Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013TN0454

Kawża T-454/13: Rikors ippreżentat fis- 26 ta’ Awwissu 2013 — SNCM vs Il-Kummissjoni

ĠU C 325, 9.11.2013, pp. 41–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU C 325, 9.11.2013, pp. 39–40 (HR)

9.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 325/41


Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Awwissu 2013 — SNCM vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-454/13)

2013/C 325/69

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Société nationale maritime Corse Méditerranée (SNCM) (Marseille, Franza) (rappreżentanti: A. Winckler, F.-C. Laprévote, J.-P. Mignard u S. Mabile, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla, fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 1926, tat-2 ta’ Mejju 2013;

sussidjarjament, tannulla parzjalment id-deċiżjoni sa fejn din tqis li l-ammont tal-għajnuna jinkludi l-elementi ċċitati fil-punt 218 tad-deċiżjoni;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 1926 finali, tat-2 ta’ Mejju 2013, li permezz tagħha l-Kummissjoni, l-ewwel nett, ikklassifikat bħala għajnuna mill-Istat il-kumpens finanzjarju mħallas lis-Société Nationale Corse Méditerranée (SNCM) u lill-Compagnie Méridionale de Navigation (CNM) għas-servizzi ta’ trasport marittimu pprovduti bejn Marseille u Korsika għas-snin 2007-2013 fil-kuntest ta’ ftehim għal servizzi pubbliċi. Sussegwentement, il-Kummissjoni ddikjarat bħala kompatibbli mas-suq intern il-kumpens imħallas lill-SNCM u lis-CNM għal servizzi ta’ trasport ipprovduti matul is-sena (iktar ’il quddiem is-“servizz imsejjaħ ‘bażiku’”), iżda iddikjarat bħala inkompatibbli mas-suq intern il-kumpens imħallas għas-servizzi pprovduti matul il-perijodi ta’ attività kbira li huma l-perijodi tal-Milied, ta’ Frar, rebbiegħa-ħarifa u/jew sajf (iktar ’il quddiem is-“servizz imsejjaħ ‘komplementari’”). Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ordnat l-irkupru tal-għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern [Każ ta’ għajnuna mill-Istat SA.22843 2012/C (ex 2012/NN)].

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

(1)

L-ewwel motiv ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni inkwantu l-Kummissjoni qieset, b’mod żbaljat, li s-servizzi “komplementari” ma kinux jikkostitwixxu servizz ekonomiku ta’ interess ġenerali. Ir-rikorrenti ssostni li b’hekk il-Kummissjoni:

wettqet żball ta’ liġi billi rrestrinġiet il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ rrikonoxxut mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea lill-Istati fid-definizzjoni tas-servizzi pubbliċi tagħhom;

applikat test żbaljat u mhux applikabbli f’dan il-każ ta’ “bżonn veru” ta’ servizz pubbliku;

wettqet żball ta’ liġi, żball ta’ fatt u żball manifest ta’ evalwazzjoni meta analizzat separatament is-servizz “bażiku” u s-servizz “komplementari”;

wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni rigward in-nuqqas ta’ inizjattiva privata dwar is-servizz “komplementari”.

(2)

It-tieni motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni inkwantu l-Kummissjoni qieset, b’mod żbaljat, li l-għoti tal-ftehim għal servizz pubbliku ma kienx jissodisfa r-raba’ kriterju stabbilit mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C-280/00, Ġabra p. I-7747), minkejja li dan kien irriżulta minn sejħa għal offerti miftuħa u trasparenti.

(3)

It-tielet motiv ibbażat, b’mod sussidjarju u bil-preżunzjoni li l-kumpens tas-servizz “komplementari” jikkostitwixxi għajnuna (quod non), fuq ksur tal-Artikoli 106(2) TFUE u 107 TFUE, tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ projbizzjoni ta’ arrikkiment indebitu, kif ukoll fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni waqt il-valutazzjoni tal-ammont tal-għajnuna li kellha tiġi rkuprata, sa fejn il-kalkolu tal-għajnuna li kellha tiġi rkuprata la kien jieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż addizzjonali realment imġarrba mill-SNCM għas-servizz “komplementari”, u lanqas is-sottokumpens relatat mas-servizz “bażiku”, u kien ibbażat, fi kwalunkwe każ, fuq evalwazzjoni żbaljata tal-parti tal-kumpens allokata lis-servizz “bażiku” u l-parti allokata lis-servizz “komplementari”.

(4)

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi, sa fejn il-Kummissjoni marret kontra l-prassi deċiżjonali tagħha u applikat il-Komunikazzjoni SIEG (1) li ma kinitx ġiet adottata fid-data li fiha ġie ffirmat il-ftehim għal servizz pubbliku. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li t-tul tal-proċedura kien tali li ħoloq aspettattivi leġittimi għaliha li jipprekludu lill-Kummissjoni milli tordna lill-awtoritajiet nazzjonali jirkupraw l-għajnuna.

(5)

Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi stabbilixxiet differenza fit-trattament, li ma hijiex iġġustifikata, bejn l-SNCM u kumpanniji marittimi oħrajn.


(1)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni Ewropea għall-kumpens mogħti għall-fornitura ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU 2012, C 8, p. 4).


Top