Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022TN0072

Kawża T-72/22: Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Frar 2022 – Interneto žiniasklaidos asociacija et vs Il-Kummissjoni

ĠU C 171, 25.4.2022, pp. 41–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU C 171, 25.4.2022, pp. 31–32 (GA)

25.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 171/41


Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Frar 2022 – Interneto žiniasklaidos asociacija et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-72/22)

(2022/C 171/56)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Interneto žiniasklaidos asociacija (Vilnjus, il-Litwanja), All Media Lithuania UAB (Vilnjus), All Media Radijas UAB (Vilnjus) (rappreżentant: K. Kačerauskas, avukat)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

tannulla, fit-totalità tagħha, l-Ittra kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motiv u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw motiv wieħed.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ evalwazzjoni mhux xierqa ta’ informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti u nuqqas li jiġu investigati ċirkustanzi deskritti fl-ilment, li fil-21 ta’ Ġunju 2020 intbagħat mir-rikorrenti lill-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat illegali mogħtija lix-xandar tas-servizz pubbliku Litwan – VšĮ “Lietuvos Nacionalinis Radijas ir Televizija”, b’diliġenza dovuta, li rriżultat f’nuqqas totali ta’ osservanza ta’ sitwazzjoni fattwali u żbalji ta’ liġi fl-Ittra adottata mill-Kummissjoni. Tali nuqqas wassal għal ksur ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali u dispożizzjonijiet sostantivi li jirregolaw il-mekkaniżmu ta’ kontroll ta’ għajnuna mill-Istat stabbilit fl-Artikoli 107(1) u 108(3) TFUE. B’mod partikolari, l-evalwazzjoni mhux xierqa tal-Kummissjoni hija evidenti min-nuqqasijiet li ġejjin li jivvizzjaw l-Ittra:

(i)

il-Kummissjoni naqset milli tqis u tqabbel il-kompatibbiltà tal-iskema eżistenti qabel l-10 ta’ Diċembru 1994 mal-iskema eżistenti wara l-bidliet tal-2015 u l-2020 tal-Lietuvos Respublikos nacionalinio radijo ir televizijos įstatymo (il-Liġi dwar ir-Radju u t-Televiżjoni Nazzjonali Litwan tar-Repubblika tal-Litwanja) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-LRT”) bid-diliġenza dovuta meħtieġa u l-istandard legali meħtieġ u, għalhekk, għamlet ksur proċedurali essenzjali;

(ii)

il-Kummissjoni kisret l-Artikoli 107(1) u 108(3) TFUE billi naqset milli tirrikonoxxi li l-bidliet tal-2015 u tal-2020 tal-Liġi dwar il-LRT jikkostitwixxu alterazzjonijiet għall-miżura ta’ għajnuna mill-Istat, li għandhom jiġu kkoordinati mal-Kummissjoni;

(iii)

il-Kummissjoni kisret l-Artikoli 107(1) u 108(3) TFUE billi naqset milli tirrikonoxxi li l-bidliet tal-2020 tal-Liġi dwar il-LRT jikkostitwixxu alterazzjonijiet għall-miżura ta’ għajnuna mill-Istat, li għandhom jiġu kkoordinati mal-Kummissjoni.


Top