Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0895

Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 895/2011/UE tad- 19 ta’ Diċembru 2011 li temenda d-Deċiżjoni 2002/546/KE fir-rigward tal-perijodu tal-applikazzjoni tagħha

ĠU L 345, 29.12.2011, pp. 17–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2014

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/895/oj

29.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 345/17


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL Nru 895/2011/UE

tad-19 ta’ Diċembru 2011

li temenda d-Deċiżjoni 2002/546/KE fir-rigward tal-perijodu tal-applikazzjoni tagħha

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 349 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Waqt li jaġixxi f’konformità ma’ proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/546/KE (2) tawtorizza lil Spanja biex, sal-31 ta’ Diċembru 2011, tapplika eżenzjonijiet jew tnaqqis tat-taxxa magħrufa bħala “Arbitrio sobre las Importaciones y Entregas de Mercancías en las islas Canarias” (minn hawn ‘il quddiem: “it-taxxa AIEM”) għal ċerti oġġetti li jiġu prodotti lokalment fil-Gżejjer Kanari. L-Anness għal dik id-Deċiżjoni fih lista ta’ prodotti li għalihom jistgħu jiġu applikati eżenzjonijiet jew tnaqqis mit-taxxa AIEM. Id-differenza bejn it-tassazzjoni ta’ oġġetti prodotti lokalment u t-tassazzjoni ta’ oġġetti oħra ma tistax taqbeż 5, 15 jew 25 %, skont il-prodott.

(2)

Huwa ġġustifikat li l-perijodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2002/546/KE jiġi estiż għal sentejn, billi l-elementi bażiċi li jiġġustifikaw l-awtorizzazzjoni mogħtija skont dik id-Deċiżjoni baqgħu ma nbidlux. F’dan ir-rigward, ir-rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill tat-28 ta’ Awwissu 2008 dwar l-applikazzjoni tal-arranġamenti speċjali dwar it-taxxa AIEM applikabbli għall-Gżejjer Kanari kkonferma li t-taxxa AIEX kienet qed taħdem b’mod sodisfaċenti u ma kien hemm l-ebda ħtieġa li jsiru emendi għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/546/KE.

(3)

Barra minn hekk, ir-rapport li wasal għand il-Kummissjoni mill-awtoritajiet Spanjoli jikkonferma li l-iżvantaġġi li kienu jiġġustifikaw l-awtorizzazzjoni ta’eżenzjonijiet sħaħ u tnaqqis parzjali tat-taxxa AIEM għal lista ta’ oġġetti prodotti lokalment fil-Gżejjer Kanari għadhom validi.

(4)

Id-Deċiżjoni 2002/546/KE għandha tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2002/546/KE, id-data 31 ta’ Diċembru 2011 hija sostitwita b’dik tal-31 ta’ Diċembru 2013.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ Spanja.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

M. KOROLEC


(1)  L-Opinjoni tal-1 ta’ Diċembru 2011 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)   ĠU L 179, 9.7.2002, p. 22.


Top