This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62017CN0463
Case C-463/17 P: Appeal brought on 25 July 2017 by Ori Martin SA against the order of the General Court (Second Chamber) delivered on 1 June 2017 in Case T-797/16 Ori Martin v Court of Justice of the European Union
Kawża C-463/17 P: Appell ippreżentat fil-25 ta’ Lulju 2017 minn Ori Martin SA mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fl-1 ta’ Ġunju 2017 fil-Kawża T-797/16, Ori Martin vs Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
Kawża C-463/17 P: Appell ippreżentat fil-25 ta’ Lulju 2017 minn Ori Martin SA mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fl-1 ta’ Ġunju 2017 fil-Kawża T-797/16, Ori Martin vs Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
ĠU C 392, 20.11.2017, pp. 12–12
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
20.11.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 392/12 |
Appell ippreżentat fil-25 ta’ Lulju 2017 minn Ori Martin SA mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fl-1 ta’ Ġunju 2017 fil-Kawża T-797/16, Ori Martin vs Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-463/17 P)
(2017/C 392/16)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Appellanti: Ori Martin SA (rappreżentant: G. Belotti, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
— |
L-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Qorti”, tirriforma d-digriet ta’ ċaħda mogħti mill-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-797/16 (Ori Martin spa vs Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea), tiddeċiedi dwar il-ksur min-naħa ta’ din l-istess Qorti (Is-Sitt Awla), fil-Kawżi C-490/15 P u C-505/15 P (EU:C:2016:678), tad-dritt ta’ Ori għal smigħ xieraq, skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u, konsegwentement, li tikkundanna lill-Qorti għall-kumpens għad-dannu. |
Aggravji u argumenti prinċipali
Ir-rikors – li ġie miċħud mill-Qorti Ġenerali permezz tad-digriet ikkontestat – kien ibbażat fuq motiv wieħed: il-ksur min-naħa tal-Qorti (Is-Sitt Awla) tal-Artikolu 47 tal-Karta, b’mod partikolari tal-ksur tad-dritt ta’ ORI għal smigħ xieraq. Fil-fatt Ori qieset li dan il-prinċipju ġenerali tad-dritt jimponi li l-impriża ssanzjonata b’mod definittiv tifhem liema fatt konkret hija ġiet akkużata bih, u dan anki biex tiġi evitata r-reċidiva. Peress li dan ma sehhx fil-każ ineżami, ORI kompliet ma tkunx taf il-motiv effettiv tal-kundanna tagħha.
Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ta’ ORI peress li kien manifestament infonat fid-dritt, fejn ibbażat fuq il-prinċipju li t-talba għal kumpens ma kinitx ibbażata fuq it-tul eċċessiv tal-proċedura, li kien jikkostitwixxi eventwali ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta, iżda fuq illegalità allegata li permezz tagħha s-sentenza ġiet ivvizzjata. Il-Qorti Ġenerali ma tatx deċiżjoni dwar jekk tafx jekk il-ksur tad-dritt għal smigħ xieraq, li r-rikorrenti espliċitament ilmentat dwaru, kienx kopert mill-Artikolu 47 tal-Karta. F’dan ir-rigward, ukoll, dan l-appell jippreżenta interess li, minħabba kwistjonijiet li huma l-bażi tiegħu, imur lil hinn minn dan il-każ.
ORI tikkontesta d-digriet tal-Qorti Ġenerali sa fejn id-dritt għal smigħ xieraq, fil-forma tad-dritt sabiex isiru magħrufa l-motivi tal-kundanna tagħha, jikkostitwixxi dritt inaljenabbli tal-persuni li jkunu ġew suġġetti għal sanzjonijiet fil-qasam tal-kompetizzjoni, li n-natura sostanzjalment kriminali tagħhom hija llum irrikonoxxuta minn ġurisprudenza stabbilita. Il-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija lill-individwi jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tal-dritt tal-Unjoni li jirriżulta minn tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni lill-Istati Membri; dan il-prinċipju ġie stabbilt fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u ġie adottat fl-Artikolu 47 tal-Karta.
Barra minn hekk, Ori ssostni r-rilevanza tal-kwistjoni mqajma, peress li r-responsabbiltà prevista fil-qasam tal-kompetizzjoni fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/20013 (1) hija ta’ natura personali u l-fatt li d-dritt tal-Unjoni fil-qasam ta’ kompetizzjoni ma jirrikonoxxi la r-resposnabbiltà oġġettiva u lanqqas il-culpa in vigilando.
Isegwi li, fid-dritt tal-Unjoni, ħadd ma jista’ jiġi ssanzjonat mingħajr nuqqas u lanqas minħabba nuqqas ta’ sorveljanza; ebda prinċipju ta’ dritt proċedurali li jipprevedi l-inverżjoni tal-oneru tal-prova ma jippermetti li dawn it-talbiet jiġu invalidati.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).