzjoni, prodotti li jħarsu l-pjanti). Iż-żebbuġ tal-varjetà koroneiki huwa kkultivat fuq l-art li jkollha altitudni ta' massimu ta' 500 metru filwaqt li ż-żebbuġ tal-varjetà tsounati jinsab f'altitudnijiet ogħla. Fejn l-art hija kemm kemm imżerżqa, il-ħamrija tinħadem billi jintużaw l-iktar mezzi mekkanizzati. Minħabba li ħafna mill-ħamrija fiż-żona ma tirreaġixxix għall-aċidu, il-fertilizzanti tal-kubrit ma jintużawx imma kultant jingħata trattament bil-ġir. Is-siġar taż-żebbuġ jirreaġixxu b’mod pożittiv għaż-żieda ta’ nitroġenu kull sena filwaqt li r-reazzjoni għall-fertilizzanti tal-potassju hija żgħira imma pożittiva. Fiż-żona hemm biss ftit imsaġar taż-żebbuġ bl-irrrigazzjoni. L-għadu prinċipali tal-kultivazzjoni taż-żebbuġ huwa d–dubbiena taż-żebbuġa (Bactrocera oleae), li d-Direttorat għall-Iżvilupp Rurali tal-Prefettura ta' Hania qiegħed jeqridha billi jisprejja lixka preventiva fuq l-art. Il-popolazzjoni tad-dubbiena taż-żebbuġa hija mmonitorjata bl-użu ta’ nases xierqa. Fl-isfond tal-ġlieda kontra l-mard tas-siġar taż-żebbuġ, il-grieħi jitbexxew kontra l-mard u jiġu ddiżinfettati bi tħejjijiet xierqa, b’mod partikolari għaż-żebbuġ koroneiki. Għalkemm iż-żebbuġ tal-varjetà tsounati huwa sensittiv għall-fungus Cycloconium oleaginum, mhuwiex meqjus xieraq li jittieħdu xi miżuri billi minħabba l-ġeomorfoloġija taż-żona, hemm ventilazzjoni tajba u l-livell relattiv tal-umdità fl-arja jinżamm f'livelli li mhumiex għolja biżżejjed u għalhekk ma jgħinux sabiex il-mard jiżviluppa.

Il-qtugħ taż-żebbuġ tal-varjetà koroneiki jibda fil-bidu ta’ Novembru u jispiċċa f’Diċembru, filwaqt li ż-żebbuġ tal-varjetà tsounati jsir fi stadji u l-qtugħ jibda fl-aħħar ta’ Diċembru – bidu ta’ Jannar, huwa sospiż waqt l-istaġun kiesaħ u jerġa’ jibda fl-aħħar ta’ Frar, u jispiċċa f’April. Madankollu, il-massa taż-żebbuġ tal-varjetà tsounati li jintuża għaż-żejt taż-żebbuġa extra-verġini Selinos jinqata’ sal-aħħar ta’ Jannar, u għalhekk iż-żejt taż-żebbuġa li jiġi prodott jilħaq l-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa tal-kwalità. Il-kriterji użati sabiex jiġi determinat il-livell ta' sajran tal-frott huma meta l-lewn tal-qoxra jinbidel għal kollox minn isfar ħadrani għal vjola skur u mill-anqas nofs il-laħam huwa ta' lewn vjola skur. Iż-żebbuġ jinqata’ billi jintużaw għodod apposta għall-ħsad u jinġabar fl-istess waqt mill-art ladarba jaqa’ fix-xbieki li jitqiegħdu apposta biex jinġabar.

Iż-żebbuġ jinġarr l-iktar fl-ixkejjer magħmulin minn materjal ħafif jew f’kontenituri tal-plastik. Jinħażnu f’żoni speċjali taħt kundizzjonijiet ikkontrollati sabiex jiġu ppriżervati l-kwalitajiet speċifiċi tagħhom. Minħabba li ż-żebbuġ għandu jiġi pproċessat mhux iktar tard minn 24 siegħa wara li jkun inqata’, il-ħin għall-ġarr u l-ħżin għandu jkun qasir kemm jista’ jkun u b’kollox m’għandux jaqbeż l-24 siegħa.

Iż-żejt taż-żebbuġa jingħasar permezz ta’ mezzi mekkanizzati f’temperatura li ma taqbiżx il-25 °C fl-imtieħen taż-żebbuġ fiż-żona li ġew approvati mill-awtorità kompetenti ta’ sorveljanza. Iż-żejt taż-żebbuġa magħmul primarjament miż-żebbuġ tal-varjetà koroneiki imma wkoll miż-żebbuġ tal-varjetà tsounaki jinħażen kif xieraq għal xahar sa tliet xhur sakemm jitħallat f’tankijiet. Waqt il-perjodu tal-ħżin, il-partiċelli solidi u t-tartru li jkunu trabbew jitneħħew billi ż-żejt taż-żebbuġa jitferra’ f’tank nadif b’tali mod li jillimitah kemm jista’ jkun milli jkun espost għall-ossiġnu u l-ammont ta' arja li jiġi f'kuntatt miegħu.

4.6.   Rabta:

Storika

Fil-baċir tal-Kantanos hemm siġar taż-żebbuġ kbar ħafna li jsejħulhom “dekaoktouses” li għandhom iktar minn 1 500 sena, bi zkuk li għandhom ċirkonferenza sa 12,3 metru; Il-“mantinades” (kanzunetti folkloristiċi minn Kreta) jikkonfermaw ukoll li Selinos hija żona fejn jipproduċu ż-żejt.

Naturali

Fir-rigward tal-art tagħha, iż-żona ġeografika definita hija magħmula l-iktar minn ħamrija skistuża, għalkemm hemm ukoll ħamrija kalkarja fi kwantitajiet iżgħar. Ir-reġjun huwa fil-biċċa l-kbira tiegħu magħmul minn muntanji, ogħla minn 400 metru, fil-biċċa l-kbira b’pendil għajr għall-baċir ta' Kantanos li, morfoloġikament huwa qortin. Karatteristiċi partikolari taż-żona huma ħafna xita, livell ta’ umdità relattivament baxx u għadd żgħir ta’ jiem bis-sħab.

L-art, bil-pendil li jispiċċa fi pjanura, li tagħti lill-imsaġar taż-żebbuġ l-aħjar possibbiltà sabiex ikunu esposti għad-dawl, tikkontribwixxi sabiex tiżdied il-konċentrazzjoni tal-alkalojdi li tagħti l-kwalità ffruttata lill-prodott finali. Barra minn hekk, il-kontenut organiku baxx tal-ħamrija jżid il-komponenti aromatiċi taż-żejt taż-żebbuġa li jiġi prodott. It-togħma kemm kemm morra u pikkanti hija attribwita għall-fatt li mal-prodott finali jiżdied ftit żebbuġ tal-varjetà koroneiki u dan minħabba s-sustanzi fenoliċi li jinsabu fiż-żebbuġ fiż-żmien tal-qtugħ. Il-lewn aħdar jiġi minħabba l-konċentrazzjoni li tkun żdiedet ta' klorofilla, l-iktar feofitina u pirofeofitina.

Il-kundizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-klima fir-reġjun (l-umdità, it-temperatura) jgħinu l-karatteristiċi taż-żebbuġ tal-varjetà tsounati, li jista’ jitqies li huwa fil-ħabitat naturali tiegħu, biex jilħaq l-aqwa tiegħu. Il-fatt li din il-varjetà taż-żebbuġ hija mwaħħra, li għalhekk ifisser li s-siġar jarmu tard u l-frott idum biex jikber u għalhekk jimmatura tard, huwa influwenzat mit-temperatura u l-livell relattiv tal-umdità tal-arja u tal-ħamrija li huma l-iktar tajbin fil-perjodi kruċjali. Ukoll, ir-reżistenza taż-żebbuġ tal-varjetà tsounati għall-ksieħ tfisser li ż-żebbuġ jista’ jiġi kkultivat fiż-żona kollha kemm hi. Iż-żebbuġ tal-varjetà koroneiki huwa l-aħjar ikkultivat f’altitudnijiet iktar baxxi u f’ħamrija umda biżżejjed, għalhekk tintuża l-art speċifika taż-żona ġeografika definita bl-aħjar mod possibbli.

Il-kultivazzjoni taż-żebbuġ tal-varjetajiet tsounati u koroneiki, u b’estensjoni l-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa extra-verġini ta’ Selinos, hija l-uniku mod possibbli għal żvilupp li jista’ jittieħed għaż-żona ġeografika definita minħabba li l-predominanza tal-faqar, u fil-biċċa l-kbira minħabba l-aċidu, il-ħamrija skistuża tagħmel is-sitwazzjoni diffiċli sabiex wieħed jaqleb għal għelejjel differenti jew varjetà differenti ta’ żebbuġ jew sabiex jadotta metodi intensivi ta’ kultivazzjoni li huma iktar produttivi. Barra minn dan, is-sbuħija naturali tal-pajsaġġ hija ppriżervata minħabba li s-sistema b’saħħitha tal-għeruq li jkunu jinsabu fil-ħamrija fejn hemm iż-żebbuġ tal-varjetà tsounati b’mod partikolari tevita t-tnixxija tal-ilma mill-wiċċ u l-erożjoni tal-art skistuża bil-pendil li tkun partikolarment fraġli.

4.7.   Korp ta’ spezzjoni:

Skont il-leġislazzjoni nazzjonali, l-ispezzjoni u l-applikazzjoni tal-miżuri li jikkonċernaw id-denominazzjoni tal-oriġini protetta taż-żejt taż-żebbuġa qegħdin isiru mill-korpi msemmijin hawn taħt.

Isem:

Διεύθυνση Γεωργίας του Ν. Χανιών (Id-Direttorat Agrikolu tal-Prefettura ta’ Hania)

Indirizz:

Σφακίων 26 (Sfakion 26)

TK 73174 Χανιά (Hania)

EΛΛΑΔΑ/GREECE

Tel.

+30 2821056463

Feks

+30 2821028047

Posta elettronika:

u14901@minagric.gr

Isem:

Οργανισμός Πιστοποίησης και Ελέγχου Γεωργικών Προϊόντων, Ο.Π.Ε.Γ.Ε.Π. (L-Organizzazzjoni għall-Ħruġ taċ-Ċertifikati tal-Prodotti Agrikoli, l-OPEGEP)

Indirizz:

Άνδρου 1 και Πατησίων (Androu 1 and Patision)

TK 11257

EΛΛΑΔΑ/GREECE

Tel.

+30 2108231277

Feks

+30 2108231438

Posta elettronika:

info@agrocert.gr

4.8.   Ittikkettar

L-imballaġġ taż-żejt taż-żebbuġa għandu jkollu l-indikazzjoni: “Εξαιρετικό Παρθένο Ελαιόλαδο Σέλινο Κρήτης” (Exeretiko Partheno Eleolado Selino Kritis), kif ukoll l-informazzjoni mitluba skont il-leġislazzjoni nazzjonali u tal-Komunità.


Top