Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CN0508

Kawża C-508/09: Rikors ippreżentat fit- 8 ta’ Diċembru 2009 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Taljana

ĠU C 24, 30.1.2010, pp. 45–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/45


Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Diċembru 2009 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Taljana

(Kawża C-508/09)

2010/C 24/78

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: C. Zadra u D. Recchia, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Taljana

Talbiet tar-rikorrenti

tikkonstata li, wara l-adozzjoni u l-applikazzjoni, mir-Reġjun ta’ Sardegna, ta’ leġiżlazzjoni dwar l-awtorizzazzjoni ta’ derogi għas-sistema ta’ protezzjoni tal-għasafar selvaġġi li ma tirrispettax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 79/409/KEE (1), ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 9 tad-Direttiva 79/409/KEE;

tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni tqis li l-leġiżlazzjoni adottata mir-Reġjun ta’ Sardegna ma tikkonformax mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 79/409/KEE.

Il-Liġi Reġjunali Nru 2, tat-13 ta’ Frar 2004, dwar il-ġbir ta’ kampjuni tal-kaċċa permezz ta’ deroga, u d-Digrieti 2/V tal-2004 u 8/IV tal-2006 adottati abbażi ta’ din il-liġi, ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 9 tad-Direttiva inkwantu

l-opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku hija ċerti drabi mitluba u, meta tkun negattiva, mhijiex rispettata, u ċerti drabi lanqas biss ma tintalab;

m’hemmx motivazzjoni suffiċjenti (f’dak li jirrigwarda r-rekwiżiti ta’ protezzjoni tal-mezz tal-ġbir ta’ kampjuni tal-kaċċa permezz ta’ deroga, l-alternattivi eżaminati, ir-riżultati realment mistennija);

m’hemmx sistema ta’ kontroll adegwata li tippermetti li jiġi vverifikat li l-kundizzjonijiet imposti fuq id-deroga huma rrispettati u li tittieħed azzjoni fi żmien tajjeb;

il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 9(2) tad-Direttiva, mhumiex meħtieġa mill-Liġi u, konsegwentement, ma jissemmewx fil-miżuri derogatorji.

Il-Liġi Regjonali Nru 2 tat-13 ta’ Frar 2004, ġiet emendata bil-Liġi Reġjonali Nru 4, tal-11 ta’ Mejju 2006. Minkejja dawn l-emendi, il-Liġi Reġjunali Nru 2, tat-13 ta’ Frar 2004, kif ukoll id-Digriet Nru 2225/DecA/3, tat-30 ta’ Jannar 2009, adottat abbażi ta’ din il-liġi, ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 9 tad-Direttiva inkwantu

il-fatt li ġiet introdotta l-konsultazzjoni ta’ korp xjentifiku ma jostakolax l-adozzjoni ta’ atti derogatorji li għandhom xi lakuna fir-rigward tal-motivazzjoni u tal-ġustifikazzjoni, kif ukoll l-adozzjoni ta’ atti derogatorji anki mingħajr l-opinjoni tal-korp xjentifiku;

Il-Liġi Reġjonali 2/2004, kif emendata, tibqa ma tipprovdix li kull miżura derogatorja għanda tirreferi għall-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 79/409 (fil-fatt, id-Digriet 2225 ukoll għandu xi lakuni f’dan ir-rigward).


(1)  Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE, tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 103, p. 1)


Top