Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013TN0451

Kawża T-451/13: Rikors ippreżentat fl- 14 ta’ Awissu 2013 — Syngenta Crop Protection et vs Il-Kummissjoni

ĠU C 325, 9.11.2013, pp. 40–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU C 325, 9.11.2013, pp. 38–39 (HR)

9.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 325/40


Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Awissu 2013 — Syngenta Crop Protection et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-451/13)

2013/C 325/68

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Syngenta Crop Protection AG (Basel, l-Isvizzera); Syngenta Crop Protection (Brussell, il-Belġju); Syngenta Bulgaria (Sofija, il-Bulgarija); Syngenta Czech s.r.o. (Praga, ir-Repubblika Ċeka); Syngenta Crop Protection A/S (Kopenħagen; id-Danimarka); Syngenta France SAS (Saint-Sauveur, Franza); Syngenta Agro GmbH (Maintal, il-Ġermanja); Syngenta Hellas AEBE — Proïonta Fytoprostasias & Sporoi (Anthoussa Attica, il-Greċja); Syngenta Növényvédelmi kft (Budapest, l-Ungerija); Syngenta Crop Protection SpA (Milano, l-Italja); Syngenta Crop Protection BV (Roosendaal, il-Pajjiżi l-Baxxi); Syngenta Polska sp. z o.o. (Varsavja, il-Polonja); Syngenta Agro Srl (Bukarest, ir-Rumanija); Syngenta Slovakia s.r.o. (Bratislava, is-Slovakkja); Syngenta Agro, SA (Madrid, Spanja); Syngenta UK Ltd (Cambridge, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: D. Waelbroeck, avukat, D. Slater, Solicitor, u I. Antypas, avukat)

Konvenuti: Il-Kummissjoni Ewropea u l-Unjoni Ewropea, kif irrappreżentati mill-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla fl-intier tiegħu r-Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) Nru 485/2013 (iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”) jew, sussidjarjament, tannulla r-regolament ikkontestat safejn dan jimponi restrizzjonijiet fir-rigward tat-tijametossam (iktar ’il quddiem it-“TMS”), iż-żrieragħ ittrattati bit-TMS u l-prodotti li fihom it-TMS;

tikkundanna lill-Unjoni Ewropea, kif irrappreżentata mill-Kummissjoni, għall-ħlas ta’ kumpens għad-danni kollha subiti mir-rikorrenti minħabba l-ksur, mill-Kummissjoni, tal-obbligi legali tagħha, inklużi l-interessi;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha sostnuti fil-kuntest tal-kawża odjerna.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

(1)

L-ewwel motiv jallega li r-regolament ikkontestat impona, fir-rigward tat-TMS, restrizzjonijiet li ma għandhomx bażi xjentifika, fl-assenza ta’ smigħ xieraq, bi ksur tal-Artikoli 4, 12(2), 21 u 49 kif ukoll tal-Anness II tar-Regolament Nru 1107/2009 (1) u b’nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u tad-drittijiet tad-difiża. B’mod partikolari, l-eżami tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (iktar ’il quddiem l-“AESI”) u r-restrizzjonijiet imposti sussegwentement ma kienu bbażati fuq l-ebda prova xjentifika ġdida li tindika riskju; injoraw kwantitajiet sinifikattivi ta’ provi xjentifiċi, jinkludu żbalji materjali fir-rigward tal-parametri essenzjali, u ma huma msejsa fuq l-ebda metodoloġija approvata ta’ evalwazzjoni tar-riskju. Barra minn dan, l-AESI ma identifikat l-ebda riskju għas-sopravvivenza tal-kolonji tan-naħal jew ta’ effetti subletali u hija ma ppreżentat l-ebda konklużjoni negattiva bbażata fuq studji attwali fuq il-post. Il-proċess ta’ eżami u ta’ adozzjoni ta’ miżuri restrittivi sar bl-għaġġla peress li l-eżami xjentifiku ma setax isir b’mod approfondit u peress li l-partijiet interessati ma ngħataw l-ebda oppportunità adegwata sabiex jipparteċipaw.

(2)

It-tieni motiv jallega li r-regolament ikkontestat impona restrizzjonijiet sproporzjonati u diskriminatorji fuq it-TMS, abbażi ta’ riskju purament ipotetiku u fl-assenza ta’ evalwazzjoni xejntifika sħiħa u ta’ kwalunkwe studju fuq l-impatt, bi ksur tal-prinċipju ta’ prekawzjoni u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

(3)

It-tielet motiv jallega li r-regolament ikkontestat ġie adottat bi ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tal-obbligu ta’ diliġenza, u dan b’riżultat ta’ mandat mhux raġonevoli konferit lill-AESI u ta’ proċedura mgħaġġla li ma ppermettietx lill-partijiet interessati li jipparteċipaw b’mod adegwat, li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-provi xjentifiċi rilevanti, u li saret fl-assenza ta’ kwalunkwe studju fuq l-impatt.


(1)  Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Ottubru 2009, dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, p. 1).


Top