Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017TN0626

Kawża T-626/17: Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Settembru 2017 – Is-Slovenja vs Il-Kummissjoni

ĠU C 392, 20.11.2017, pp. 35–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 392/35


Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Settembru 2017 – Is-Slovenja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-626/17)

(2017/C 392/44)

Lingwa tal-kawża: is-Sloven

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tas-Slovenja (rappreżentanti: V. Klemenc u T. Mihelič Žitko, avukati tal-Istat u R. Knaak, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla totalment ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1353, tad-19 ta’ Mejju 2017, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 607/2009 fir-rigward ta’ varjetajiet ta’ għeneb tal-inbid u s-sinonimi tagħhom li jistgħu jidhru fuq it-tikkettar tal-inbejjed (ĠU 2017, L 190, p. 5), u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti tinvoka tmien motivi.

1.

L-ewwel motiv: billi adottat ir-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 232 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Uniku OKS”, peress li dan ir-regolament tal-aħħar huwa applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2014, filwaqt li r-regolament ikkontestat huwa applikabbli mill-1 ta’ Lulju 2013. Billi għamlet dan il-Kummissjoni marret lil hinn mil-limiti tas-setgħa mogħtija lilha mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Uniku OKS Nru 1308/2013.

2.

It-tieni motiv: billi adottat ir-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni ppreġudikat retroattivament drittijiet diġà kweżiti mill-produtturi Sloveni ta’ mbid li jużaw id-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Teran” (PDO-SI-A1581), u b’dan il-mod kisret prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, u speċifikament il-prinċipju taċ-ċertezza legali u l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittim, il-prinċipju ta’ protezzjoni tad-drittijiet kweżiti u tal-aspettattivi leġittimi, kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

3.

It-tielet motiv: billi adottat ir-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni ppreġudikat b’mod sproporzjonat id-dritt għall-proprjetà tal-produtturi sloveni ta’ mbid li jużaw id-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Teran” (PDO-SI-A1581), u b’dan il-mod kisret l-Artikolu 17 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 anness mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.

4.

Ir-raba’ motiv: sa fejn il-Kummissjoni pprevediet, fl-Artikolu 2 tar-regolament ikkontestat, perijodu tranżitorju għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ stokkijiet ta’ nbid prodott qabel id-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ tali regolament, anki jekk ma jkunx jirrispetta l-kundizzjonijiet ta’ ttikettjar previsti fl-Artikolu 1 ta’ dan tal-aħħar, hija kisret l-Artikolu 41 tal-Att dwar il-Kundizzjonijiet tal-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea, sa fejn id-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq tirrigwarda mbid prodott qabel l-1 ta’ Lulju 2013.

5.

Il-ħames motiv: billi adottat ir-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni kisret it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Uniku OKS Nru 1308/2013, fid-dawl tas-sens li l-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll l-Artikolu 17 tal-Karta u l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 anness mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, jgħatu lil din id-dispożizzjoni. B’dan il-mod il-Kummissjoni marret lil hinn mil-limiti tas-setgħa mogħtija lilha mid-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq tar-regolament.

6.

Is-sitt motiv: billi adottat ir-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 290 TFUE u l-Artikolu 13(2) TUE sa fejn hija marret lil hinn mil-limiti tas-setgħa li tadotta att delegat, mogħtija lilha mill-imsemmi Artikolu 290 TFUE, u marret ukoll lil hinn mil-limiti tas-setgħa mogħtija lilha mit-trattati.

7.

Is-seba’ motiv: meqjus li l-Kummissjoni adottat ir-regolament ikkontestat bill-għamlet riferiment għall-applikazzjoni tal-Kroazja sabiex il-varjetà ta’ għeneb tal-inbid “teran” tiġi inkluża fil-parti A tal-Anness XV tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 607/2009 – applikazzjoni li l-Kroazja kellha tippreżenta qabel l-adeżjoni tagħha fl-Unjoni – meta din l-applikazzjoni qatt ma ġiet ippreżentata, u meta s-Slovenja lanqas ma ġiet infurmata dwar il-preżentazzjoni ta’ tali applikazzjoni, għall-finijiet tal-bidu tan-negozzjati, il-Kummissjoni kisret it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Uniku OKS Nru 1308/2013 u l-Artikolu 62(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 607/2009, flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE. Bl-istess mod, il-Kummissjoni qabżet il-limiti tas-setgħa mogħtija lilha mill-imsemmija dispożizzjoni tar-Regolament Uniku OKS Nru 1308/2013.

8.

It-tmien motiv: sa fejn il-Kummissjoni emendat il-kontenut tar-regolament ikkontestat meta mqabbel mal-abbozz ta’ att delegat, li ġie ppreżentat fl-24 ta’ Jannar 2017 waqt il-laqgħa tal-grupp ta’ esperti għall-inbid GREX WINE, mingħajr ma ofriet lill-esperti tal-Istati Membri l-possibbiltà li jgħamlu osservazzjonijiet dwar il-verżjoni emendat tal-abbozz tal-att, hija kisret l-impenn tiegħu skont il-punt 28 tal-Kapitolu V tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet u l-punt 7 tal-Kapitolu II tal-Fehim Komuni bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-Atti Delegati, li huwa anness mal-imsemmi Ftehim Interistituzzjonali. Billi għamlet dan, il-Kummissjoni wettqet ksur tar-regoli proċedurali essenzjali u ksur tal-prinċipju tal-bilanċ interistituzzjonali.


Top