Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015TN0174

Kawża T-174/15: Rikors ippreżentat fit-8 ta’ April 2015 – EFB vs Il-Kummissjoni

ĠU C 205, 22.6.2015, pp. 35–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 205/35


Rikors ippreżentat fit-8 ta’ April 2015 – EFB vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-174/15)

(2015/C 205/47)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: European Federation of Biotechnology (EFB) (Liège, il-Belġju) (rappreżentanti: M. Troncoso Ferrer u S. Moya Izquierdo, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

tordna lill-Kummissjoni tħallas EUR 36  457,79 lir-rikorrenti;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tiddikjara li l-Kummissjoni kisret l-obbligi kuntrattwali tagħha li hija kellha taħt il-kuntratt tal-24 ta’ Jannar 2007 dwar il-proġett għall-European Federation of Biotechnology Latin American Action on Functional Foods, bir-referenza CT-2006-043158, u titlob il-ħlas tas-somma finali ta’ EUR 36  457,79 euros.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni ta’ diversi spejjeż eliġibbli, li jikkostitwixxu żball fl-evalwazzjoni tal-provi li jmur kontra l-Artikolu 1315 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan;

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli II.20 u II.6 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt;

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 1134 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan u tal-prinċipju tal-eżekuzzjoni in bona fide tal-kuntratt;

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tirrimborsax ċertu spejjeż;

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi legittimi;

6.

Is-sitt motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ ċarezza tar-regoli applikabbli għas-Sitt Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku.


Top