Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0812

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 812/2008 tal- 11 ta’ Awwissu 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 954/2006 li jimponi dazju definittiv antidumping fuq ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-ħadid jew ta’ l-azzar li joriġinaw, inter alia , fir-Russja

ĠU L 220, 15.8.2008, pp. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 29/06/2011

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/812/oj

15.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 220/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 812/2008

tal-11 ta’ Awwissu 2008

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 954/2006 li jimponi dazju definittiv antidumping fuq ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-ħadid jew ta’ l-azzar li joriġinaw, inter alia, fir-Russja

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ l-dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikoli 9 u 11(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 954/2006 tas-27 ta’ Ġunju 2006 li jimponi dazju definittiv antidumping fuq importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew ta’ l-azzar (PTMS) li joriġinaw, inter alia, fir-Russja (2),

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   IL-PROĊEDURA

1.   Il-miżuri attwali

(1)

Wara investigazzjoni (“l-investigazzjoni oriġinali”), il-Kunsill permezz tar-Regolament (KE) Nru 954/2006, impona dazju definittiv antidumping fuq importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-ħadid jew ta’ l-azzar (PTMS) li joriġinaw, inter alia, fir-Russja.

2.   Il-monitoraġġ speċjali

(2)

Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 954/2006 u wara li diġà kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv, il-Kummissjoni mmonitorjat b’attenzjoni speċjali l-evoluzzjoni ta’ l-importazzjonijiet tal-PTMS mill-pajjiżi kollha kkonċernati mill-miżuri. Il-monitoraġġ wera li l-esportazzjonijiet tal-grupp Russu tal-grupp esportaturi OAO TMK (OAO Volzhsky Pipe Plant, OAO Taganrog Metallurgical Works, OAO Sinarsky Pipe Plant, OAO Seversky Tube Works u l-kumpaniji relatati tagħhom) (minn issa ‘l quddiem “TMK”, “il-kumpanija” jew “il-grupp”) lejn il-Komunità matul l-ewwel sitt xhur wara l-impożizzjoni tal-miżuri naqsu drammatikament. Indika wkoll li l-livell ta’ dazju fir-rigward ta’ TMK għandu jiġi analizzat mill-ġdid. Fil-fatt, l-ispiża u l-informazzjoni tal-prezz mogħtija minn TMK fil-kwestjonarju tal-monitoraġġ indikaw li l-marġini tad-dumping tal-grupp għandu jkun iktar baxx mill-35,8 % li hemm bħalissa.

3.   Il-bidu ta’ reviżjoni interim

(3)

Fuq inizjattiva tal-Kummissjoni, ingħatat bidu reviżjoni parzjali interim tar-Regolament ta’ hawn fuq għal TMK, fuq il-bażi ta’ evidenza li waslet għand il-Kummissjoni mingħand l-esportatur. Il-kumpanija ddikjarat li ċ-ċirkostanzi li wasslu għat-twaqqif tal-miżuri fis-seħħ, inbidlu u li dawn il-bidliet kienu ta’ natura dejjiema. Qiegħed jitfakkar li l-grupp TMK ma kkooperax bis-sħiħ fl-investigazzjoni oriġinali u għalhekk il-marġini tad-dumping ġie kkalkolat fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, jiġifieri l-valur normali ta’ grupp produttur ieħor Russu li kkoopera ma’ l-investigazzjoni u d-data ta’ l-Eurostat. Skond TMK, il-grupp kien naqas milli jikkoopera matul l-investigazzjoni oriġinali fil-biċċa l-kbira minħabba l-bidliet interni sinifikanti li kienu diġà bdew iseħħu fi ħdan il-grupp matul il-perjodu ta’ l-investigazzjoni oriġinali. Minħabba dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, li kellhom impatt fuq il-governanza korporattiva tal-grupp, kif ukoll fuq il-prassi tiegħu ta’ kontabilità u verifika finanzjarja, TMK ma setax jipprovdi evidenza xierqa tal-prezzijiet u l-ispejjeż tiegħu matul l-investigazzjoni oriġinali. Skond il-kumpanija, il-bidliet fl-organizzazzjoni tagħha minn mindu saret l-investigazzjoni oriġinali rriżultaw fi struttura korporattiva aktar sempliċi, governanza korporattiva mtejba kif ukoll inqalbet għall-kontabilità IFRS, li għandha tippermettilha li tikkoopera. Hija pprovdiet ukoll evidenza prima facie sabiex turi li t-tqabbil tal-valur normali bbażat fuq il-prezzijiet jew l-ispejjeż domestiċi u l-prezzijiet ta’ esportazzjoni tagħha stess lejn il-Komunità għandu jwassal għal tnaqqis ta’ dumping ‘l isfel sew mil-livell tal-miżura attwali. Għalhekk, hija ddikjarat li l-impożizzjoni ssuktata tal-miżura fil-livelli attwali, li kienet ibbażata fuq il-livell ta’ dumping stabbilit qabel, ma kenitx meħtieġa aktar biex tagħmel tajjeb għad-dumping.

(4)

Wara li ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li teżisti biżżejjed evidenza biex tingħata bidu reviżjoni parzjali interim, il-Kummissjoni ddeċidiet fuq inizjattiva tagħha nnfisha li tagħti bidu għal reviżjoni parzjali interim skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, li tkun limitata fl-ambitu għal-livell ta’ dumping sal-punt li fih huma kkonċernati l-produtturi/membri ta’ esportazzjoni tal-grupp TMK. Il-Kummissjoni ppubblikat avviż ta’ inizjazzjoni fit-22 ta’ Ġunju 2007 fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea  (3) u tat bidu għal investigazzjoni.

(5)

Il-Kummissjoni avżat b’mod uffiċjali, lil TMK u lill-kumpaniji relatati tiegħu, kif ukoll lir-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur, bl-inizjazzjoni tar-reviżjoni interim. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta.

(6)

Il-Kummissjoni bagħtet ukoll kwestjonarji lil TMK u lill-kumpaniji relatati tiegħu u rċeviet tweġibiet fiż-żmien ta’ skadenza stabbilit għal dak il-għan. Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa għad-determinazzjoni ta’ dumping u għamlet żjarat ta’ verifika fuq il-post tal-kumpaniji li ġejjin:

OAO Volzhsky Pipe Plant, ir-Russja

OAO Taganrog Metallurgical Works, ir-Russja

OAO Sinarsky Pipe Plant, ir-Russja

OAO Seversky Tube Works, ir-Russja

ZAO TMK Trade House, ir-Russja

TMK Europe GmbH, il-Ġermanja

TMK Global AG, L-Iżvizzera

TMK Italia s.r.l., l-Italja

4.   Il-perjodu ta’ l-investigazzjoni tar-reviżjoni

(7)

L-investigazzjoni tad-dumping kopriet il-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ April 2006 u l-31 ta’ Marzu 2007 (“il-perjodu ta’ l-investigazzjoni tar-reviżjoni” jew “il-PIR”).

B.   INVESTIGAZZJONI TAR-REVIŻJONI

1.   Il-prodott ikkonċernat

(8)

Il-prodott ikkonċernat mir-reviżjoni attwali huwa l-istess bħal dak fl-investigazzjoni oriġinali, jiġifieri ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew ta’ l-azzar bi profil trasversali ċirkulari, ta’ dijametru estern li ma jaqbiżx 406,4 mm b’Valur Ekwivalenti tal-Karbonju (VEK) li ma jaqbiżx 0,86 skond il-formola ta’ l-Istitut Internazzjonali tal-Welding (IIW) u analiżi kimika (4) li joriġinaw fir-Russja (“il-prodott ikkonċernat”), attwalment klassifikabbli fil-kodiċi tan-NM ex 7304 11 00, ex 7304 19 10, ex 7304 19 30, ex 7304 22 00, ex 7304 23 00, ex 7304 24 00, ex 7304 29 10, ex 7304 29 30, ex 7304 31 80, ex 7304 39 58, ex 7304 39 92, ex 7304 39 93, ex 7304 51 89, ex 7304 59 92 u ex 7304 59 93 (5).

2.   Il-prodott simili

(9)

Il-prodott li huwa prodott u mibjugħ fis-suq domestiku Russu u dak esportat lejn il-Komunità għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bażiċi u l-istess użi u għalhekk meqjusa li huma simili fis-sens ta’ l-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

C.   IR-RIŻULTATI TA’ L-INVESTIGAZZJONI

1.   Il-valur normali

(10)

Il-bejgħ fis-suq domestiku jsir permezz tal-kumpanija relatata, ZAO TMK Trade House, li mbagħad tbigħ mill-ġdid il-prodott ikkonċernat lil klijenti indipendenti fir-Russja.

(11)

Skond l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, l-ewwel ġie eżaminat, fir-rigward ta’ l-erba’ produtturi esportaturi li kkooperaw tal-grupp, jekk il-bejgħ domestiku tagħhom tal-prodott simili lill-klijenti indipendenti kienx rappreżentattiv, jiġifieri jekk il-volum totali ta’ bejgħ ta’ din ix-xorta kienx daqs jew akbar minn 5 % tal-volum totali tal-bejgħ korrispondenti ta’ l-esportazzjoni lejn il-Komunità. Il-volum totali tal-bejgħ domestiku tal-prodott simili nstab li kien rappreżentattiv. Is-servizzi tal-Kummissjoni sussegwentement identifikaw dawk it-tipi tal-prodott simili mibjugħa fis-suq domestiku li kienu identiċi jew direttament komparabbli mat-tipi esportati lejn il-Komunità.

(12)

Għal kull tip mibjugħ mill-produtturi esportaturi fis-suq domestiku tagħhom u li nstab li kien direttament komparabbli mat-tip tal-prodott ikkonċernat esportat lejn il-Komunità, kien stabbilit jekk il-bejgħ domestiku kienx rappreżentattiv biżżejjed għall-finijiet ta’ l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-bejgħ domestiku ta’ tip ta’ prodott partikolari tqies li kien rappreżentattiv biżżejjed meta l-volum totali ta’ bejgħ domestiku ta’ dan it-tip matul il-PI rrappreżenta 5 % jew iżjed tal-volum totali ta’ bejgħ tat-tip komparabbli tal-prodott ikkonċernat esportat lejn il-Komunità.

(13)

Sussegwentement, kien eżaminat jekk kull tip ta’ prodott ikkonċernat mibjugħ domestikament fi kwantitajiet rappreżentattivi jistax jitqies bħala li qed jinbiegħ waqt l-andament normali tal-kummerċ skond l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku, billi ġie stabbilit il-proporzjon ta’ bejgħ profitabbli lil klijenti indipendenti fis-suq domestiku tat-tip ta’ prodott ikkonċernat.

(14)

F’każijiet fejn il-volum tal-bejgħ tat-tip ta’ prodott relevanti, mibjugħ bi prezz tal-bejgħ nett daqs l-ispiża kkalkolata tal-produzzjoni jew aktar minnha, irrappreżenta aktar minn 80 % tal-volum totali ta’ bejgħ ta’ dak it-tip u fejn il-prezz medju bil-piż differenzjat kien daqs jew ogħla min-nefqa tal-produzzjoni, il-valur normali ġie bbażat fuq il-prezz domestiku attwali, ikkalkolat bħala medja bil-piż differenzjat tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku kollu li sar matul il-PI, irrispettivament minn jekk dan il-bejgħ kienx profitabbli jew le. F’każijiet fejn il-volum tal-bejgħ profitabbli ta’ tip ta’ prodott irrappreżenta 80 % jew inqas tal-volum totali ta’ bejgħ ta’ dak it-tip jew fejn il-prezz medju bil-piż differenzjat ta’ dak it-tip kien iktar baxx mill-ispiża tal-produzzjoni, il-valur normali ġie bbażat fuq il-prezz domestiku effettiv, ikkalkolat bħala medja bil-piż differenzjat tal-bejgħ profitabbli ta’ dak it-tip biss, bil-kondizzjoni li dak il-bejgħ kien jirrappreżenta 10 % jew aktar tal-volum totali ta’ bejgħ ta’ dak it-tip. Fil-każijiet fejn il-volum ta’ bejgħ profitabbli ta’ kwanlunkwe tip ta’ prodott kien jirrappreżenta inqas minn 10 % tal-volum totali ta’ bejgħ, tqies li dan it-tip partikolari inbiegħ fi kwantitajiet mhux suffiċjenti għall-prezz domestiku sabiex jagħti bażi xierqa għat-twaqqif tal-valur normali.

(15)

Kulfejn il-prezzijiet domestiċi ta’ tip ta’ prodott partikolari mibjugħ minn produttur esportatur ma setgħux jintużaw sabiex jiġi stabbilit il-valur normali, kellu jiġi applikat metodu ieħor. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni użat il-valur normali kompost. Skond l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, il-valur normali nħadem billi saret żieda għall-ispejjeż tal-manifattura tal-produttur esportatur tat-tipi esportati, aġġustata fejn meħtieġ, ta’ perċentwali raġonevoli għall-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattiv (“SG&A”) u marġini raġonevoli ta’ profitt. Skond l-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku, il-perċentwali għas-SG&A u l-marġini ta’ profitt kienu bbażati fuq il-medja ta’ l-SG&A u l-marġini ta’ profitt tal-bejgħ fl-andament normali tal-kummerċ tal-prodott simili.

(16)

Fir-rigward ta’ l-ispejjeż tal-manifattura, u b’mod partikolari l-ispejjeż ta’ l-enerġija, f’dak li għandu x’jaqsam mal-gass, ġie eżaminat jekk il-prezzijiet tal-gass imħallsa mill-produtturi esportaturi kinux jirriflettu l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-gass.

(17)

Instab li l-prezz domestiku tal-gass li tħallas mill-produtturi esportaturi kien madwar kwart tal-prezz esportat tal-gass naturali mir-Russja. F’dan ir-rigward, id-data kollha disponibbli tindika li l-prezzijiet domestiċi tal-gass fir-Russja kienu prezzijiet regolati, li huma ferm inqas mill-prezzijiet tas-suq imħallsa fis-swieq gћall-gass naturali li mhumiex regolati. Għalhekk, minħabba li l-ispejjeż ma kinux riflessi b’mod raġjonevoli fir-reġistri tal-produtturi esportaturi kif previst fl-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, kellhom jiġu aġġustati skond dan. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe prezz biżżejjed rappreżentattiv, mhux distort tal-gass relatat mas-suq domestiku Russu, tqies li jkun xieraq li l-aġġustament jiġi bbażat skond l-Artikolu 2(5), fuq il-bażi ta’ informazzjoni minn swieq oħra rappreżentattivi. Il-prezz aġġustat ġie bbażat fuq il-prezz medju tal-gass Russu meta mibjugħ għall-esportazzjoni fil-fruntiera Ġermaniża/Ċeka (Waidhaus), aġġustat għall-ispejjeż ta’ distribuzzjoni lokali. Waidhaus, billi huwa ċentru ewlieni għall-bejgħ tal-gass Russu lill-UE, li hija kemm l-akbar suq għall-gass Russu kif ukoll għandha prezzijiet li jirriflettu b’mod raġjonevoli l-ispejjeż, jista’ jitqies bħala suq rappreżentattiv fis-sens ta’ l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku.

(18)

Għal dawn it-tipi ta’ prodott fejn il-valur normali nbena, kif deskritt hawn fuq, il-kompożizzjoni saret fuq il-bażi ta’ l-ispejjeż tal-manifattura tat-tipi esportati wara l-aġġustament għall-ispiża tal-gass.

2.   Il-prezz ta’ l-esportazzjoni

(19)

Il-bejgħ kollu ta’ l-esportazzjoni ta’ TMK sar permezz ta’ kumpaniji relatati li jinsabu jew fil-Komunità inkella fl-Iżvizzera. Għalhekk, il-prezz ta’ l-esportazzjoni ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, jiġifieri billi ntużaw il-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid li jkunu effettivament tħallsu jew li għandhom jitħallsu lill-kumpanija relatata mill-ewwel xerrej indipendenti fil-Komunità waqt il-PIR, u ġew aġġustati għall-ispejjeż kollha mġarrba bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid u għall-profitti.

(20)

F’dak li għandu x’jaqsam mal-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni li qed jintalbu lill-klijenti fil-Komunità mill-kumpanija relatata fl-Iżvizzera, TMK Global AG, il-grupp TMK ddikjara li għandu jkun superfluwu li jitnaqqas mill-prezz ta’ l-esportazzjoni l-profitt, l-SG&A u l-kummissjonijiet jew il-miżati ta’ l-aġenziji, minħabba li l-kumpanija TMK Global taġixxi bħala dipartiment tal-bejgħ ta’ l-esportazzjoni kompletament integrat ‘il barra mill-Komunità. Skond TMK deduzzjonijiet bħal dawn għandhom ikunu meħtieġa biss għal kumpaniji li jinsabu fil-Komunità u li jiffurmaw parti min-netwerk ta’ importazzjoni tal-grupp, kif previst fl-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku.

(21)

Id-dikjarazzjoni ta’ hawn fuq intlaqgħet, minħabba li nstab li r-rwol ta’ TMK Global wara l-bidliet organizzazzjonali fi ħdan il-grupp evolva għal wieħed ta’ dipartiment ta’ l-esportazzjoni responsabbli għal esportazzjonijiet ‘il barra mill-Komunità kif ukoll mill-bejgħ ta’ l-esportazzjonijiet lejn il-Komunità, minkejja li dawn niżlu għal volumi baxxi qabel u matul il-PIR. Fil-fatt, TMK Global jaġixxi bħala “ċentru tal-bejgħ”, li jissimplifika l-proċessi ta’ xiri u doukmentazzjoni għall-uffiċji ewlenin li jinsabu direttament fis-swieq ewlenin, jiġifieri TMK North America u TMK Middle-East. Huwa jwettaq ukoll funzjonijiet oħra ta’ dipartiment ta’ l-esportazzjoni fir-rigward tal-bejgħ ta’ esportazzjoni lejn is-swieq ewlenin tiegħu, kif ukoll lejn il-Komunità, bħalma hija l-ġestjoni tal-kontabilità u l-infurzar ta’ l-istandards ta’ l-intraċċar tal-prodotti. Fl-imgħoddi, dawn il-funzjonijiet kienu jitwettqu mid-dipartimenti lokali ta’ esportazzjoni ta’ kull fabbrika, iżda issa qed jitwettqu minn TMK Global bl-għan ta’ ċentralizzazzjoni u sabiex tiġi żgurata l-konsistenza.

3.   Il-paragun

(22)

Il-paragun bejn il-valur normali bil-piż differenzjat u l-prezz ta’ l-esportazzjoni bil-piż differenzjat sar fuq bażi ex fabbrika u fl-istess livell ta’ kummerċ. Sabiex jiġi żgurat paragun ġust, tqiesu, skond l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, id-differenzi fil-fatturi li ntwerew li jaffettwaw il-prezzijiet u l-kapaċità ta’ paragun tal-prezzijiet. Fuq il-bażi ta’ dan, saru konċessjonijiet għal differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi, l-ispejjeż tat-trasport, l-assigurazzjoni, l-ispejjeż tat-tagħbija, l-ispejjeż ta’ kreditu u ġew stabbiliti dazji doganali fejn kienu applikabbli u ġustifikati.

4.   Il-marġini ta’ dumping

(23)

Kif previst fl-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, il-valur normali medju bil-piż differenzjat skond it-tip tqabbel mal-prezz medju bil-piż differenzjat ta’ l-esportazzjoni tat-tip korrispondenti tal-prodott ikkonċernat. Dan il-paragun wera l-eżistenza tad-dumping.

(24)

Il-marġini tad-dumping ta’ TMK espress bħala perċentwali tal-prezz nett, bla ħlas fil-fruntieri tal-Komunità, bid-dazju mhux imħallas, kien ta’ iktar minn 27,2 %.

D.   IN-NATURA DEJJIEMA TAĊ-ĊIRKUSTANZI MIBDULA

(25)

Skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat ukoll jekk kienx raġjonevoli li ċ-ċirkustanzi mibdula jitqisux bħala ta’ natura dejjiema.

(26)

F’dan ir-rigward qiegħed jitfakkar li TMK ma kkooperax bis-sħiħ b’mod xieraq matul l-investigazzjoni oriġinali. Għalhekk il-marġini ta’ dumping, li jifforma l-bażi tad-dazju attwalment applikabbli ta’ 35,8 %, ġie ddeterminat fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. F’dak li jirrigwarda l-fatti disponibbli, il-Kummissjoni użat il-valur normali stabbilit għall-grupp Russu ieħor ta’ produtturi, li kkoopera, u d-data ta’ l-Eurostat.

(27)

Il-kooperazzjoni insuffiċjenti li wasslet għall-użu tal-fatti disponibbli kienet ikkawżata fil-biċċa l-kbira minn bidliet interni sinifikanti li kienu diġà bdew iseħħu fi ħdan il-grupp matul il-perjodu ta’ l-investigazzjoni oriġinali. Minħabba dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, li kellhom impatt fuq il-governanza korporattiva tal-grupp kif ukoll fuq il-prassi tiegħu ta’ kontabilità u verifika finanzjarja, TMK ma setax jipprovdi evidenza xierqa tal-prezzijiet u l-ispejjeż tiegħu matul l-investigazzjoni oriġinali.

(28)

Fl-investigazzjoni attwali TMK kkoopera bis-sħiħ. Fil-fatt, b’kuntrast ma’ l-investigazzjoni oriġinali, meta l-grupp kien għadu fi stat ta’ instabilità, id-data mogħtija fit-tweġibiet tal-kwestjonarju fl-investigazzjoni attwali setgħu jiġu vverifikati b’mod sodisfaċenti. Għalhekk, minħabba li l-grupp ipprovda data attendibbli fir-rigward tal-valur normali u l-prezz ta’ l-esportazzjoni, il-marġini tad-dumping seta’ jiġi kkalkulat fuq il-bażi tad-data tiegħu stess.

(29)

Evidenza li nkisbet matul l-investigazzjoni wriet li l-bidliet fl-istruttura korporattiva ta’ TMK u fil-prassi tal-kontabilità, li ppermettew lill-grupp jikkoopera ma’ l-investigazzjoni attwali, għandhom jitqiesu bħala dejjiema bil-kondizzjoni li jirreferu għall-istruttura li tifrex fuq medda twila ta’ żmien tal-grupp.

(30)

Għalhekk qed jitqies li ċ-ċirkostanzi li wasslu biex tingħata bidu din ir-reviżjoni probabbli mhumiex se jinbidlu fil-futur qrib b’mod li jaffetwaw is-sejbiet tar-reviżjoni attwali. Għalhekk il-bidliet qed jitqiesu li huma ta’ natura dejjiema.

E.   IL-MIŻURI ANTIDUMPING

(31)

Fid-dawl tar-riżultati ta’ l-investigazzjoni, jitqies xieraq li d-dazju antidumping applikabbli fuq l-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat minn TMK jiġi emendat għal 27,2 %. Id-dazju emendat għandu jiġi stipulat fil-livell tal-marġini misjub tad-dumping, minħabba li huwa inqas mill-marġini ta’ ħsara stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali.

(32)

Il-partijiet interessati kienu infurmati bil-fatti essenzjali u bil-konsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom kienet maħsuba li tiġi rrakkomandata emenda tar-Regolament (KE) Nru 954/2006 u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw.

F.   L-IMPENN

(33)

Wara li saru magħrufa l-fatti essenzjali u l-konsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li tiġi rrakkomandata emenda tad-dazju definittiv antidumping applikabbli għal importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat minn TMK, il-grupp offra impenn ta’ prezz skond l-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku. L-impenn offrut minn TMK ma biddilx il-konklużjoni inizjali tal-Kummissjoni li l-prodott ikkonċernat mhuwiex adattat għal impenn kif stipulat fil-premessi (248)–(250) tar-Regolament (KE) Nru 954/2006. Fil-fatt, il-Kummissjoni tqis li l-impenn attwali ta’ TMK ma jindirizzax id-diffikultajiet tekniċi relatati mal-prodott ikkonċernat kif iddikjarat fil-premessa (248) tar-Regolament imsemmi hawn fuq b’mod li jagħmel l-impenn offrut tal-prezz prattikabbli,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dan li ġej huwa miżjud mat-tabella fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 954/2006:

Il-pajjiż

Il-kumpanija

Id-dazju ta’ l-antidumping

Il-kodiċi addizzjonali TARIC

“Ir-Russja

OAO Volzhsky Pipe Plant, OAO Taganrog Metallurgical Works, OAO Sinarsky Pipe Plant u OAO Seversky Tube Works

27,2  %

A859 ”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum li jsegwi dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 11 ta’ Awwissu 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

B. KOUCHNER


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).

(2)  ĠU L 175, 29.6.2006, p. 4.

(3)  ĠU C 138, 22.6.2007, p. 37.

(4)  Il-VEK għandu jiġi ddeterminat skond ir-Rapport Tekniku, 1967, IIW dok. IX-535-67, ippubblikat mill-Istitut Internazzjonali tal-Welding (IIW).

(5)  Kif definit bħalissa fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1214/2007 ta’ l-20 ta’ Settembru 2007, li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffi u ta’ l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni Doganali (ĠU L 286, 31.10.2007, p. 1). Il-kopertura tal-prodott hija ddeterminata billi jingħaqdu flimkien id-deskrizzjoni tal-prodott fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 954/2006 u d-deskrizzjoni tal-prodott tal-kodiċi NM korrispondenti meħuda flimkien.


Top