This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62009CN0451
Case C-451/09 P: Appeal brought on 18 November 2009 by Pigasos Alieftiki Naftiki Etairia against the judgment of 16 September 2009 of the Court of First Instance (Seventh Chamber) in Case T-162/07 Pigasos Alieftiki Naftiki Etairia v Council of the European Union and Commission of the European Communities
Kawża C-451/09 P: Appell ippreżentat fit- 18 ta’ Novembru 2009 mill-kumpannija Pigasos Alieftiki Naftiki Etaireia mis-sentenza mogħtija fis- 16 ta’ Settembru 2009 mill-Qorti tal-Prim’Istanza (Is-Seba’ Awla) fil-Kawża T-162/07, Pigasos Alieftiki Naftiki Etaireia vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Kawża C-451/09 P: Appell ippreżentat fit- 18 ta’ Novembru 2009 mill-kumpannija Pigasos Alieftiki Naftiki Etaireia mis-sentenza mogħtija fis- 16 ta’ Settembru 2009 mill-Qorti tal-Prim’Istanza (Is-Seba’ Awla) fil-Kawża T-162/07, Pigasos Alieftiki Naftiki Etaireia vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
ĠU C 24, 30.1.2010, pp. 31–32
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
30.1.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 24/31 |
Appell ippreżentat fit-18 ta’ Novembru 2009 mill-kumpannija Pigasos Alieftiki Naftiki Etaireia mis-sentenza mogħtija fis-16 ta’ Settembru 2009 mill-Qorti tal-Prim’Istanza (Is-Seba’ Awla) fil-Kawża T-162/07, Pigasos Alieftiki Naftiki Etaireia vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
(Kawża C-451/09 P)
2010/C 24/57
Lingwa tal-kawża: Il-Grieg
Partijiet
Appellanti: Pigasos Alieftiki Naftiki Etaireia (rappreżentanti: N. Skandamis u M. Perakis, avukati)
Partijiet oħra fil-proċeduri: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tal-appellanti
— |
tilqa’ l-appell preżenti u tannulla s-sentenza mogħtija mis-Seba’ Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej fis-16 ta’ Settembru 2009 fil-Kawża T-162/07, minħabba l-ambigwità u n-nuqqas ta’ motivazzjoni, minħabba l-interpretazzjoni żbaljata tal-kunċetti ġuridiċi invokati fl-appell u minħabba l-evalwazzjoni żbaljata mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-provi prodotti fl-ewwel istanza; |
— |
tikkonstata li l-kawża hija fi stat li tiġi deċiża (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja) u tagħti deċiżjoni finali dwar il-kawża; |
— |
Sussidjarjament: |
— |
tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiddeċiedi fuq ir-rikors ippreżentat fit-8 ta’ Mejju 2007 kontra l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u kontra l-Kummissjoni Ewropea sabiex tikseb kumpens għad-dannu kkawżat bl-azzjonijiet u bin-nuqqasijiet illegali tal-istituzzjonijiet imsemmija, kif ipprovdut fir-rikors tal-ewwel istanza; |
— |
tikkundanna lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għall-ispejjeż. |
Aggravji u argumenti prinċipali
Pemrezz tal-appell tas-16 ta’ Novembru 2009, il-kumpannija Pigasos Alieftiki Naftiki Etaireia tikkontesta s-sentenza mogħtija fis-16 ta’ Settembru 2009 mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-Kawża T-162/07, peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret id-dritt Komunitarju billi bbażat is-sentenza tagħha fuq motivazzjoni insuffiċjenti u billi interpretat b’mod żbaljat ċerti kunċetti legali u billi għamlet evalwazzjoni żbaljata tal-provi prodotti.
B’mod partikolari:
I. |
Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat bħala neċessarji u konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2454/93 li jipprovdu li l-formola T2M hija l-unika metodu ammissibbli sabiex tiġi ppruvata n-natura Komunitarja tal-prodotti ta’ sajd marittimu maqbuda fl-ilmijiet internazzjonali u li qasmu minn territorju ta’ pajjiż terz. Skont l-appellanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkunsidratx il-motivi u l-argumenti tagħha kollha, b’mod partikolari, il-possibbiltà li l-leġiżlatur Komunitarju jipprevedi motivi ta’ provi alternattivi, b’kunsiderazzjoni b’mod partikolari għan-natura mhux xierqa tal-miżura ta’ sigurtà tat-tranżazzjonijiet. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma mmotivatx b’mod suffiċjenti l-konklużjoni tagħha dwar in-natura neċessarja u proporzjonali tar-regolamentazzjoni Komunitarja u għamlet interpretazzjoni żbaljata tan-natura tal-formola T2M bħala dokument li jikkostitwixxi dritt għal moviment liberu. |
II. |
Skont l-appellanti, huwa abbażi ta’ interpretazzjoni żbaljata tal-provi prodotti li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li d-dokumenti maħruġa mill-awtoritajiet doganali Tuneżini lill-kumpannija Pigasos ma kellhomx l-istess kontenut tal-kaxxa Nru 13 tal-formola T2M. Madankollu, mill-proċess kollu jirriżulta li l-prodotti tas-sajd kienu suġġetti mill-awtoritajiet doganali Tuneżini għall-istess sorveljanza kontinwa bħal dik suġġetta għaliha d-dokument T2M. Fil-fatt, id-dokumenti maħruġa mill-awtoritajiet Tuneżini jikkonfermaw li l-prodotti tas-sajd kienu jinsabu fit-territorju Tuneżin f’sistema ta’ “tranżitu” fit-territorju, li jimplika fid-dritt nazzjonali sorveljanza kontinwa mill-awtoritajiet doganali, bħal dik meħtieġa anki fil-kaxxa Nru 13 tal-formola T2M. |
III. |
Billi ddeċidiet, barra minn hekk, li l-kumpannija “Pigasos” ma wrietx id-diliġenza meħtieġa fil-kuntest tal-attività tagħha fit-Tuneżija, il-Qorti tal-Prim’Istanza, skont l-appellanti, għamlet interpretazzjoni żbaljata ta’ dan il-kunċett u biddlet il-limiti tal-attenzjoni u tal-ħarsien dovuti mill-imprenditur sabiex timponi nuqqas ta’ fiduċja fil-konfront tal-aġir tal-organi eżekuttivi tal-pajjiż terz, minħabba l-fatt li mhumiex marbuta bid-dritt Komunitarju. |
Għal dawn il-motivi, l-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-Kawża T-162/07 u tiddeċiedi hija stess fuq il-mertu jew, fin-nuqqas ta’ dan, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.