Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CN0386

Kawża C-386/08: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Hamburg (Il-Ġermanja) fl- 1 ta' Settembru 2008 — Brita GmbH vs Hauptzollamt Hamburg-Hafen

ĠU C 285, 8.11.2008, pp. 26–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 285/26


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Hamburg (Il-Ġermanja) fl-1 ta' Settembru 2008 — Brita GmbH vs Hauptzollamt Hamburg-Hafen

(Kawża C-386/08)

(2008/C 285/43)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Finanzgericht Hamburg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Brita GmbH.

Konvenuta: Hauptzollamt Hamburg-Hafen

Domandi preliminari

1)

Fid-dawl tal-fatt li huwa previst trattament preferenzjali fiż-żewġ ftehim rilevanti — jiġifieri l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti 'l waħda, u l-Istat ta' Iżrael mill-parti l'oħra (iktar 'il quddiem il-“Ftehim ta' assoċjazzjoni KE-Iżrael”) (1) kif ukoll il-Ftehim ta' assoċjazzjoni interim Ewro-Mediterranju, dwar kummerċ u koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea minn naħa waħda, u l-Organiżazzjoni għal-Liberazzjoni tal-Palestina (PLO) (2) għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana tax-Xatt tal-Punent u l-medda ta' Gaża, min-naħa l-oħra (iktar 'il quddiem il-“Ftehim ta' assoċjazzjoni KE-PLO”) — għall-merkanizija li toriġina, rispettivament, mit-territorju tal-Istat ta' l-Iżrael u mix-Xatt tal-Punent tal-Palestina, il-benefiċċju tas-sistema preferenzjali msemmija għandu, f'kull każ, jingħata lil importatur ta' merkanzija li toriġina mix-Xatt tal-Punent tal-Palestina, minkejja li jiġi ppreżentat biss ċertifikat formali tal-oriġini Iżraeljana tal-merkanzija?

Fil-każ ta' risposta negattiva għall-ewwel domanda:

2)

Fir-rigward ta' importatur li jitlob il-benefiċċju tat-trattament preferenzjali għal merkanzija importata fit-territorju tal-Komunità, l-awtoritajiet doganali ta' Stat Membru huma marbutin, skont il-Ftehim ta' assoċjazzjoni KE-Iżrael, mill-prova tal-oriġini ppreżentata mill-awtoritajiet Iżraeljani — u l-proċedura ta' verifika fis-sens tal-Artikolu 32 tal-Protokol Nru 4 għall-Ftehim ta' assoċjazzjoni KE-Iżrael mhijiex miftuħa — tant li l-awtoritajiet m'għandhomx, fir-rigward tan-natura ta' oriġini tal-prodott, dubji oħra ħlief dwar jekk il-merkanzija mhijiex ta' provenjenza minn territorju li huwa sempliċement taħt kontroll Iżraeljan — jiġifieri skont il-Ftehim interim bejn l-Iżrael u l-Palestina tal-1995 — u għal tant żmien li l-ebda proċedura ma twettqet skont l-Artikolu 33 tal-Protokoll Nru 4 għall-Ftehim ta' assoċjazzjoni KE-Iżrael?

Fil-każ ta' risposta negattiva għat-tieni domanda:

3)

Ladarba, meta l-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru ta' importazzjoni jkunu għamlu talba għal verifika skont l-Artikolu 32(2) tal-Protokol Nru 4 għall-Ftehim ta' assoċjazzjoni KE-Iżrael, l-awtoritajiet Iżreljani jikkonfermaw (biss) li l-prodotti kkonċernati nkisbu f'territorju taħt ġurisdizzjoni doganali Iżraeljana, u għaldaqstant huma prodotti ta' oriġini Iżraeljana, u fin-nuqqas ta' tweġiba mill-awtoritajiet Iżraeljani għat-talba ta' preċiżazzjonijiet magħmula ulterjorment mill-awtorjtajiet doganali tal-Istat ta' importazzjoni, dawn l-awtoritajiet huma, minħabba dan is-sempliċi fatt, awtorizzati sabiex jirrifjutaw mingħajr raġunijiet ulterjuri l-benefiċċju tat-trattament preferenzjali, u b'mod partikolari mingħajr ma tkun importanti wkoll f'dan ir-rigward l-oriġini reali tal-merkanzija?

Fil-każ ta' risposta negattiva għat-tielet domanda:

4)

L-awtoritajiet doganali huma awtorizzati sabiex jirrifjutaw mingħajr raġunijiet ulterjuri l-benefiċċju ta' trattament preferenzjali skont il-Ftehim ta' assoċjazzjoni KE-Iżrael minħabba li — hekk kif inhu wara kollox paċifiku — il-merkanzija toriġina mix-Xatt tal-Punent tal-Palestina, jew għandu jingħata t-trattament preferenzjali skont dan il-Ftehim ukoll għall-merkanzija li għandha din l-oriġini, mill-inqas sakemm ma jkunux ittieħdu proċeduri ta' soluzzjoni ta' disputi skont l-Artikolu 33 tal-Protokol Nru 4 tal-Ftehim ta' assoċjazzjoni KE-Iżrael fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta' “territorju tal-Istat ta' l-Iżrael” li jinsab f'dan il-ftehim?


(1)  ĠU 2000 L 147, p. 3.

(2)  ĠU 1997 L 187, p. 3.


Top