Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020AE5343

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà — Lejn Ambjent Ħieles mit-Tossiċità” (COM(2020) 667 final)

EESC 2020/05343

ĠU C 286, 16.7.2021, pp. 181–189 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 286/181


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà — Lejn Ambjent Ħieles mit-Tossiċità”

(COM(2020) 667 final)

(2021/C 286/30)

Relatur:

Maria NIKOLOPOULOU

Korelatur:

John COMER

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 28.10.2020

Bażi legali

Artikoli 192(1) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

15.4.2021

Adottata fil-plenarja

27.4.2021

Sessjoni plenarja Nru

560

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

242/1/7

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jappoġġja l-objettiv tal-Kummissjoni li timxi lejn ambjent ħieles mit-tossiċità u tiżgura li s-sustanzi kimiċi jiġu prodotti b’mod li jimmassimizza l-kontribut pożittiv tagħhom għas-soċjetà u jnaqqas l-impatt ambjentali.

1.2.

Hija meħtieġa definizzjoni ta’ liema użi ta’ sustanzi kimiċi huma “essenzjali”, u metodoloġija spjegata b’mod ċar dwar kif is-sustanzi kimiċi jsiru “sikuri u sostenibbli mid-disinn”. F’dan il-kuntest, aħna nenfasizzaw li s-“sustanzi ta’ tħassib” għandhom jiġu identifikati, evalwati u kklassifikati bl-aktar mod komprensiv, mhux ambigwu u ssemplifikat sabiex l-industrija tkun tista’ tadatta.

1.3.

Il-KESE faħħar lill-Kummissjoni rigward il-fehma tagħha li l-UE għandha tkun mexxejja globali fil-produzzjoni u l-użu ta’ sustanzi kimiċi sikuri u sostenibbli, u jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali għall-kumpaniji, u miżuri għal tranżizzjoni ġusta għaċ-ċittadini kollha tal-UE.

1.4.

Sabiex l-istrateġija tkun ta’ suċċess, hija meħtieġ l-parteċipazzjoni tan-nies u tal-industrija, kif ukoll modi innovattivi ta’ ħsieb, flimkien ma’ trasparenza u l-involviment fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet.

1.5.

L-istrateġija għandha l-għan li testendi l-approċċ ġeneriku għall-immaniġġjar tar-riskju għal prodotti tal-konsumatur li fihom sustanzi kimiċi perikolużi, bħal sustanzi karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew li jfixklu s-sistema endokrinali. Madankollu, biex ikun eħfef għall-industrija li tadatta, jeħtieġ li jiġi żgurat bilanċ bejn il-valutazzjonijiet ġeneriċi u dawk tar-riskji speċifiċi.

1.6.

Il-KESE jitlob li jkun obbligatorju li jkun hemm tikkettar tajjeb u konsistenti, b’infurzar għall-katina tal-provvista kollha, inklużi prodotti li fihom nanomaterjali.

1.7.

Il-KESE jilqa’ l-isforz biex tissaħħaħ l-awtonomija strateġika tal-UE, speċjalment f’termini tas-sustanzi kimiċi użati għal applikazzjonijiet tas-saħħa, u jixtieq li jsir l-istess sforz f’setturi oħra, u jitlob li tiġi kkunsidrata reviżjoni tal-Politika Industrijali tal-UE bil-għan li tiġi rilokata parti mill-produzzjoni tas-sustanzi kimiċi essenzjali fil-pajjiżi tal-UE.

1.8.

Il-KESE jisħaq fuq l-importanza li jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ data kimika sabiex tingħata spinta lill-innovazzjoni, il-fiduċja tal-konsumaturi u jitwettqu valutazzjonijiet tal-impatt adegwati. Huwa essenzjali li jkun hemm bażijiet tad-data aċċessibbli u affidabbli għar-riżultati tar-riċerka biex jiġu rieżaminati d-drittijiet tal-proprjetà industrijali u l-privattivi li jillimitaw l-aċċess għad-data, u jiġi implimentat il-prinċipju “ebda data, ebda suq”.

1.9.

Il-KESE jqis li l-indirizzar tat-taħlitiet ta’ sustanzi kimiċi huwa pass rilevanti ’l quddiem fil-valutazzjoni tar-riskju tas-sustanzi kimiċi. Madankollu, huwa kruċjali li jkun hemm aktar riċerka u żvilupp biex jiġu koperti l-lakuni attwali fl-għarfien u jitmexxew ’il quddiem il-valutazzjoni u l-ġestjoni tat-taħlitiet ta’ sustanzi kimiċi.

2.   Proposta tal-Kummissjoni

2.1.

Din l-istrateġija hija opportunità biex jiġi rikonċiljat il-valur soċjetali tas-sustanzi kimiċi mas-saħħa tal-bniedem u l-limiti tal-pjaneta tagħna, b’reazzjoni għall-aspirazzjonijiet leġittimi taċ-ċittadini tal-UE għal livell għoli ta’ protezzjoni minn sustanzi kimiċi perikolużi, u biex tiġi promossa l-industrija tal-UE bħala mexxejja globali fil-produzzjoni u l-użu ta’ sustanzi kimiċi sikuri u sostenibbli.

2.2.

Biex tħabrek favur ambjent ħieles mit-tossiċità, hija stabbilita ġerarkija ġdida għall-ġestjoni tas-sustanzi kimiċi, li tinkludi l-użu ta’ kimiċi sikuri u sostenibbli, il-minimizzazzjoni jew is-sostituzzjoni ta’ sustanzi ta’ tħassib b’effett kroniku fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, u l-eliminazzjoni gradwali ta’ dawk l-aktar ta’ ħsara għall-użu mhux essenzjali tas-soċjetà, b’mod partikolari fil-prodotti għall-konsumatur.

Tabella

Il-ġerarkija ta’ mingħajr tossiċità — ġerarkija ġdida għall-ġestjoni tas-sustanzi kimiċi

Image 1

2.3.   L-istrateġija tiffoka fuq ħames għanijiet ewlenin

2.3.1.

L-innovazzjoni għal sustanzi kimiċi sikuri u sostenibbli tal-UE Il-miżuri proposti jinkludu, fost l-oħrajn, l-iżvilupp ta’ kriterji tal-UE sikuri u sostenibbli mid-disinn għas-sustanzi kimiċi; l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti legali dwar il-preżenza ta’ sustanzi ta’ tħassib fi prodotti permezz tal-inizjattiva dwar prodotti sostenibbli u t-tfassil ta’ emendi għal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-emissjonijiet industrijali biex jiġi promoss l-użu ta’ sustanzi kimiċi aktar sikuri mill-industrija tal-UE.

2.3.2.

It-tisħiħ tal-qafas legali tal-UE biex jiġi indirizzat it-tħassib urġenti dwar l-ambjent u s-saħħa. L-azzjonijiet proposti huma mmirati lejn il-protezzjoni tal-konsumaturi u l-ħaddiema biex tiġi evitata l-preżenza tas-sustanzi kimiċi l-aktar ta’ ħsara fil-prodotti tal-konsumatur kollha, eż. f’materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel, il-ġugarelli, oġġetti għall-indukrar tat-tfal, il-kożmetiċi, id-deterġenti, l-għamara u t-tessuti. Se tingħata attenzjoni speċifika lil sustanzi kimiċi li jistgħu jikkawżaw kanċers u mutazzjonijiet tal-ġeni, li jaffettwaw is-sistema riproduttiva jew endokrinali jew huma persistenti u bijoakkumulattivi. Dan l-approċċ eventwalment se japplika għas-sustanzi kimiċi li jaffettwaw is-sistemi immunitarji, newroloġiċi jew respiratorji, u għas-sustanzi kimiċi tossiċi għal organu speċifiku. Sakemm jiġi stabbilit l-approċċ ġeneriku għall-immaniġġjar tar-riskju, is-sustanzi bil-perikli kollha elenkati hawn fuq se jingħataw prijorità għar-restrizzjonijiet għall-użi kollha u permezz ta’ raggruppament, minflok ma jiġu rregolati waħda waħda.

2.3.3.

Miżuri ta’ semplifikazzjoni u ta’ konsolidament biex jittejjeb il-qafas legali. Il-proposta tinkludi l-istabbiliment ta’ proċess ta’ “sustanza waħda, valutazzjoni waħda” biex tiġi kkoordinata l-valutazzjoni tal-periklu/riskju tas-sustanzi kimiċi fil-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi kollha, biex tissaħħaħ il-governanza tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi u tiżdied is-sostenibbiltà tal-mudell ta’ finanzjament tagħha. Barra minn hekk, l-istrateġija tipproponi emendi mmirati għar-Regolament REACH (ir-Regolament dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi), u għar-Regolament CLP (ir-Regolament dwar il-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet) li għandhom jitwettqu f’konformità mal-prinċipji tar-regolamentazzjoni aħjar u soġġetti għal evalwazzjonijiet u valutazzjonijiet tal-impatt, kif meħtieġ.

2.3.4.

Il-bini ta’ bażi ta’ għarfien komprensiva dwar is-sustanzi kimiċi. Se tiġi żviluppata sistema ta’ twissija u azzjoni bikrija tal-UE għas-sustanzi kimiċi biex jiġi żgurat li l-politiki tal-UE jindirizzaw ir-riskji kimiċi emerġenti hekk kif jiġu identifikati mill-monitoraġġ u r-riċerka; u biex jinħoloq qafas ta’ indikaturi biex jiġu mmonitorjati l-fatturi u l-impatti li jikkawżaw it-tniġġis tas-sustanzi kimiċi u biex tkejjel l-effettività tal-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi.

2.3.5.

Nagħtu l-eżempju għal ġestjoni globali tajba tas-sustanzi kimiċi Dawn l-azzjonijiet se jkollhom l-għan li jappoġġjaw il-bini tal-kapaċitajiet ta’ pajjiżi terzi fil-valutazzjoni u l-ġestjoni tas-sustanzi kimiċi u li jiżguraw li s-sustanzi kimiċi perikolużi pprojbiti fl-UE ma jiġux prodotti għall-esportazzjoni.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Matul dawn l-aħħar 50 sena, is-sustanzi kimiċi saru ċentrali għall-mod kif ngħixu ħajjitna, billi taw kontribut pożittiv għall-kultura tagħna u għall-progress tas-soċjetà kollha kemm hi, bil-popolazzjoni dejjem tikber tagħha. Fl-istess ħin, is-sustanzi kimiċi – kemm dawk sintetiċi kif ukoll dawk naturali – jista’ jkollhom proprjetajiet perikolużi li joħolqu riskju għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent.

Minkejja dan, l-umanità qed issir dejjem aktar dipendenti fuqhom. Skont in-NU, il-produzzjoni tas-sustanzi kimiċi se tikber seba’ darbiet aktar malajr mill-popolazzjoni globali bejn l-1990 u l-2030.

3.2.

Ilkoll għandna naqblu mal-objettiv ta’ min ifaħħru għal ambjent ħieles mit-tossiċità, u irrispettivament minn kemm huwa diffiċli li dan jintlaħaq, m’hemm l-ebda skuża biex ma nippruvawx nimxu ’l quddiem. Il-KESE jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi diskussjoni madwar mejda ta’ livell għoli mal-partijiet interessati kollha għal dan il-għan.

3.3.

Kwantitajiet kbar ta’ sustanzi kimiċi perikolużi jkomplu jnixxu fl-ambjent, minn ħafna sorsi, bħar-rimi ta’ ilma mormi domestiku u industrijali trattat u mhux trattat, ir-rimi ta’ skart f’landfill, l-inċinerazzjoni u proċessi ta’ manifattura, eċċ., u jistgħu jinfirxu fl-arja, fil-ħamrija u fl-ilma, fejn jagħmlu ħsara serja (1).

3.4.

Hemm ħafna kwistjonijiet ta’ legat minħabba l-kontaminazzjoni kimika. Pereżempju, PBDEs (eteri tad-difenil polibromurat) u ritardanti tal-fjammi oħrajn jemigraw faċilment mill-prodotti li jiżdiedu magħhom, bħal fowm tal-poliuretan, u mbagħad jikkontaminaw l-arja u t-trab. Għalkemm ħafna PBDEs ta’ ħsara ġew ipprojbiti, dawn jibqgħu fl-ambjent minħabba l-persistenza u l-użu estensiv tagħhom.

3.5.

Meta jiġu sostitwiti sustanzi kimiċi perikolużi bħal dawn, jeħtieġ li niżguraw li l-impatt tas-sostituzzjoni jkun titjib sinifikanti. Pereżempju, il-bijodiżil miż-żejt tal-palm, li jikkontribwixxi għad-deforestazzjoni, jista’ jkun agħar għall-ambjent milli kieku jintużaw il-fjuwils fossili.

3.6.

Barra minn hekk, ir-regolaturi jeħtieġ li jkunu konxji tat-tentattivi biex sustanza kimika perikoluża tiġi sostitwita b’sustanzi kimiċi li għandhom proprjetajiet perikolużi simili, u għandhom jevitawhom. Pereżempju, il-PFAS (sustanzi per- u polifluworoalkilati) għandhom jiġu ttrattati bħala grupp aktar milli fuq bażi individwali. Riċerka ġdida tissuġġerixxi li xi alternattivi għall-PFAS tradizzjonali jista’ jkun li mhumiex aktar sikuri (2).

3.7.

Il-KESE huwa mħasseb dwar il-fatt li l-azzjonijiet ta’ dekontaminazzjoni biex jiġu restawrati s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent jista’ jkun li mhumiex suffiċjenti, b’mod speċjali fir-rigward ta’ sustanzi kimiċi essenzjali li għalihom għadhom mhumiex disponibbli alternattivi ħielsa mit-tossiċità jew li jirrikjedu proċess ta’ żvilupp fit-tul, kif ukoll dawk is-sustanzi kimiċi li tneħħew gradwalment li għadhom kwistjoni ta’ tħassib kbir minħabba l-persistenza tagħhom fl-ambjent. Peress li għadhom qed isiru sforzi kbar biex jiġu adottati strateġiji ta’ dekontaminazzjoni, il-KESE qed jistenna bil-ħerqa li jara l-“Pjan ta’ azzjoni għal tniġġis żero” futur.

3.8.

Il-KESE jappella li t-tikkettar adegwat u konsistenti jkun obbligatorju għall-katina kollha tal-provvista, b’infurzar, għal prodotti li fihom in-nanomaterjali (ġugarelli, bijoċidi, ħwejjeġ, pestiċidi, mediċini, żebgħa, prodotti għall-kura tat-tfal, eċċ.).

3.9.

Il-KESE jistaqsi wkoll jekk l-iskeda ta’ żmien għal diversi azzjonijiet li għandhom isiru b’mod parallel hijiex realistika u fattibbli, meta titqies il-ħtieġa tal-industrija li tadatta għat-tranżizzjoni gradwalment mingħajr konsegwenzi soċjali u ekonomiċi negattivi serji. Barra minn hekk, il-bini tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet jeħtieġ li jissaħħaħ; dan huwa essenzjali għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-politiki aġġornati ppjanati.

3.10.

Xi aspetti huma nieqsa jew mhumiex spjegati biżżejjed fl-istrateġija, bħall-bilanċ stmat tal-enerġija tat-tranżizzjoni kimika ssuġġerita, u l-konsegwenzi għall-ħaddiema u l-kumpaniji kbar u żgħar fl-Ewropa. Il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej għandhom jiddedikaw riżorsi finanzjarji biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-istrateġija.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.   L-innovazzjoni għal sustanzi kimiċi sikuri u sostenibbli tal-UE

4.1.1.

Huwa maqbul li t-tranżizzjoni għal kriterji għall-approċċ sikur u sostenibbli mid-disinn għas-sustanzi kimiċi hija imperattiv soċjali u ekonomiku, sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali tal-industrija tal-UE. Din se tkun sfida enormi u r-riċerka meħtieġa hija potenzjalment għalja ħafna u se toffri xi vantaġġi kompetittivi. Madankollu, jista’ jirriżulta xi telf ta’ impjiegi u telf ekonomiku, peress li mhux il-kumpaniji kollha jistgħu jkunu kapaċi jadattaw u mhux il-ħaddiema kollha jistgħu jitħarrġu mill-ġdid/itejbu l-ħiliet. Għalhekk, huwa kruċjali li jkun hemm miżuri finanzjarji u ta’ inċentiv biex tinkiseb tranżizzjoni ġusta, b’referenza speċjali biex il-ħaddiema jżommu l-impjiegi tagħhom jew ikollhom alternattiva vijabbli, għall-appoġġ tal-investimenti u mudelli ta’ negozju innovattivi.

4.1.2.

Mhumiex speċifikati miżuri biex jiġi żgurat l-adattament sħiħ tal-ħaddiema, bħal inċentivi u l-finanzjament għat-taħriġ mill-ġdid u għat-taħriġ ta’ speċjalizzazzjoni sabiex jiġi evitat it-telf tal-impjiegi. Huwa wkoll ta’ tħassib kif l-allokazzjoni ġeografika tas-setturi tal-industrija se tiddetermina l-impatt tal-istrateġija. L-industriji li jinsabu f’żoni periferali għandhom jiġu kkunsidrati, kif ukoll ir-rata għolja ta’ SMEs li jipparteċipaw fis-settur.

4.1.3.

Il-kunċett ta’ “sikuri u sostenibbli mid-disinn” li se jiġi żviluppat joħloq tħassib fost il-partijiet ikkonċernati. Għal din ir-raġuni, id-definizzjoni tiegħu u l-ħiliet xierqa biex tingħata spinta lill-produzzjoni tagħhom għandhom jinvolvu l-kriterji tal-atturi rilevanti kollha.

4.1.4.

Il-proċess għar-reġistrazzjoni, l-evalwazzjoni u l-awtorizzazzjoni għas-sustanzi kimiċi huwa kumpless u jeħtieġ speċjalizzazzjoni, li xi kultant tkun ta’ sfida għall-SMEs u normalment tinvolvi spejjeż amministrattivi u ta’ konformità għoljin. Sabiex jiġi ffaċilitat it-twettiq tal-proċessi ta’ reġistrazzjoni u ta’ mmaniġġjar tar-riskji regolatorji previsti fir-Regolamenti REACH u CLP, il-proċess għandu jiġi ssemplifikat, jew inkella jista’ jiġi inċentivat it-taħriġ għal dawk li mhumiex esperti.

4.1.5.

Proċessi u teknoloġiji industrijali innovattivi u aktar nodfa se jnaqqsu l-impronta ambjentali tal-produzzjoni tas-sustanzi kimiċi, itejbu t-tħejjija tas-suq u jiksbu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u l-inizjattiva globali tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Il-linji gwida ta’ valutazzjoni u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki dwar id-disinn u l-implimentazzjoni ta’ proċessi u teknoloġiji industrijali aktar nodfa jagħmlu tali tranżizzjoni possibbli. Jeħtieġ li jiġu kkunsidrati l-aqwa teknoloġiji disponibbli.

4.1.6.

Il-Kummissjoni għandha l-għan li timminimizza l-preżenza ta’ sustanzi ta’ tħassib f’materjali riċiklati, billi tintroduċi rekwiżiti u informazzjoni dwar il-kontenut kimiku u l-użu sikur bħala parti mill-Inizjattiva ta’ Politika dwar il-Prodotti Sostenibbli. L-użu tal-materjali riċiklabbli m’għandux jippermetti li jibqgħu jintużaw sustanzi kimiċi perikolużi f’konċentrazzjonijiet ogħla (3). Is-“sustanzi ta’ tħassib” għandhom jiġu identifikati, evalwati u kklassifikati bl-aktar mod komprensiv, mhux ambigwu iżda wkoll issemplifikat sabiex l-industrija tkun tista’ tadatta.

4.1.7.

Dawn il-miżuri se jżidu l-fiduċja tal-konsumaturi u l-produtturi fi prodotti riċiklati. In-nuqqas ta’ informazzjoni adegwata dwar il-kontenut kimiku tal-prodotti magħmula minn materjali riċiklati huwa problema u r-restrizzjonijiet tal-protezzjoni tad-data jistgħu joħolqu problemi f’dan il-qasam.

4.1.8.

L-istrateġija tħabbar żieda fl-investiment fit-teknoloġiji innovattivi. Din hija opportunità kbira biex titrawwem ir-riċerka fil-qasam tal-valorizzazzjoni tal-prodotti tal-iskart industrijali, b’mod partikolari mill-iskart agroalimentari, li l-potenzjal kbir tiegħu ġie mxekkel minn investiment insuffiċjenti.

Madankollu, ir-rekwiżiti legali għall-prodotti mill-valorizzazzjoni tal-iskart agroalimentari mhumiex meqjusa biżżejjed kemm fl-istrateġija “mill-Għalqa sal-Platt” kif ukoll fl-istrateġija dwar is-sustanzi kimiċi sostenibbli. Pereżempju, il-preżenza ta’ residwi farmaċewtiċi f’demel tal-annimali ttrattat għall-fertilizzazzjoni, l-użu mill-ġdid ta’ ilma mormi ttrattat għall-irrigazzjoni tal-għelejjel u r-residwi ta’ farmaċewtiċi u pestiċidi, pestiċidi, erbiċidi u insettiċidi fi skart tal-ikel ottimizzat huma kwistjonijiet ta’ tħassib partikolari, peress li dawn is-sustanzi bijoattivi jistgħu jinfirxu fl-ambjent kollu, u jiskattaw effetti negattivi fuq l-ekosistemi. Għalhekk, dawn għandhom jiġu identifikati, evalwati u regolati. Il-popolazzjonijiet tal-bnedmin jistgħu jiġu affettwati mhux biss mill-esponiment iżda anke mill-konsum, billi dawn is-sustanzi jistgħu jakkumulaw u jitkabbru bijoloġikament tul il-katina tal-ikel.

4.1.9.

Is-sustanzi li huma kkunsidrati ta’ tħassib joħolqu konfużjoni fost il-partijiet ikkonċernati. Spjegazzjoni ta’ liema tip ta’ rekwiżiti għandhom jiġu introdotti u skeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni, ikunu ta’ għajnuna sabiex jinftiehem l-impatt ta’ din il-miżura fuq iċ-ċikli materjali attwali.

4.1.10.

Il-bilanċ tal-enerġija stmat tat-tranżizzjoni tas-sustanzi kimiċi ssuġġerita hija kwistjoni ta’ tħassib. Minħabba li t-trasformazzjonijiet ewlenin meħtieġa għaċ-ċikli ta’ materjali ekoloġiċi huma proċessi endotermiċi ħafna (eż. separazzjoni, riċiklaġġ, dekontaminazzjoni, konverżjoni kimika), id-domanda għall-enerġija hija mistennija li tiżdied. Barra minn hekk, il-marka tal-karbonju mill-manifattura tas-sustanzi kimiċi jeħtieġ li titnaqqas, peress li normalment hija proċess b’użu intensiv ta’ enerġija.

4.1.11.

L-idroġenu għandu potenzjal kbir għal dan il-għan, kemm bħala sors ta’ enerġija kif ukoll bħala aġent kimiku ta’ tnaqqis fi proċessi fil-mira (eż. biex il-karbonju jiġi sostitwit bħala riduttur). Madankollu, iċ-ċelloli tal-fjuwil tal-idroġenu għadhom jiddependu mill-platinu li huwa għali u għandu konsegwenzi ambjentali kbar. Hemm bżonn ta’ riċerka kimika fundamentali biex jinstabu alternattivi għall-platinu.

4.1.12.

Il-Kummissjoni tipprevedi aktar reżiljenza fil-provvista u s-sostenibbiltà tas-sustanzi kimiċi użati f’applikazzjonijiet essenzjali għas-soċjetà tal-UE billi tagħmel lill-UE inqas dipendenti u żżid il-previżjoni strateġika għas-sustanzi kimiċi. Iż-żieda tar-reżiljenza tas-sustanzi kimiċi użati f’applikazzjonijiet tas-saħħa se timmarka progress konsiderevoli għas-suq tal-UE u l-industrija tas-sustanzi kimiċi użati fil-kura tas-saħħa. Jeħtieġ li nkunu nafu kif dawn il-miżuri japplikaw għal sustanzi kimiċi oħra ta’ użu essenzjali.

4.1.13.

Prodotti magħmula minn materja prima importati minn pajjiżi mhux tal-UE, pereżempju, elementi tal-materjali tal-art rari (REE), miksuba permezz ta’ attivitajiet ta’ estrazzjoni tal-minerali li joħolqu perikli ambjentali u għas-saħħa, saru kritiċi għal diversi teknoloġiji moderni, li jvarjaw minn sistemi ta’ difiża, telefowns ċellulari u televiżjonijiet għal bozoz LED u turbini eoliċi. Għaldaqstant, tqum il-kwistjoni dwar liema strateġiji se jiġu stabbiliti biex tiġi indirizzata d-dipendenza minn sustanzi essenzjali oħra, li għalihom il-proċessi tal-produzzjoni jiddependu mill-provvista minn pajjiżi mhux tal-UE.

4.1.14.

Il-KESE jistaqsi wkoll kif l-approċċ “sikur u sostenibbli mid-disinn” se jkun applikabbli għall-fornituri mhux tal-UE, li għandhom ir-regolamenti tagħhom dwar is-sustanzi kimiċi. Peress li għadhom ma ġewx stabbiliti l-limiti ta’ kriterji għall-produzzjoni ta’ sustanzi kimiċi, mhuwiex ċar jekk il-prinċipju u l-miżuri ta’ valutazzjoni japplikawx għal sorsi ta’ materja prima, irrispettivament mill-oriġini tagħhom. Għadu mhux ċar kif il-miżuri proposti se jkunu interkonnessi u bbilanċjati ma’ politiki eżistenti differenti f’pajjiżi mhux tal-UE involuti fil-ktajjen tal-valur tas-sustanzi kimiċi tal-UE.

4.1.15.

Għalhekk, il-KESE jissuġġerixxi li l-Istrateġija Industrijali tal-UE tiġi eżaminata mill-ġdid u li tingħata kunsiderazzjoni biex jiġi inċentivat ir-ritorn tal-produzzjoni tas-sustanzi kimiċi fil-pajjiżi tal-UE. Dan mhux biss se jagħti spinta lill-awtonomija strateġika tal-UE iżda se joħloq ukoll impjiegi ġodda ta’ kwalità u jiffaċilita l-kisba tal-istrateġija dwar is-sustanzi kimiċi.

4.2.   Qafas legali tal-UE aktar b’saħħtu biex jindirizza t-tħassib dwar l-ambjent u s-saħħa

4.2.1.

Il-KESE jilqa’ l-għan tal-Kummissjoni li testendi l-approċċ ġeneriku għall-immaniġġjar tar-riskju. Madankollu, minħabba li xi prodotti se jkunu ristretti, huwa neċessarju li tiġi żgurata l-konsistenza bejn il-valutazzjonijiet tar-riskju ġeneriċi u speċifiċi fis-sustanzi kimiċi kollha, sabiex l-industrija tkun tista’ tadatta gradwalment.

4.2.2.

Il-KESE jilqa’ wkoll l-użu tar-ragruppament biex tiġi indirizzata r-regolamentazzjoni tal-PFAS u jaqbel li jista’ jkun meħtieġ li jissaħħaħ il-punt sa fejn jiġu adottati l-istrateġiji ta’ raggruppament sabiex jiżdiedu l-effiċjenza u l-effettività tal-leġiżlazzjoni (4).

4.2.3.

L-istrateġija se tipproponi klassijiet u kriterji ġodda ta’ periklu fir-Regolament CLP biex tindirizza bis-sħiħ it-tossiċità, il-persistenza, il-mobbiltà u l-bijoakkumulazzjoni ambjentali. Huwa importanti li l-evalwazzjoni tal-effetti avversi tas-sustanzi kimiċi fuq l-ambjent u l-allokazzjoni ta’ klassijiet differenti ta’ periklu għas-sustanzi kimiċi jitwettqu fuq bażi komprensiva u trasparenti. Il-kriterji ta’ klassifikazzjoni għandhom jiġu ddefiniti fid-dettall, sabiex jiġi antiċipat it-tħassib potenzjali dwar prodotti oħra li qed jiġu żviluppati.

4.2.4.

L-introduzzjoni ta’ sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali, li huma persistenti, mobbli u tossiċi, u persistenti ħafna u mobbli ħafna bħala kategoriji tal-SVHC (sustanzi ta’ tħassib serju ħafna) teħtieġ li wieħed jiddependi minn valutazzjoni u evalwazzjoni komprensivi u trasparenti. Barra minn hekk, hija meħtieġa aktar koerenza bejn l-SVHC identifikati fir-Regolmant REACH u leġiżlazzjoni Ewropea oħra (eż: id-Direttiva Qafas tal-UE dwar l-Ilma).

4.2.5.

L-istrateġija tiffoka l-aktar fuq is-sustanzi li tfixkel is-sistema endokrinali u l-PFAS, u tindirizza wkoll pestiċidi, bijoċidi, farmaċewtiċi, metalli tqal, plastifikanti u ritardanti tal-fjammi bħala sustanzi perikolużi. Madankollu, sustanzi kimiċi oħra ta’ tħassib, bħan-nanomaterjali, bilkemm jissemmew. Għalkemm huma inklużi fir-Regolament REACH, ir-reviżjoni tad-definizzjoni għadha pendenti u r-regolamentazzjoni tagħhom għadha insuffiċjenti (eż.: in-nuqqas ta’ regolamentazzjoni tar-rilaxxi tan-nanomaterjali fl-ambjent, l-ebda restrizzjoni fuq it-tqegħid fis-suq tagħhom, it-trasparenza u l-istabbiliment ta’ reġistru tal-UE biex tiġi żgurata t-traċċabbiltà tagħhom mill-manifattura sal-konsumaturi).

4.2.6.

Minħabba l-evidenza dokumentata sew tar-riskji assoċjati ma’ xi familji ta’ sustanzi, l-UE mhux biss għandha tillimita iżda kultant anki tipprojbixxi l-użu ta’ sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali diġà identifikati bħall-bisfenol, u l-ftalati — dan japplika wkoll għal sustanzi kimiċi mingħajr ebda utilità nutrittiva fi prodotti tal-ikel, bħan-nanomaterjali.

4.2.7.

Il-miżuri għall-promozzjoni u l-iffaċilitar tas-sostituzzjoni tal-SVHC jistgħu jiġu implimentati permezz ta’ mekkaniżmu finanzjarju (bonus/malus).

4.2.8.

Huwa pass rilevanti ’l quddiem fil-valutazzjoni tar-riskju ta’ sustanzi kimiċi ta’ tħassib li t-taħlitiet jingħataw attenzjoni speċjali, u l-KESE jilqa’ l-fatt li se jiġu indirizzati t-taħlitiet kemm intenzjonati kif ukoll dawk mhux intenzjonati. Madankollu, il-lakuni li fadal fl-għarfien dwar it-tossiċità u l-esponiment għat-taħlitiet u l-għadd kbir ta’ sustanzi kimiċi li qed jintużaw iwasslu għal proposti bħall-użu sistematiku tal-Fattur ta’ Valutazzjoni tat-Taħlita (MAF) għal sustanzi kimiċi singoli, biex jiġu indirizzati taħlitiet mhux intenzjonati. L-affidabbiltà tal-MAF fil-valutazzjoni tar-riskju tas-sustanza kimika tqajjem tħassib, peress li dan mhuwiex fattur speċifiku għax-xenarju. Għalhekk, il-KESE jaqbel bis-sħiħ mal-prijoritajiet u r-rakkomandazzjonijiet dwar ir-riċerka u l-iżvilupp imsemmija fir-rapport (SWD(2020) 250 (5)) sabiex it-taħlitiet ta’ sustanzi kimiċi jiġu vvalutati u ġestiti b’mod effettiv.

4.3.   Is-semplifikazzjoni u l-konsolidazzjoni tal-qafas legali

4.3.1.

Il-KESE jħaddan l-approċċ ta’ “sustanza waħda, valutazzjoni waħda” li għandu jiġi kkunsidrat għall-valutazzjoni effiċjenti tas-sikurezza tas-sustanzi kimiċi.

4.3.2.

Dan se jissemplifika u jħaffef il-proċess ta’ approvazzjoni, li se jkun ta’ benefiċċju għall-produtturi u se jiffaċilita r-riċerka u l-iżvilupp ta’ sustanzi alternattivi ħielsa mit-tossiċità. Madankollu, l-impatti differenti tal-istess sustanza f’ċirkostanzi differenti u anke f’taħlitiet ma għandhomx jitwarrbu.

4.3.3.

Madwar 30 % tat-twissijiet dwar prodotti perikolużi fis-suq jinvolvu riskji minħabba sustanzi kimiċi, u terz biss tal-fajls ta’ reġistrazzjoni tas-sustanzi kimiċi rreġistrati mill-industrija taħt REACH huma konformi bis-sħiħ mar-rekwiżiti tal-informazzjoni.

4.3.4.

L-approċċ ta’ tolleranza żero għan-nuqqas ta’ konformità u l-azzjonijiet proposti biex jiżdiedu l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi huma milqugħa tajjeb. Huwa rrakkomandat bil-qawwa li l-prinċipju ta’ “Ebda data, ebda suq” jiġi implimentat kif suppost, minflok ma jkun hemm prodotti u sustanzi kimiċi mhux regolati fis-swieq.

4.3.5.

Barra minn hekk, id-data dwar sustanzi kimiċi approvati fis-suq għandha tiġi aġġornata f’intervalli regolari mill-istess reġistranti, peress li r-Regolament REACH mhuwiex suffiċjenti f’ċerti aspetti. Skont ir-Rapport ta’ Evalwazzjoni Kimika (6), 64 % tas-sustanzi li qed jiġu evalwati (126 minn 196) ma kellhomx l-informazzjoni li turi s-sikurezza tas-sustanzi kimiċi li tqiegħdu fis-suq fl-Ewropa.

4.3.6.

Kważi 90 % tal-prodotti meqjusa perikolużi jiġu importati minn barra l-UE. Il-produzzjoni globali tas-sustanzi kimiċi hija mistennija li tkompli tiżdied. X’aktarx li l-pajjiżi tal-UE u tal-OECD se jikkonċentraw fuq l-iżvilupp u l-manifattura ta’ prodotti kimiċi teknoloġikament avvanzati, bħal sustanzi kimiċi ta’ speċjalità u tax-xjenza tal-ħajja. L-Afrika, il-Lvant Nofsani u l-Asja x’aktarx se jipproduċu volumi kbar ta’ sustanzi kimiċi tat-tip “komodità”. Dan se joħloq problemi enormi għall-UE f’termini ta’ kontrolli fil-fruntieri u l-kompetittività ekonomika. Se jkunu meħtieġa miżuri biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji tal-UE fi ftehimiet ta’ kummerċ ħieles.

4.3.7.

Il-KESE jilqa’ l-miżuri għat-tisħiħ tal-kontrolli fil-fruntieri tal-UE u l-kooperazzjoni mal-pjattaformi online tal-bejgħ dirett.

4.4.   Bażi ta’ għarfien komprensiva dwar is-sustanzi kimiċi

4.4.1.

Peress li l-UE m’għandhiex bażi ta’ informazzjoni komprensiva dwar is-sustanzi kollha, jintlaqgħu proposti għal azzjonijiet biex tittejjeb id-disponibbiltà tad-data kimika sakemm dawn ikunu effettivi.

4.4.2.

Mill-perspettiva tal-industrija, is-sistema tal-privattivi dubjuża tagħmilha impossibbli li wieħed jiżvela l-aspetti kollha tal-prodotti bil-privattiva fis-suq.

4.4.3.

Mill-perspettiva xjentifika, ir-restrizzjonjiet għax-xjenza miftuħa u mingħajr ħlas ixekklu l-iskambju mingħajr ħlas ta’ għarfien u l-kombinazzjoni ta’ sforzi u investiment. Ir-regoli xjentifiċi dwar il-protezzjoni tad-data, u d-drittijiet tal-proprjetà industrijali li mhumiex fondati sew qed jillimitaw l-aċċessibbiltà tad-data kimika rilevanti kollha, u għaldaqstant l-innovazzjoni.

4.4.4.

Il-kunflitti tal-aċċessibbiltà tad-data għandhom jiġu indirizzati u solvuti billi jiġu inklużi miżuri biex titwessa’ d-data disponibbli u tittejjeb il-kwalità tagħha. Pereżempju, jista’ jinħoloq mekkaniżmu li fih l-industriji li jimportaw in-nanomaterjali tal-manifattura jiffinanzjaw riċerka indipendenti dwar ir-riskju tan-nanomaterjali, fejn hemm nuqqas ta’ għarfien xjentifiku.

4.4.5.

Il-Kummissjoni għandha l-għan li tkompli tħeġġeġ ir-riċerka u l-monitoraġġ (bijoloġiku) biex tifhem u tipprevjeni r-riskji relatati mas-sustanzi kimiċi u biex tħeġġeġ l-innovazzjoni fil-valutazzjonijiet dwar ir-riskji tas-sustanzi kimiċi u x-xjenza regolatorja.

4.4.6.

Biex tiġi ffaċilitata l-innovazzjoni permezz tar-riċerka, il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u l-appoġġ finanzjarju għandhom jintużaw għall-ottimizzazzjoni tal-aħjar prattiki fit-trasferiment tal-għarfien, kemm industrijali kif ukoll xjentifiku, filwaqt li jiġi żgurat aċċess faċli u mingħajr ħlas għal bażijiet tad-data affidabbli. Barra minn hekk, l-aċċess għall-innovazzjoni għandu jkun disponibbli għal kull attur ikkonċernat mill-industrija tas-sustanzi kimiċi tal-UE.

4.4.7.

Il-miżuri biex titrawwem l-innovazzjoni fl-ittestjar tas-sikurezza u l-valutazzjoni dwar ir-riskji tas-sustanzi kimiċi li jnaqqsu l-ittestjar fuq l-annimali huma apprezzati, b’mod speċjali meta jitqiesu l-avvanzi fir-riċerka u l-metodi innovattivi mill-aktar avvanzati żviluppati (eż. assaġġi in vitro) li jtejbu l-kwalità, l-effiċjenza u l-veloċità tal-valutazzjonijiet tar-riskju ta’ periklu kimiku.

4.4.8.

Huwa essenzjali li tiġi żgurata aktar trasparenza fit-teħid ta’ deċiżjonijiet. Bosta kwistjonijiet importanti huma diskussi f’laqgħat magħluqa, li joħolqu konfużjoni fost iċ-ċittadini tal-UE dwar l-azzjonijiet meħuda mill-UE biex tillimita l-esponiment tagħhom għal sustanzi kimiċi perikolużi. Barra minn hekk, id-data mhux ipproċessata li fuqha jsiru l-evalwazzjonijiet u d-deċiżjonijiet (ECHA u EFSA) (7) għandhom ikunu disponibbli. Hemm il-ħtieġa li tiġi żgurata aktar trasparenza dwar id-deċiżjonijiet u l-pożizzjonijiet tal-Istati Membri fir-rigward tas-sustanzi kimiċi fis-suq.

4.5.   Nagħtu l-eżempju għal ġestjoni globali tajba tas-sustanzi kimiċi

4.5.1.

Fid-dawl tal-impatt tal-istrateġija fil-livell globali, il-KESE bi pjaċir jinnota li fost l-azzjonijiet għall-promozzjoni tal-istandards tas-sikurezza u s-sostenibbiltà barra mill-UE, il-Kummissjoni hija impenjata li tiżgura li s-sustanzi kimiċi perikolużi pprojbiti fl-UE ma jiġux prodotti għall-esportazzjoni. Madankollu, għadu mhux ċar kif se japplikaw globalment l-atti leġiżlattivi li għad fadal li għandhom jiġu żviluppati u armonizzati. Il-projbizzjoni ta’ prodotti għall-esportazzjoni tista’ taffettwa l-industrija f’pajjiżi oħra li għalihom l-ambizzjoni tal-istrateġija dwar is-sustanzi kimiċi ma tapplikax. Mhuwiex ċar kif se jiġu ttrattati l-effetti fuq l-industriji li mhumiex fl-UE, bħala produtturi u esportaturi preċedenti ta’ prodott speċifiku.

4.6.   L-użu żejjed ta’ sustanzi kimiċi fil-kura tas-saħħa

Għandha ssir ħafna aktar riċerka fl-iżvilupp ta’ politiki dwar il-prevenzjoni tal-mard b’enfasi speċjali fuq is-sistema immunitarja. L-objettiv għandu jkun attitudni pożittiva lejn stil ta’ ħajja tajjeb għas-saħħa, li jippermetti lin-nies jużaw inqas trattamenti kimiċi fejn applikabbli. It-trattamenti kimiċi kollha għandhom ikunu diretti lejn dawk li għalihom huwa essenzjali li jiġi evitat użu żejjed.

4.7.   Sustanzi Kimiċi fl-Agrikoltura

4.7.1.

L-impatti negattivi tal-pestiċidi użati fl-agrikoltura fuq l-ambjent jeħtieġ li jitnaqqsu mingħajr ma jiġi kkważat tnaqqis fil-kwalità tal-produzzjoni tal-ikel jew mingħajr ma tiġi kompromessa s-sigurtà tal-ikel fl-UE.

4.7.2.

L-Alleanza Ewropea għar-Riċerka attwali, li għandha l-kompitu li ssib u tittestja alternattivi organiċi għal sustanzi kimiċi sintetiċi fl-agrikoltura, jeħtieġ li tiġi ffinanzjata b’mod adegwat. L-investiment għandu jkun iffukat fuq il-pestiċidi organiċi bijoloġiċi. L-appoġġ finanzjarju għandu jiżdied ukoll biex jiġu promossi r-riċerka u l-innovazzjoni fuq promoturi tat-tkabbir tal-pjanti u protetturi tal-pjanti bbażati fuq in-natura. Pereżempju, il-bijoattività inerenti ta’ ċerti komposti naturali metabolizzati mir-riżobatterji tista’ tintuża bħala protetturi tal-pjanti minn patoġeni esterni.

4.7.3.

Użu ħafna aktar immirat ta’ fertilizzanti kimiċi huwa mixtieq u dan għandu jirriżulta f’użu aktar baxx ta’ fertilizzanti kimiċi. Hija meħtieġa aktar riċerka biex jiġu żviluppati alternattivi sabiex titkompla l-produzzjoni adegwata tal-ikel u biex il-bdiewa jkollhom introjti adegwati.

4.7.4.

Huma meħtieġa aktar valutazzjonijiet tar-riskju ambjentali u tas-saħħa biex jiġi evalwat jekk l-użu tal-bijoteknoloġija u l-inġinerija ġenetika jistgħux jgħinu biex jiġu żviluppati alternattivi għall-fertilizzanti kimiċi u l-pestiċidi.

4.7.5.

Jekk ma tiġi ppreżentata l-ebda alternattiva vijabbli oħra, tnaqqis sinifikanti fl-użu tal-pestiċidi se jżid l-ispejjeż tal-produzzjoni u/jew iwassal għal inqas rendimenti. Għalhekk, jeħtieġ li jiġu eżaminati l-kwistjonijiet tal-piż ekonomiku għall-produtturi u l-konsumaturi u l-importazzjonijiet tal-ikel minn pajjiżi mhux tal-UE.

4.7.6.

L-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 hija ambizzjuża ħafna, peress li hija mistennija tittrasforma mill-inqas 30 % tal-art tal-Ewropa f’network ta’ żoni ġestiti u protetti b’mod attiv. Hija għandha tkun ta’ kontribut kbir għall-bijodiversità, għar-restawr tan-natura u għandha tgħin biex tiġi sostnuta l-Istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi sostenibbli fis-settur agrikolu.

4.7.7.

F’dan is-sens, għandhom isiru sforzi speċjali biex tiġi protetta aħjar il-bijodiversità u b’mod speċjali d-dakkara mill-pestiċidi. Pereżempju, id-Dokument ta’ Gwida tal-EFSA dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fuq in-naħal għandu lakuni kbar. Huwa għandu jintegra d-data dwar it-tossiċità kronika, l-effetti tal-pestiċidi fuq il-larva u d-data dwar it-tossiċità akuta għan-naħal u dakkara oħra.

4.7.8.

Biex l-Istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi tirnexxi, għandu jkollna appoġġ sinifikanti mill-pubbliku ġenerali u bidla kulturali reali fl-approċċ tagħna għall-użu tas-sustanzi kimiċi, it-tibdil fil-klima u t-tniġġis ambjentali.

Brussell, is-27 ta’ April 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Joyce Msuya, viċi direttur tal-programm ambjentali tan-NU.

(2)  EU news alert, ħarġa 517, 22/11/18.

(3)  Opinjoni tal-KESE dwar Implimentazzjoni tal-liġi ambjentali tal-UE: kwalità tal-arja, l-ilma u l-iskart (ĠU C 110, 22.3.2019, p. 33).

(4)  EC Study for the strategy for a non-toxic environment of the 7th Environment Action Programme (Studju tal-KE għall-istrateġija għal ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi tas-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali — mhux disponibbli bil-Malti).

(5)  Commission Staff Working Document Progress report on the assessment and management of combined exposures to multiple chemicals (chemical mixtures) and associated risks (Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni Rapport ta’ Progress tal-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni u l-ġestjoni ta’ esponimenti kkombinati għal sustanzi kimiċi multipli (taħlitiet kimiċi) u riskji assoċjati [mhux disponibbli bil-Malti]).

(6)  Uffiċċju Ewropew għall-Ambjent https://eeb.org/chemical-evaluation-report-achievements-challenges-and-recommendations-after-a-decade-of-reach/

(7)  Akronimi ECHA (Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi) u EFSA (Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel).


Top