Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CA0434

Kawża C-434/12: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat- 12 ta’ Settembru 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Administrativen sad Sofia-grad — il-Bulgarija) — Slancheva sila EOOD vs Izpalnitelen direktor na Darzhaven fond Zemedelie Razplashtatelna agentsia (Politika Agrikola Komuni — FAEŻR — Regolament (UE) Nru 65/2011 — Sostenn għall-iżvilupp rurali — Għajnuna għall-ħolqien u għall-iżvilupp tal-mikroimpriżi — Kunċett ta’ “kundizzjonijiet maħluqa artifiċjalment” — Prattiki abbużivi — Provi)

ĠU C 325, 9.11.2013, pp. 7–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 325/7


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-12 ta’ Settembru 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Administrativen sad Sofia-grad — il-Bulgarija) — Slancheva sila EOOD vs Izpalnitelen direktor na Darzhaven fond Zemedelie Razplashtatelna agentsia

(Kawża C-434/12) (1)

(Politika Agrikola Komuni - FAEŻR - Regolament (UE) Nru 65/2011 - Sostenn għall-iżvilupp rurali - Għajnuna għall-ħolqien u għall-iżvilupp tal-mikroimpriżi - Kunċett ta’ “kundizzjonijiet maħluqa artifiċjalment” - Prattiki abbużivi - Provi)

2013/C 325/10

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administrativen sad Sofia-grad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Slancheva sila EOOD

Konvenut: Izpalnitelen direktor na Darzhaven fond Zemedelie Razplashtatelna agentsia

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Administrativen sad Sofia-grad — Interpretazzjoni tal-Artikolu 4(8) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 65/2011, tas-27 ta’ Jannar 2011, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, dwar l-implimentazzjoni ta’ proċeduri ta’ kontroll kif ukoll kundizzjonalità fir-rigward ta’ miżuri ta’ appoġġ għall-iżvilupp rurali (ĠU L 25, p. 8) — Sostenn għall-iżvilupp rurali — Kunċett ta’ “ħolqien artifiċjali tal-kundizzjonijiet” — Ammissibbiltà ta’ ġurisprudenza nazzjonali li, sabiex jiġi kkonstatat il-“ħolqien artifiċjali ta’ kundizzjonijiet”, rabta ġuridika bejn l-applikanti għall-għajnuna hija meħtieġa u l-Artikolu 4(8) tar-Regolament (UE) Nru 65/2011 huwa applikat bla ħsara għal tliet kundizzjonijiet kumulattivi — Il-preżentata ta’ applikazzjonijiet għal għajnuna minn applikanti differenti, li għandhom rabta effettiva u li jagħmlu użu minn art indipendenti fil-qrib li qabel kienet tikkostitwixxi proprjetà waħda — Neċessità li tiġi stabbilita koordinazzjoni intenzjonali bejn il-kandidati u/jew mat-terzi bil-għan li jinkiseb vantaġġ — Kriterji għall-konstatazzjoni ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 4(8) tar-Regolament (UE) Nru 65/2011

Dispożittiv

(1)

L-Artikolu 4(8) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 65/2011, tas-27 ta’ Jannar 2011, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, dwar l-implimentazzjoni ta’ proċeduri ta’ kontroll kif ukoll kundizzjonalità fir-rigward ta’ miżuri ta’ appoġġ għall-iżvilupp rurali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tiegħu jeħtieġu l-preżenza ta’ element oġġettiv u ta’ element suġġettiv. Skont l-ewwel minn dawn l-elementi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tikkunsidra ċ-ċirkustanzi oġġettivi tal-każ inkwistjoni li jippermettu li jiġi konkluż li ma jistax jintlaħaq l-għan imfittex mill-iskema ta’ sostenn tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR). Skont it-tieni element, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tikkunsidra l-provi oġġettivi li jippermettu li jiġi konkluż li, bil-ħolqien artifiċjali tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-benefiċċju tal-ħlas abbażi tal-iskema ta’ sostenn tal-FAEŻR, il-kandidat għal tali ħlas kellu esklużivament l-għan li jikseb vantaġġ mhux konformi mal-għanijiet ta’ din l-iskema. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tista’ tibbaża ruħha mhux biss fuq provi bħar-rabtiet legali, ekonomiċi u/jew personali bejn il-persuni involuti fi proġetti ta’ investiment simili, iżda wkoll fuq ħjiel li juri l-eżistenza ta’ koordinazzjoni deliberata bejn dawn il-persuni.

(2)

L-Artikolu 4(8) tar-Regolament Nru 65/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li applikazzjoni għal ħlas abbażi tal-iskema ta’ sostenn tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) tiġi miċħuda għall-unika raġuni li proġett ta’ investiment, kandidat sabiex jibbenefika minn għajnuna taħt din l-iskema, ma jkollux awtonomija funzjonali jew li tkun teżisti rabta legali bejn il-kandidati għal tali għajnuna, mingħajr madankollu ma jkunu ttieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi oġġettivi l-oħra tal-każ.


(1)  ĠU C 366, 24.11.2012.


Top