Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015XC0718(01)

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

ĠU C 235, 18.7.2015, pp. 5–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 235/5


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2015/C 235/05)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA GĦALL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA’ DENOMINAZZJONIJIET TA’ ORIĠINI PROTETTA/INDIKAZZJONIJIET ĠEOGRAFIĊI PROTETTI LI MHIJIEX MINURI

Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

“TORTA DEL CASAR”

Nru tal-UE: ES-PDO-0105-01128 – 8.7.2013

DOP ( X ) IĠP ( )

1.   Grupp applikant u interess leġittimu

Consejo Regulador de la Denominación de Origen Protegida Torta Del Casar [Kunsill Regolatorju għad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta “Torta del Casar”]

Avda. de la Constitución, 13. 10190

Casar de Cáceres.

ESPAÑA

Tel./Fax: +34 927290713/927291654

E-mail: info@tortadelcasar.eu

Il-Kunsill Regolatorju huwa organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ rikonoxxuta bħala l-korp maniġerjali għad-DOP mill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru. Jopera fuq prinċipji demokratiċi u jirrappreżenta l-interessi ekonomiċi u settorjali tal-membri tiegħu, b’attenzjoni speċjali għall-interessi minoritarji, biex b’hekk tiġi żgurata rappreżentanza ugwali tal-interessi varji.

Fir-rigward ta’ din l-applikazzjoni, l-irwol tal-Kunsill Regolatorju huwa li jipproponi emendi għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott u li jipparteċipa fi kwalunkwe proċediment istitwit għal dak il-għan, kif ukoll biex jistabbilixxi rekwiżiti fir-rigward ta’ tikketti sekondarji, siġilli u marki ta’ garanzija oħra speċifiċi għal dan id-DOP (inklużi marki li jistgħu jiġu nklużi fit-tikketta) u li joħroġhom.

Din l-applikazzjoni għall-emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ġiet miftiehma mill-Kunsill Regolatorju għad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta tat-“Torta del Casar” skont ir-rwol allokat tiegħu, u għalhekk l-interess tiegħu huwa kompletament leġittimu.

2.   Stat membru jew pajjiż terz

Spanja

3.   Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda(i)

Isem il-prodott

Deskrizzjoni tal-prodott

Żona ġeografika

Prova tal-oriġini

Metodu ta’ produzzjoni

Rabta

Tikkettar

Oħrajn:

Rekwiżiti nazzjonali

Korp ta’ kontroll

4.   Tip ta’ emenda(i)

Emenda għall-ispeċifikazzjoni ta’ prodott ta’ DOP jew IĠP reġistrata li ma għandhiex tiġi kwalifikata bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

Emenda għall-ispeċifikazzjoni ta’ prodott ta’ DOP jew IĠP reġistrata li għaliha ma ġiex ippubblikat Dokument Uniku (jew l-ekwivalenti) li ma għandhiex tiġi kwalifikata bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

5.   Emenda(i)

Introduzzjoni

L-emendi għas-sezzjonijiet “Deskrizzjoni tal-prodott” u “Metodu ta’ Produzzjoni” huma intiżi biex tittejjeb il-garanzija tal-kwalità, jiġi ffaċilitat il-fehim u bħala tweġiba għal domanda ġdida tas-suq mingħajr ma jiġu affettwati l-karatteristiċi speċifiċi tal-prodott.

L-emendi għall-intestaturi li jikkorrispondu għall-“Prova tal-Oriġini”, it-“Tikkettar” u “Oħrajn” huma meħtieġa għal konformità mar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. L-ispeċifikazzjoni attwali tal-prodott ġiet imfassla qabel ġie ppubblikat dak ir-Regolament u għalhekk xi sezzjonijiet mhumiex konformi mal-leġiżlazzjoni attwalment fis-seħħ. Saru wkoll emendi biex tittejjeb il-valutazzjoni tal-konformità, skont l-istandard UNE-EN ISO/IEC 17065/2012.

Fuq talba tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali s-sezzjoni intestata “Rabta” ġiet ristrutturata u msaħħa.

L-emendi li saru u r-raġunijiet għaliex saru huma stabbiliti hawn taħt.

Deskrizzjoni tal-prodott

Qed tingħata deskrizzjoni aktar preċiża tal-karatteristiċi fiżiċi tat-“Torta del Casar”, inkluż tal-ġnub tagħha, li, fil-forma oriġinali tagħhom, mhumiex evidenti ħafna. Għalhekk ġew miżjuda l-kliem “trufijiet ittundjati” bħala evidenza li l-ġobnijiet ġew immaniġġjati b’mod korrett fl-istadju tal-maturazzjoni.

Ġie inkluż daqs ġdid tat-“Torta del Casar”. Huwa magħruf bħala “żgħir” u jiżen bejn 200 g u 500 g. Id-daqs il-ġdid qed jiġi introdott bi tweġiba għal domanda ġdida tas-suq identifikata mir-riċerka tas-suq li saret mill-konsulenti AC Nielsen (Estudio Notoriedad e Imagen de la Torta del Casar [Studju dwar ir-reputazzjoni u l-immaġni tat-“Torta del Casar”], Mejju 2008) u mill-Bureau Veritas (Estrategias de mercados de quesos DOP Torta del Casar [Strateġiji ta’ Kummerċjalizzazzjoni għad-DOP tal-ġobnijiet “Torta del Casar”], 2005).

Twettqu kontrolli biex jiġi vverifikat li d-daqs il-ġdid għad għandu l-istess karatteristiċi fiżikokimiċi u organolettiċi bħall-ġobnijiet ta’ daqs medju u kbar, b’mod partikolari fir-rigward tal-perjodu ta’ maturazzjoni, peress li l-ispeċifikazzjoni tal-prodott ma tistabbilixxix l-istess perjodu ta’ maturazzjoni għad-daqsijiet kollha iżda sempliċiment tistabbilixxi perjodu minimu li jippermetti li l-ġobnijiet jakkwistaw il-karatteristiċi speċifiċi tagħhom u jkunu lesti biex jitqassmu. Perjodu minimu ta’ maturazzjoni ta’ 60 jum huwa wkoll rekwiżit sanitarju għall-użu ta’ ħalib mhux ipproċessat, iżda l-perjodu ta’ maturazzjoni jista’ jiżdied għal 90 jew għal 100 jum skont id-daqs tal-ġobon u l-kundizzjonijiet. Dak il-perjodu ġie vverifikat mill-Istitut tat-Teknoloġija Agroalimentari tal-Extremadura (Instituto Tecnológico Agroalimentario de Extremadura, INTAEX), kif jidher mir-rapport tiegħu dwar it-tibdil fid-daqsijiet tal-ġobnijiet. Madankollu, ma sar l-ebda test biex jiġi determinat jekk il-ġobnijiet tad-daqs il-ġdid jistgħux jimmaturaw f’perjodu iqsar ta’ żmien, peress li mhi qed tintalab l-ebda emenda fir-rigward tal-perjodu ta’ maturazzjoni.

Il-firxiet ta’ piżijiet mogħtija fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott għaż-żewġ daqsijiet eżistenti (900-1 100 g għall-ġobon kbir u 500-700 g għall-ġobon ta’ daqs medju) ġew emendati. Il-firxa tal-piż għall-ġobon kbir żdiedet b’100 g (801-1 100 g), kif ukoll il-firxa tal-piż għall-ġobon ta’ daqs medju (501-800 g), biex b’hekk fil-klassifikazzjoni ġew inklużi ġobnijiet b’piż ta’ bejn is-700 g u d-900 g, li inspjegabbilment kienu ġew esklużi.

Dawn it-tliet daqsijiet, issa magħrufin bħala “żgħir” (200-500 g), “ta’ daqs medju” (501-800 g) u “kbir” (801-1 100 g), ġew definiti minħabba li l-konformità tal-prodott hija vvalutata u t-tikketti ta’ ċertifikazzjoni huma allokati abbażi tal-ġobon prodott u mhux abbażi tal-piż tagħhom. It-tliet firxiet stabbiliti jagħmluha possibbli li jkun hemm rabta bejn iż-żewġ daqsijiet, u dan jippermetti li jsir ittestjar xieraq għall-konformità. Il-piż jiġi vverifikat fl-aħħar tal-proċess ta’ maturazzjoni u qabel it-tqassim.

Is-sistema tad-daqsijiet ġiet modifikata, kemm biex tippermetti d-daqs il-ġdid u biex jiġi żgurat li, f’sistema ta’ produzzjoni tradizzjonali li fiha l-qisien mhumiex eżatti, it-“Torta del Casar” maħduma dejjem ikollha l-forma ta’ torta li minnha ħadet isimha, prinċipalment billi tkun aktar wiesgħa milli twila.

Attwalment, il-karatteristiċi organolettiċi huma definiti b’mod pjuttost soġġettiv u mhumiex dejjem komparabbli mat-termini u mal-metodoloġija aktar oġġettivi użati fl-istandards tal-ISO għal analiżi sensorjali, li se jiffurmaw il-bażi għall-verifika sussegwenti tagħhom. It-test attwali jqis mhux biss it-terminoloġija stabbilita fl-istandards relevanti, iżda wkoll il-pubblikazzjoni Guía de evaluación sensorial de los quesos [Gwida sensorjali għall-Valutazzjoni ta’ Ġobnijiet] (José González Crespo u Isidro Roa Ojalvo; Instituto Tecnológico Agroalimentario de Extremadura. Fondo Formación, 2000).

Biex il-valutazzjoni sensorjali tkun aktar oġġettiva, il-karatteristiċi relatati mal-parti ta’ barra jew mal-qoxra tal-ġobon ġew differenzjati minn dawk relatati mal-intern jew mal-ġewwieni.

—   Qoxra: il-kulur kien definit bħala “isfar jagħti fl-okra”, iżda l-isfar tneħħa għaliex huwa diġà inkluż fid-definizzjoni ta’ okra u għalhekk huwa żejjed u ma jżid xejn mad-deskrizzjoni tal-prodott.

—   Ġewwieni: id-deskritturi użati ġew kjarifikati kif ġej:

Il-konsistenza tal-ġewwieni ġiet ridefinita bħala “ratba għal ratba ħafna”. It-terminu “jista” jiddellek’, li huwa marbut mal-attribut ta’ “viskożità” (ISO 5492:08; 3.48, viskożità), tħassar.

Fid-definizzjoni tal-“istruttura” (ISO 5492:08; 3.55, konformazzjoni, struttura), “sawra magħluqa” ġiet sostitwita b’“uniformi”, b’referenza għall-“arranġament u d-distribuzzjoni tal-elementi interni” (Guía de evaluación sensorial de los quesos, p. 22), u ġie speċifikat li għandu jkun hemm “toqob ittundjati karatteristiċi tal-proċess ta’ maturazzjoni”. It-termini “artab u żejtni” ġew imħassra wkoll, minħabba li huma attributi relatati mal-ebusija (ISO 5492:08; 3.42, ebusija) u mal-viskożità (ISO 5492:08; 3.48, viskożità) u diġà ġew definiti b’referenza għall-konsistenza tal-ġewwieni.

Il-kliem “bħala riżultat xi kultant il-ġewwieni jnixxi minn ġo xquq fil-qoxra” tħassar, minħabba li mhuwiex konsistenti mad-deskrizzjoni tal-qoxra, li tippermetti biss xquq żgħar fuq il-wiċċ tal-ġobon.

Saru l-emendi li ġejjin għad-deskrizzjoni tas-sawra biex tinġieb f’konformità mingħajr ma jkollha tinbidel kompletament:

It-terminu “kremuż”, użat fid-deskrizzjoni oriġinali biex jiddefinixxi l-fluwidità aktar milli l-viskożità (ISO 5492:08; 3.48, viskożità), inżamm, iżda żdied l-avverbju “moderatament” biex jinġieb aktar qrib “viskuż”.

Ġie miżjud l-attribut “ftit li xejn għall-ebda granularità” (ISO 5492:08; 3.54, granularità).

Peress li r-riħa u t-togħma huma attributi esklussivament relatati mal-ġewwieni, tmexxew mis-sezzjoni relatata mal-qoxra għal din is-sezzjoni u għall-fini ta’ ċarezza ġew deskritti individwalment.

Fir-rigward tar-riħa, il-kelma “intensa” tħassret, minħabba li sempliċiment tiddefinixxi d-daqs tas-sensazzjoni perċepita (ISO 5492:08; 2.8, intensità) mingħajr ma neċessarjament tidentifika attributi li huma speċifiċi għall-prodott protett. Issa dik l-intensità ġiet kwantifikata fir-rigward ta’ deskritturi li huma speċifiċi għall-prodott mill-familji “lattiċi” u “veġetali”.

Fir-rigward tat-togħma, il-kelma “żviluppata” tneħħiet, minħabba li mhijiex definita fl-istandards. It-togħma bażika “morra” (ISO 5492:08; 3.5, morra) ġiet kwantifikata u ġew miżjudin u kwantifikati żewġ togħmiet bażiċi oħrajn, “mielħa” (ISO 5492:08; 3.6, mluħa) u “aċiduża” (ISO 5492:08; 3.3, aċidità). Il-kliem “attribwibbli għat-tames veġetali użat” tneħħa, peress li mhuwiex frażi li tiddeskrivi jew li tikkwantifika t-togħma.

Prova tal-oriġini

Xi paragrafi f’din it-taqsima ġew emendati sabiex jinġiebu aktar konformi mal-istandard UNE-EN ISO/IEC 17065/2012, jiġifieri dak li jiddeskrivi l-kontrolli li jsiru mill-operaturi skont l-ispeċifikazzjoni tal-prodott u l-verifika ta’ konformità ma’ dik l-ispeċifikazzjoni mill-korp ta’ kontroll.

Metodu ta’ produzzjoni

Biex tiġi garantita l-oriġini tal-ħalib użat għall-produzzjoni tad-DOP tal-ġobon “Torta del Casar”, ġie introdott ir-rekwiżit li ġej fir-rigward tas-sistema tat-trobbija tal-bhejjem: “L-annimali kollha reġistrati f’kull azjenda reġistrata għandhom jappartjenu għar-razza tal-merino jew tal-entrefino, u l-azjendi kollha li jaqsmu l-faċilitajiet tal-immaniġġjar u tal-ħalib għandhom jiddaħħlu fir-reġistru rilevanti.” Il-paragrafu li ġej tħassar: “Bl-istess mod, fejn nagħaġ li jiddaħħlu fir-reġistru jinżammu ma” nagħaġ li mhumiex imdaħħla fir-reġistru, il-faċilitajiet użati biex dawn jiġu mmaniġġjati għandu jkollhom differenzjazzjoni ċara.’

Il-paragrafu li jistabbilixxi l-għadd ta’ annimali li jagħmlu l-merħla preżenti tan-nagħaġ tal-ħlib tar-razza tal-merino u tal-entrefino u l-produzzjoni annwali stmata tal-ħalib tħassar, minħabba li dawn huma parametri li maż-żmien jistgħu jvarjaw.

Ġiet deskritta s-sistema permessa tal-biedja u tal-għalf. It-terminu “bwar” ġie sostitwit b’“riżorsi naturali”, li jinkludu l-prattiċi tradizzjonali taż-żona ta’ żrigħ ta’ għelejjel li jistgħu jintużaw għar-ragħa jew, wara l-ħsad, jew bħala għalf imnixxef jew aħdar. Bl-istess mod, ġew elenkati l-komponenti li jistgħu jintużaw bħala għalf supplimentari, jiġifieri għalf, tiben, għalf kompost u konċentrati. Il-kliem “ivverifikat mill-persunal tekniku tal-Kunsill Regolatorju” tħassar, minħabba li ma jiddeskrivix is-sistema tal-għalf.

L-iżviluppi leġiżlattivi tul dawn l-aħħar snin, li daħlu wara l-abbozzar inizjali u l-pubblikazzjoni tad-DOP tat-“Torta del Casar”, ħolqu l-ħtieġa li jiġi riorganizzat u ssupplimentat il-punt relatat mal-proċessi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, jiġifieri l-ħlib u t-trasport u l-ħażna tal-ħalib. Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (2) u r-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (3) stabbilixxew standards ta’ iġjene għall-produzzjoni tal-ħalib tan-nagħaġ mhux ipproċessat. Sussegwentement, ir-regoli Komunitarji ġew żviluppati ulterjorment fuq livell nazzjonali b’Ordni Amministrattiva 752/2011 tas-27 ta’ Mejju 2011 li tistabbilixxi r-regolamenti bażiċi ta’ kontroll li għandhom jiġu rispettati mis-settur tal-ħalib mhux ipproċessat tan-nagħaġ u tal-mogħoż. Testendi wkoll in-notifika obbligatorja tar-riżultati tat-testijiet differenti għall-bażi tad-dejta “Letra Q” għas-settur tal-ħalib mhux ipproċessat tan-nagħaġ, li sa issa kienet tapplika biss għas-settur tal-ħalib tal-baqar. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, saru l-emendi li ġejjin:

L-inklużjoni tat-test li ġej li jistabbilixxi r-rekwiżiti minimi għall-ħalib li se jintuża għall-produzzjoni tad-DOP tal-ġobon “Torta del Casar”: “F’termini tal-kwalità u l-kompożizzjoni tiegħu, il-ħalib li jintuża għall-produzzjoni tat-‘Torta del Casar’ għandu, fi kwalunkwe każ: ma jkunx ipproċessat, għandu jkun sħiħ, mhux standardizzat, nadif u mingħajr impuritajiet; ikollu kontenut ta’ xaħam flimkien ma” proteini ta’ mill-inqas 11,0 % u kontenut ta’ proteini ta’ mill-inqas 4,8 %; ikollu pH ta’ bejn 6,6 u 6,9.’

Il-produttur primarju issa jista' jiddetermina l-aħjar prattika tiegħu stess għall-immaniġġjar tal-bhejjem, biex b’hekk tiġi permessa flessibbiltà individwali imma dejjem tiġi garantita l-iġjene tal-ħalib. Għal dan il-għan, is-sentenza “Il-ħlib isir darbtejn kuljum” tħassret u ddaħħlet is-sentenza li ġejja: “Il-ħlib għandu jsir f’kundizzjonijiet li jiggarantixxu l-iġjene tal-ħalib f’kull ħin, u, fejn ikun meħtieġ, il-ħalib għandu jinġabar u jinġarr separatament minn ħalib ieħor.”

Il-parametri tal-immaniġġjar tal-ħalib fir-rigward tat-temperaturi minimi u massimi u l-ħin massimu ta’ ħażna nġiebu f’konformità mas-sitwazzjoni reali, li fiha faċilitajiet aħjar u l-ittestjar meħtieġ mil-leġiżlazzjoni l-ġdida jagħmilha possibbli li tiġi garantita l-aqwa kwalità tal-ħalib f’kull ħin. Għal dan il-għan, it-test “iż-żamma tal-ħalib f’temperatura ta’ 4 °C għal massimu ta’ 48 siegħa u t-trasport tiegħu, fejn ikun meħtieġ, f’kondizzjonijiet iġjeniċi f’reċipjenti iżolati jew refriġerati” tħassar u ddaħħal it-test li ġej: “Il-perjodu massimu ta’ ħażna wara l-ħlib u qabel l-ipproċessar ma jistax jaqbeż it-72 siegħa, li matulu l-ħalib għandu jinżamm f’temperatura ta’ bejn 1 °C u 6 °C f’tankijiet imkessħin intiżi esklussivament għall-ħalib minn impriżi reġistrati u jkunu jinsabu f’faċilitajiet iddikjarati mill-operaturi.”

Ir-rekwiżit li ġej ġie inkluż ukoll u jirrappreżenta titjib fil-proċess ta’ produzzjoni li għandu impatt fuq il-kwalità u jiggarantixxi l-ħalib użat għall-produzzjoni tad-DOP tat-“Torta del Casar”: “L-imħaleb kollha tal-ġobon għandu jkollhom tal-anqas tank imkessaħ fuq il-post riservat esklussivament għat-teħid tal-kunsinna u għall-ħażna tal-ħalib minn operaturi reġistrati.”

Saru emendi għal xi parametri tal-manifattura li s’issa kienu ngħataw bħala valuri uniċi u assoluti li ma kinux kompatibbli mal-apparat tal-kejl li llum il-ġurnata qed jiġi installat fil-faċilitajiet ta’ produzzjoni, li l-kalibrazzjoni, l-eżattezza u l-preċiżjoni tiegħu jagħmluha possibbli li jiġu stabbiliti firxiet ta’ tolleranza li mhux biss ma jdgħajfux il-valur inizjali iżda jsaħħu wkoll il-kapaċità tal-maħleb li jissorvelja l-proċess. Issa li l-imħaleb jistgħu jimmonitorjaw it-temperatura (termometri fit-tankijiet tal-baqta), il-pressjoni (manometri fi preses pnewmatiċi) u l-umdità relattiva (igrometri fil-kmamar ta’ maturazzjoni) aktar mill-qrib u jużaw sistemi esterni ta’ kalibrazzjoni u ta’ verifika minn laboratorji indipendenti, huwa possibbli li jinkiseb qari aktar preċiż u eqreb għall-valuri reali sabiex jiġi mmonitorjat il-proċess. Konsegwentement, saru aġġustamenti għall-figuri relatati mat-temperatura (tnaqqis tat-temperatura minima minn 28 °C għal 26 °C), il-ħin ta’ tibqit (żieda tal-ħin massimu minn 80 għal 90 minuta), l-ippressar (żieda fil-pressjoni massima minn 2,5 kg/ċm2 għal 3 kg/ċm2 u t-tneħħija tal-ħin minimu ta’ ippressar, li issa sar “massimu ta’ 8 sigħat” minflok “bejn 3 u 8 sigħat”) u l-umdità relattiva waqt il-maturazzjoni (żieda fil-massimu minn 90 % għal 95 %).

Fir-rigward tal-istadju ta’ tmelliħ, it-terminu “klorur tas-sodju” ġie sostitwit bit-terminu “melħ komuni”, sabiex jintuża l-isem tradizzjonali tas-sustanza inkwistjoni, li jirrifletti wkoll l-isem tal-istadju nnifsu. Barra minn hekk, għalkemm il-ġobon xorta jista' jiġi mmellaħ fin-niexef jew niedi, il-paragrafu li ġej tħassar: “Fejn jintuża tmelliħ niedi, il-ġobon għandu jitqiegħed fis-salmura b’konċentrazzjoni massima ta’ 16° Beaumé għal madwar 5 sa 6 sigħat”. Dan minħabba li r-referenza għal soluzzjoni salina b’konċentrazzjoni ta’ bejn 0° u 16° Beaumé mhux neċessarjament tirriżulta f’ġobon li jkun ġie mmellaħ kif suppost. Għandu wkoll jiġi rrilevat li l-proporzjon massimu ta’ klorur tas-sodju, li huwa l-komponent ewlieni tal-melħ komuni, diġà ġie stabbilit fid-deskrizzjoni tal-prodott (punt B(2) tal-ispeċifikazzjoni: NaCl massimu ta’ 3 %) u għalhekk huwa soġġett għal ittestjar finali.

Iddaħħal il-paragrafu “Matul il-proċess ta’ maturazzjoni, il-wiċċ tal-ġobon jista” jiġi trattat b’fungiċida mingħajr kulur’ biex tiġi garantita l-kwalità finali tal-ġobon, u b’hekk jiġi aċċettat it-trattament b’fungiċidi mingħajr kulur. Il-moffa Penicillium, Aspergillus u Fusarium hija mikroorganiżmi li jikbru sew fuq substrati niedjin, kemmxejn aċidużi, rikki fin-nutrijenti li jkollhom kontenut baxx ta’ melħ f’temperaturi moderati fil-preżenza tal-ossiġenu. Dawn huma kundizzjonijiet li jistgħu faċilment jinsabu fuq il-wiċċ tat-“Torta del Casar”, fejn it-tkabbir tal-moffa jista' jkun mgħaġġel ħafna u jaffettwa l-kwalità tal-prodott. Barra minn hekk, ċerti tipi ta’ moffa jistgħu jipproduċu mikotossini, li jaffettwaw is-sigurtà tal-prodott.

Il-paragrafi li ġejjin ġew imħassra għaliex m’għandhomx x’jaqsmu mal-proċess ta’ produzzjoni u jirreferu għal dokumenti oħra (Regolament, Manwal tal-Kwalità, Manwal tal-Proċeduri):

“Wara l-maturazzjoni, il-prodotti bil-karatteristiċi stabbiliti fis-sezzjoni B għandhom jiġu vverifikati mill-persunal tekniku tal-Kunsill Regolatorju, li jwettqu l-kontrolli, it-teħid ta’ kampjuni u l-ittestjar xieraq sabiex jiġi determinat jekk humiex konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament, fil-Manwal tal-Kwalità u fil-Manwal tal-Proċeduri. Il-proċess ta’ kontroll imbagħad ikompli mal-Kumitat ta’ Ċertifikazzjoni, li għandu tliet membri li jirrappreżentaw tliet gruppi ta’ interess, jiġifieri l-bdiewa u l-manifatturi, il-konsumaturi u l-utenti, u l-ispeċjalisti tekniċi. Huwa jinforma lill-Kunsill Regolatorju dwar jekk jaqbilx jew le mar-riżultati tat-testijiet li jkunu saru.”

“Il-proċess ta’ ċertifikazzjoni jkun komplet ladarba tkun tqiegħdet tikketta sekondarja nnumerata fuq kull ġobna li tkun ġiet verifikata, u din tiggarantixxi l-oriġini u l-kwalità tagħha. It-tikketta sekondarja tinħareġ mill-Kunsill Regolatorju u tiġi mehmuża b’mod inseparabbli u b’mod li ma tistax titħassar mal-ġobon sakemm jiġi kkonsmat.”

Madankollu, sabiex tiġi żgurata konformità mal-ispeċifikazzjoni, huwa speċifikat li l-Kunsill Regolatorju huwa l-korp ta’ kontroll skont it-tifsira tal-Artikoli 37 u 39 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u ilu mill-20 ta’ Lulju 2012 jżomm l-akkreditazzjoni rilevanti taħt l-istandard UNE-EN 45011/1998, u li dik l-akkreditazzjoni għadha valida llum (Anness Tekniku, Nru tal-Akkreditazzjoni 103/C-PR221, rev. 2, datata d-29 ta’ Lulju 2014). Dan ifisser li l-Kunsill Regolatorju jkun wera l-kompetenza teknika, l-imparzjalità u l-oġġettività tiegħu u jkun wera li għandu r-riżorsi meħtieġa biex jaġixxi bħala korp taċ-ċertifikazzjoni tal-prodott.

Għalhekk, il-Kunsill Regolatorju, bħala l-korp ta’ kontroll, jispezzjona l-proċess ta’ produzzjoni tal-operaturi biex jevalwa jekk ir-riżultati tal-kontrolli humiex korretti u biex jittestja l-kampjuni tal-materja prima u tal-prodott lest li jkunu ttieħdu waqt il-produzzjoni. Sabiex tiġi garantita l-imparzjalità u l-oġġettività tal-azzjonijiet tiegħu, għandu Kumitat tal-Partijiet Interessati (preċedentement magħruf bħala l-Kumitat ta’ Ċertifikazzjoni) b’rappreżentazzjoni bilanċjata tat-tliet gruppi ta’ interess, jiġifieri l-fornituri u l-proċessuri tal-ħalib, il-konsumaturi u l-utenti, u l-ispeċjalisti tekniċi.

Waħda mill-karatteristiċi ewlenin tat-“Torta del Casar” hija s-sawra kremuża tagħha. Madankollu, ladarba tkun laħqet l-istat ottimali tagħha, bil-mod titlef il-kremożità tagħha, li jista’ jfisser li, wara ċertu żmien, il-ġobon ma jkunx għad għandu l-karatteristiċi li għandhom ikunu speċifiċi għalih. Konsegwentement, sabiex tiġi żgurata l-aħjar kwalità tal-prodott, ġie stabbilit limitu ta’ żmien għall-konsum u ġie miżjud it-test li ġej: “Qabel it-tqassim, il-ġobnijiet li jkunu ġew ivvalutati mill-imħaleb tal-ġobon bħala konformi mal-ispeċifikazzjoni għandhom jiġu tikkettati b’tikketti ta’ ċertifikazzjoni biex tiġi garantita l-oriġini u t-traċċabbiltà tagħhom. Kull tikketta għandha turi tal-inqas in-numru tas-serje tal-prodott, in-numru tal-lott u d-data tal-aħjar qabel, li ma tistax tkun ta’ aktar minn 210 jum wara d-data tal-manifattura”, li għandha tinftiehem bħala d-data li fiha l-ħalib ġie koagulat, u b’hekk ikun inbeda l-proċess tal-produzzjoni tal-ġobon.

Bi tweġiba għad-domanda ġdida tas-suq identifikata mill-istudju li sar mill-Bureau Veritas (Estrategias de mercados de quesos con Denominación de Origen Protegida Torta del Casar), issa huwa permess li l-ġobnijiet jintbagħtu maqtugħin f’porzjonijiet, u għalhekk ġie miżjud it-test li ġej: “Ġobnijiet ċertifikati jistgħu jintbagħtu f’nofs jew fi kwart ta’ porzjon.”

Biex tiġi garantita kwalità aħjar għall-konsumatur, dan li ġej ġie miżjud fir-rigward tal-ippakkjar: “Is-sistema ta’ ppakkjar għandha tippreserva l-integrità u l-kwalità finali tal-prodott.”

Rabta

Il-paragrafi li jiffurmaw din is-sezzjoni ġew riorganizzati. Il-parti li tirrigwarda l-fatturi naturali ma ġietx emendata, iżda sar titjib għall-kliem tal-parti relatata mal-fatturi storiċi u ekonomiċi, u ġew inklużi wkoll fatturi umani li jsaħħu r-rabta.

Tikkettar

Issa t-test ġie konformi mar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u mas-sezzjonijiet preċedenti. It-test kollu li għandu jagħmel parti mill-proċedura għall-użu tal-marka, kif stabbilit mill-Kunsill Regolatorju fid-dokumenti ta’ kwalità tiegħu, tħassar.

Minbarra l-paragrafi preċedenti u sabiex jiġu żgurati kontrolli fuq it-traċċabbiltà ta’ ġobnijiet ċertifikati sħaħ u maqtugħin, ġie miżjud it-test li ġej: “It-tikkettar finali għandu jkun magħmul mit-tikketta kummerċjali tal-maħleb tal-ġobon u mit-tikketta ta’ ċertifikazzjoni, li għandha titqiegħed b’mod inseparabbli u b’mod li ma jistax jitħassar fuq kull ġobna ċertifikata sħiħa jew maqtugħa, u r-responsabbiltà aħħarija għall-użu korrett tagħha għandha tkun tal-manifattur.” Fir-rigward tat-tikketta obbligatorja ta’ ċertifikazzjoni li tinħareġ mill-Kunsill Regolatorju, dan tal-aħħar jopera sistema kompjuterizzata ta’ applikazzjoni u ta’ allokazzjoni għal tikketti ta’ ċertifikazzjoni li hija liberament aċċessibbli għall-operaturi kollha. Ġiet awditjata mill-awditur estern ENAC, li vverifika l-effikaċja tagħha, l-adegwatezza tagħha f’termini tal-allokazzjoni u d-distribuzzjoni awtomatika tat-tikketti u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni tagħha abbażi tal-volum ta’ prodotti ċertifikati.

L-ispiża sostnuta mill-operaturi għat-tikketti li jeħtieġu hija l-istess għal kulħadd, irrispettivament mill-għadd ta’ tikketti mitluba, u tiġi kkalkolata bħala perċentwali tal-ispejjeż tal-produzzjoni.

Oħrajn

—   Rekwiżiti nazzjonali: fuq suġġeriment tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, din is-sezzjoni, bit-titolu “Rekwiżiti Leġislattivi” fl-ispeċifikazzjoni, tħassret minħabba li m’hemm l-ebda rekwiżit speċifiku relatat mal-prodott protett.

—   Korp ta’ kontroll: id-dettalji għall-korp ta’ kontroll ġew aġġornati, li, kif diġà ntqal, huwa l-Kunsill Regolatorju għad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta tat-“Torta del Casar”.

DOKUMENT UNIKU

“TORTA DEL CASAR”

Nru tal-UE: ES-DPO-0105-01128 – 8.7.2013

DOP ( X ) IĠP ( )

1.   Isem

“Torta del Casar”

2.   Stat membru jew pajjiż terz

Spanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

1.3. Ġobon

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

“Torta del Casar” hija ġobon magħmul mill-ħalib mhux ipproċessat tan-nagħaġ tar-razza tal-merino u tal-entrefino. Jiġi koagulat permezz ta’ tames veġetali magħmul mill-kardun (Cynara cardunculus) u jiġi maturat għal mill-inqas 60 jum.

It-“Torta del Casar” għandu jkollha l-karatteristiċi fiżiċi, fiżikokimiċi u organolettiċi li ġejjin.

a.   Fiżiċi:

—   Forma: ċilindrika b’uċuħ pjuttost lixxi, ġnub konvessi lixxi u trufijiet ittundjati.

—   Dimensjonijiet:

i.   Dijametru: tal-anqas 7 ċm

ii.   Għoli: mhux aktar minn 50 % tad-dijametru tagħha

—   Piż: hemm tliet skali ta’ daqsijiet, b’tolleranza massima ta’ 5 %:

i.   Kbir: 801-1 100 g

ii.   Ta’ daqs medju: 501-800 g

iii.   Żgħir: 200-500 g

b.   Fiżikokimiċi:

—   Xaħam fil-materja niexfa: tal-anqas 50 %.

—   Materja niexfa: tal-anqas 50 %

—   pH: bejn 5,20 u 5,90

—   NaCl: mhux aktar minn 3,0 %

c.   Organolettiċi:

—   Qoxra: semi-iebsa, definita u differenzjata mill-ġewwieni, ta’ kulur uniformi okra, mingħajr koloranti u tradizzjonalment tiġi preżentata magħruka fiż-żejt. Jista’ jkun hemm xquq żgħar fil-wiċċ.

—   Ġewwieni:

i.   Konsistenza: ratba għal ratba ħafna.

ii.   Kulur: abjad fl-isfar.

iii.   Struttura: uniformi, bil-possibilità tal-preżenza, meta jinqata’, ta’ toqob ittundjati karatteristika tal-proċess ta’ maturazzjoni.

iv.   Sawra: il-kwalità fundamentali u distintiva ta’ dan il-ġobon hija l-kremożità moderata għal intensa tagħha, is-sawra xaħmija u li tinħall u ftit li xejn għall-ebda granularità.

v.   Riħa: intensità medja għal baxxa, mill-familji “lattiċi” u/jew “veġetali”.

vi.   Togħma: ftit għal moderatament morra, kemmxejn mielħa, ftit li xejn għall-ebda aċidità.

3.3.   Għalf (għal prodotti ta’ oriġini mill-annimali biss) u materja prima (għal prodotti pproċessati biss)

Merħliet reġistrati ta’ nagħaġ għandhom jiġu mitmugħin skont prattiċi tradizzjonali, li jagħmlu użu mir-riżorsi naturali taż-żona ġeografika permezz ta’ biedja estensiva jew semi-estensiva. Fejn ikun meħtieġ, bħala għalf supplimentari jista’ jintuża għalf, tiben, għalf kompost u konċentrati.

Id-densità massima ta’ bhejjem għal biedja semi-estensiva ġiet stabbilita għal 1,8 unitajiet ta’ bhejjem għal kull ettaru (LU/ha). Dan jiżgura li l-għalf supplimentari li jinxtara minn barra ż-żona ġeografika jibqa’ taħt il-limitu stabbilit mil-leġiżlazzjoni applikabbli.

Minbarra l-veġetazzjoni naturali assoċjata ma’ biedja estensiva jew semi-estensiva, iż-żona ġeografika tipprovdi wkoll ħuxlief, tiben, ċereali jew ġulbiena mkabbra miż-żerriegħa, li tista’ tintuża għar-ragħa jew, wara l-ħsad, jew bħala għalf imnixxef jew aħdar.

L-għalf supplimentari huwa prinċipalment ibbażat fuq il-proteini (soja, żerriegħa tal-kolza >50 %) u ċ-ċereali (xgħir, qamħirrum, qamħ >25 %). It-taħlita finali li tingħata lill-annimali tikkonsisti prinċipalment minn dak l-għalf bażiku (>25 %), ħsad ta’ għalf (alfalfa, ġulbiena >30 %), ċereali (qamħirrum, xgħir >20 %) u żerriegħa (qoton, ġirasol >6 %).

Mhuwiex teknikament possibbli li ż-żerriegħa tas-soja, tal-kolza, tal-ġirasol, tal-qoton jew tal-alfalfa tinkiseb fiż-żona ġeografika.

Il-ħalib li jintuża għall-produzzjoni tat-“Torta del Casar” għandu jkun ġie min-nagħaġ tar-razez tal-merino u tal-entrefino.

F’termini tal-kwalità u l-kompożizzjoni tiegħu, il-ħalib li jintuża għall-produzzjoni tat-“Torta del Casar” għandu jkun adattat għall-produzzjoni tal-ġobon u, fi kwalunkwe każ għandu:

ikun mhux ipproċessat, ikun sħiħ, mhux standardizzat, nadif u mingħajr impuritajiet;

ikollu kontenut ta’ xaħam flimkien ma’ proteini ta’ mill-inqas 11,0 % u kontenut ta’ proteini ta’ mill-inqas 4,8 %;

ikollu pH ta’ bejn 6,6 u 6,9.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Iż-żona ġeografika koperta mid-DOP tat-“Torta del Casar” tinsab fil-provinċja ta’ Cáceres, li tagħmel parti mill-Komunità Awtonoma ta’ Extremadura (Spanja), u hija definita fil-punt 4 ta’ dan id-dokument. L-istadji ta’ produzzjoni li għandhom iseħħu f’din iż-żona huma:

Il-produzzjoni tal-ħalib, kif stabbilit fil-punt 3.3.

Il-produzzjoni tal-ġobon, inkluż il-koagulazzjoni, il-qtugħ, l-iffurmar, l-ippressar, it-tmelliħ u l-maturazzjoni.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

Il-ġobnijiet jistgħu jintbagħtu f’nofs jew fi kwart ta’ porzjon. Hemm għażla ħielsa ta’ ippakkjar sakemm dan jippreserva l-integrità u l-kwalità finali tal-prodott.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Il-ġobnijiet sħaħ jew maqtugħin għandhom jiġu tikkettati fiż-żona ġeografika minn operaturi ċertifikati sabiex tiġi garantita l-oriġini u l-awtentiċità tal-prodott. Kif intqal fis-sezzjoni 3.2(c) ta’ dan id-dokument, it-“Torta del Casar” hija ġobon b’qoxra semi-iebsa, u din hija r-raġuni għaliex mhuwiex permess li mal-qoxra jitwaħħlu identifikaturi li jistgħu jitneħħew bħal tikketti tal-kaseina biex tiġi żgurata t-traċċabbiltà. Konsegwentement, l-unika ħaġa li hemm biex tiggarantixxi l-awtentiċità u l-oriġini tal-prodott hija t-tikketta ta’ ċertifikazzjoni, li fuqha hemm stampat numru tal-lott u numru tas-serje uniku u għandha titqiegħed fuq kull ġobna mill-operaturi qabel it-tqassim biex jiġi permess li dan isir taħt il-kontroll tal-Kunsill Regolatorju u mingħajr ma tiġi kompromessa t-traċċabbiltà. Għalhekk ma tikkostitwixxix restrizzjoni fuq is-suq uniku.

It-tikkettar finali għandu jkun magħmul mit-tikketta kummerċjali tal-maħleb tal-ġobon u mit-tikketta ta’ ċertifikazzjoni, li għandha titqiegħed b’mod inseparabbli u b’mod li ma jistax jitħassar fuq kull ġobna ċertifikata sħiħa jew maqtugħa, u r-responsabbiltà aħħarija għall-użu korrett tagħha għandha tkun tal-operatur reġistrat.

It-tikkettar finali għandu wkoll juri n-numru tal-lott, id-data sa meta l-aħjar li jintuża, li ma tistax tkun ta’ aktar minn 210 jum wara d-data tal-manifattura, u d-dettalji l-oħra kollha speċifikati fil-leġiżlazzjoni rilevanti.

Il-logo tad-DOP tat-“Torta del Casar”:

Image

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika li fiha jiġi prodott il-ħalib u li fiha ssir it-“Torta del Casar” tinsab fid-distretti ta’ Los Llanos de Cáceres, Sierra de Fuentes u Montánchez, fil-parti tan-nofsinhar ċentrali tal-provinċja ta’ Cáceres, li tagħmel parti mill-Komunità Awtonoma ta’ Extremadura (Spanja).

Iż-żona tkopri madwar 400 000 ha u tinkludi l-muniċipalitajiet li ġejjin:

Albalá, Alcuéscar, Aldea del Cano, Aliseda, Almoharín, Arroyo de la Luz, Arroyomolinos, Benquerencia, Botija, Brozas, Cáceres, Casar de Cáceres, Casas de Don Antonio, Garrovillas, Herreruela, Hinojal, La Cumbre, Malpartida de Cáceres, Monroy, Montánchez, Navas del Madroño, Plasenzuela, Ruanes, Salvatierra de Santiago, Santa Ana, Santa Marta de Magasca, Santiago del Campo, Sierra de Fuentes, Talaván, Torremocha, Torreorgaz, Torrequemada, Torre de Santa María, Valdefuentes, Valdemorales, Zarza de Montánchez.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Speċifiċità taż-żona ġeografika

a.   Fatturi naturali:

—   Riżalt: Iż-żona tal-produzzjoni tinsab fit-tramuntana tas-Sierra de San Pedro u hija mdawwra mill-provinċja ta’ Badajoz, mix-xmajjar Magasca u Almonte fuq in-naħa tal-lvant u mit-Tagus fuq in-naħa tat-tramuntana. Il-pjanura taż-żona ġeografika, li tixbah lil steppa, hija maqsuma mis-Sierra de Fuentes, li tibda mill-Majjistral u tibqa’ għaddejja sax-Xlokk, b’altitudni ta’ bejn il-250 m u l-450 m.

—   Ħamrija: il-ħamrija hija tar-ramel, ramlija tal-lom jew tat-tafal, mhux fertili ħafna u pjuttost irqiqa, u ġiet iffurmata mid-dekompożizzjoni tas-sottoswol tal-granit. Hemm bosta saffi ta’ blat, li jiffurmaw dawk li huma magħrufa bħala berrocales jew barruecos, b’eżempju magħruf tagħhom f’Malpartida de Cáceres. Ftit hemm postijiet adatti għat-tkabbir tal-għelejjel u l-biċċa l-kbira taż-żona tintuża għar-ragħa tan-nagħaġ.

—   Klima: iż-żona għandha klima kontinentali bi sjuf twal u sħan u xtiewi qosra u moderati. It-temperatura medja annwali hija ta’ bejn il-15 °C u t-18 °C, iżda fis-sajf, it-temperaturi jistgħu jitilgħu sa aktar minn 40 °C. Ix-xita, li tvarja bejn it-300 ml u l-500 ml, hija irregolari u tinżel l-aktar fir-rebbiegħa u fil-ħarifa.

—   Idrografija: minbarra l-korsiji tal-ilma msemmija hawn fuq li jiffurmaw il-perimetru taż-żona, hemm oħrajn.

—   Flora u bwar naturali: il-flora tikkonsisti prinċipalment minn pjanti erbaċej, b’Gramineae (Gen. Poa, Festuca u Agrostis), Leguminosae (Gen. Medicago u Trifolium) u Compositae, speċi ferm nutrittivi iżda li jikbru bil-mod. Hemm ukoll xi arbuxelli, bħall-Genista u l-ġummar xewki, b’mod partikolari f’żoni ta’ altitudni għolja, u siġar tal-Ġeneru Quercus (ballut, ballut xewki, ballut tas-sufra).

b.   Fatturi storiċi u ekonomiċi:

It-transumanza u r-ragħa ilhom jiġu prattikati fiż-żona ġeografika tad-DOP tat-“Torta del Casar” minn żminijiet antiki ħafna, kif definit fil-punt 4 ta’ dan id-dokument. Dawn huma attivitajiet interkonnessi mill-qrib u b’għeruq profondi fid-distretti li jiffurmaw iż-żona ġeografika, minħabba li l-fatturi naturali deskritti hawn fuq ġiegħlu lill-popli jissettiljaw hemmhekk biex jagħmlu l-aħjar użu mir-riżorsi disponibbli sabiex isostnu l-ekonomiji tagħhom.

L-iskarsezza ta’ riżorsi naturali fiż-żona ffavorixxiet il-feġġa tat-trobbija tal-bhejjem, b’mod partikolari t-trobbija tan-nagħaġ. Hemm evidenza li l-preżenza ta’ merħliet fiż-żona ilha teżisti minn żmien il-qedem, u x-xogħol Interrogatorios de la Real Audiencia. Extremadura al final de los tiempos modernos. Partido Judicial de Cáceres [Seduti fil-Qrati Rjali. Extremadura fit-tmiem tal-era moderna. Distrett ġudizzjarju ta’ Cáceres] fih evidenza mill-1791 tal-produzzjoni tal-ġobon, li kien jintuża bħala ħlas tad-deçmi, u l-preżenza tan-nagħaġ li kienu jipproduċu l-ħalib, li kienu prinċipalment jinżammu għas-suf.

Madankollu, bit-tnaqqis fil-valur tas-suf, il-produzzjoni tal-ħalib u tal-ġobon saret dejjem aktar importanti, u biddlet il-produzzjoni tat-“Torta del Casar” f’żieda essenzjali għall-ekonomija lokali.

c.   Fatturi umani:

Il-karattru speċifiku tat-“Torta del Casar” ġie preservat bħala riżultat ta’ fatturi naturali, fatturi storiċi u ekonomiċi u fatturi umani, fil-forma tal-produttur espert tal-ġobon. Minkejja l-bidliet li minnhom għadda l-proċess ta’ produzzjoni, hekk kif il-prattika tal-produzzjoni tal-ġobon għall-konsum domestiku fl-irziezet tan-nagħaġ maġenb il-merħliet ġiet sostitwita mill-imħaleb tal-ġobon tal-lum iddisinjati biex jissodisfaw rekwiżiti u domandi ġodda tas-suq, il-produttur espert tal-ġobon baqa’ figura essenzjali, peress li għad hemm il-ħtieġa tal-għarfien speċjali tiegħu tal-materja prima, tal-proċessi u tar-riżultat mixtieq għall-produzzjoni tat-“Torta del Casar”. Għandu jiġi nnotat li l-produttur espert tal-ġobon jikkontrolla diversi varjabbli li għar-raġunijiet li ġejjin jeħtieġu kompetenza partikulari:

Ix-xogħol b’ħalib mhux ipproċessat, sħiħ u mhux standardizzat li jiġi prodott fi żminijiet differenti tas-sena jfisser li l-kompożizzjoni u l-batterjoloġija tal-ħalib tista’ tvarja b’mod konsiderevoli, li taffettwa l-proċess kollu.

L-użu ta’ Cynara cardunculus naturali li ma ġietx estratta jew standardizzata jagħmel l-istadju ta’ koagulazzjoni partikularment kumpless u deċiżiv għall-aħjar formazzjoni tal-baqta.

Id-deċiżjoni dwar meta għandha tinqata’ l-baqta u d-daqs tal-granuli riżultanti hija influwenzata mill-fatturi ta’ hawn fuq u tittieħed abbażi tal-esperjenza.

L-iffurmar bl-idejn u t-tagħfis huma proċessi li jeħtieġu għarfien preċiż dwar l-ammont ta’ baqta li jrid jitqiegħed f’kull forma u l-ammont ta’ pressjoni li trid tiġi applikata biex jintlaħaq il-kontenut meħtieġ ta’ umdità.

Bħala riżultat tal-ħafna bidliet ambjentali li jseħħu matul is-sena u li jaffettwaw il-proċess ta’ maturazzjoni, il-ġobon jeħtieġ monitoraġġ kostanti biex jiġi żgurat li jkun qed jiżviluppa b’mod korrett.

Huwa biss l-għarfien ta’ dawn il-fatturi li jagħmilha possibbli li tinkiseb proteolisi intensa, proċess li jinvolvi t-tkissir tal-proteini tal-ħalib, li, meta jseħħ qabel tkun ġiet kompletament iffurmata l-qoxra, tagħti lit-“Torta del Casar” is-sawra u l-forma karatteristika tagħha.

Speċifiċità tal-prodott

Il-karatteristiċi speċifiċi li jiddistingwu lit-“Torta del Casar” minn ġobnijiet oħra huma s-sawra kremuża tagħha, it-togħma kemmxejn morra karatteristika tagħha u l-forma mhux tas-soltu tagħha, reminixxenti ta’ torta de pan [pudina tal-ħobż] — hija usa' mill-għoli tagħha, bi ġnubijiet konvessi u ttundjati u bi kważi l-ebda xifer. Il-mod kif jiġi kkunsmat il-ġobon huwa wkoll differenti minn ġobnijiet oħra, minħabba li l-wiċċ tal-ġobon irid jinqata’ bħal għatu sabiex tasal għall-ġobon mingħajr ma dan inixxi. L-“għatu” jrid jerġa’ jitpoġġa għall-ħażna.

Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għal DOP) jew il-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi tal-prodott (għal IĠP)

Minħabba li ż-żona ġeografika, bħala riżultat tal-karatteristiċi stabbiliti fis-sezzjoni 5.1(a), għandha ftit riżorsi naturali, l-abitanti ffokaw l-ekonomija tagħhom fuq it-trobbija tal-bhejjem, speċifikament in-nagħaġ, peress li huma adatti sew għall-ambjent ġeografiku. Dawn jitrabbew għall-produzzjoni tal-ħalib u tal-ġobon, minħabba t-tnaqqis fil-valur tas-suf.

In-nagħaġ reżiljenti u adattabbli tal-merino u tal-entrefino akklimitizzaw perfettament għall-pjanuri semi-steppa taż-żona ġeografika, u jipproduċu ħalib li, minħabba li jiġi pproċessat mingħajr ma jiġi sottopost għall-ebda tip ta’ trattament ta’ tisħin, iżomm il-flora batterika differenti kollha akkwistata bħala riżultat tal-metodu tat-trobbija. Dan jagħti lill-ġobon l-aromi “lattiċi” u/jew “veġetali” karatteristiċi tiegħu.

Bl-istess mod, il-forma mhux tas-soltu li hija karatteristika tat-“Torta del Casar” hija dovuta għall-mod mhux tas-soltu li fih tiġi maturata, li jagħmilha impossibbli li tinżamm il-forma li hija tradizzjonali għal ġobnijiet oħra.

L-użu tat-tames veġetali mill-kardun indiġenu (Cynara cardunculus), flimkien mal-għarfien tal-produttur espert tal-ġobon, jipproduċi proteolisi intensa matul il-maturazzjoni fi stadju meta l-qoxra tkun għadha ma ffurmatx kompletament, li bħala riżultat ta’ dan il-ġobon ma jkunx jiflaħ għall-piż tiegħu stess u għandu t-tendenza li jiċċattja u jitbewwaq fil-ġnub, li jagħtih forma mhux tas-soltu li fakkar lill-artiġjani tal-ġobon f’torta de pan, li minnha t-“Torta del Casar” kisbet l-isem tagħha.

Din il-proteolisi intensa hija wkoll dik li tagħti lit-“Torta del Casar” is-sawra karatteristikament kremuża tagħha.

Fl-aħħar nett, it-togħma kemmxejn morra li hija karatteristika tat-“Torta del Casar” hija dovuta għall-kardun indiġenu (Cynara cardunculus) li jintuża għall-koagulazzjoni tal-ħalib.

Konsegwentement, hija biss il-kombinazzjoni tal-ħalib mhux ipproċessat li jkun ġej min-nagħaġ tar-razez tal-merino u tal-entrefino mrobbija fiż-żona ġeografika tad-DOP, l-użu tal-kardun indiġenu (Cynara cardunculus) bħala koagulant naturali u l-għarfien tradizzjonali akkwistat mill-produtturi espert tal-ġobon li tipproduċi ġobon bil-forma, sawra, aroma u togħma li jikkaratterizzaw it-“Torta del Casar”.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

http://pame.gobex.es/NR/rdonlyres/0C950236-7397-4C23-94BD-99772603F0DD/0/PliegoCondicionesTortaCasarModif.pdf


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1.

(3)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.


Top