Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
INT/830
Standardizzazzjoni Ewropea għall-2018
OPINJONI
Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni
Il-Programm ta’ Ħidma Annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea għall-2018
[COM(2017) 453 final]
Amministratur
|
Jean-Pierre FAURE
|
Data tad-dokument
|
21/12/2017
|
Relatur uniku: Juan MENDOZA CASTRO
Konsultazzjoni
|
Kummissjoni Ewropea, 09/10/2017
|
Bażi legali
|
L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
|
Sezzjoni kompetenti
|
Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum
|
Adottata fis-sezzjoni
|
18/12/2017
|
Adottata fil-plenarja
|
DD/MM/YYYY
|
Sessjoni plenarja Nru
|
...
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet)
|
…/…/…
|
1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1Il-Kumitat jilqa’ bi pjaċir il-programm ta’ standardizzazzjoni għall-2018, b’mod partikolari l-azzjonijiet soċjali u ambjentali, iżda jirrakkomanda li f’verżjonijiet futuri għandu jiġi inkluż sommarju dwar il-konformità mal-programmi preċedenti.
1.2Jirrakkomanda li l-azzjonijiet kollha fil-qasam tal-ICT jiġu inklużi f’dokument uniku.
1.3Iħeġġeġ lill-Kumissjoni biex toqgħod attenta sabiex tevita l-abbuż possibbli ta’ regoli tal-privattivi u standards magħluqin.
1.4Il-Kumitat jenfasizza r-rwol tal-Kummissjoni fis-Sistema Ewropea ta’ Standardizzazzjoni, li huwa essenzjali għall-iżvilupp tas-suq intern u li tpoġġi lill-UE bħala mexxeja globali f’dan il-qasam.
1.5Huwa jistieden lill-Kummissjoni biex iżżomm riżorsi baġitarji adatti u l-persunal meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012.
1.6Jinsisti li għandu jsir segwitu dettaljat għall-isforzi li jsiru mill-atturi ewlenin tal-istandardizzazzjoni. Bħala prijorità, il-KESE jista’ joħloq forum ad hoc dwar l-inklużività tas-Sistema Ewropea ta’ Standardizzazzjoni.
1.7Il-Kumitat jikkunsidra li b'mod ġenerali s-27 azzjoni ppjanati għall-2018 huma adatto iżda jenfasizza l-aspetti li ġejjin:
-Is-Suq Uniku Diġitali (DSM): Il-KESE jesprimi t-tħassib tiegħu għax l-istandards “de facto” madwar id-dinja spiss jiġu xprunati minn industriji kbar mhux tal-UE b’konsegwenzi negattivi;
-Standards ġodda dwar l-etanol: il-KESE jirrakkomanda ħafna li jiġi kkunsidrat il-ħarsien tal-ambjent;
-Il-Kumitat jilqa’ bi pjaċir b’mod speċjali d-diversi azzjonijiet mmirati biex itejbu konsiderevolment is-saħħa tal-ambjent u tal-bniedem;
-Standards dwar apparat mediku: il-KESE jissuġġerixxi li l-kosteffettività għandha tiġi kkunsidrata wkoll;
-Armonizzazzjoni ta’ kriterji dwar l-emissjonijiet fis-settur tat-trasport: il-KESE jenfasizza l-progress limitat li sar sa mill-ewwel passi fl-1995.
1.8Il-KESE jappoġġja lill-Kummissjoni fil-kooperazzjoni internazzjonali iżda jixtieq jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar il-fatt li numru dejjem jikber ta’ standards issa qed jiġu elaborati f’livell internazzjonali mingħajr kontribut Ewropew koordinat.
1.9Il-KESE jirrakkomanda li l-Organizzazzjonijiet Ewropej għall-Istandardizzazzjoni (ESOs) għandhom jissimplifikaw il-proċeduri għall-organizzazzjonijiet tal-Anness III sabiex jaċċessaw il-proċess ta’ abbozzar ta’ standards u bħala tali “inaqqsu l-ostaklu” għal parteċipazzjoni effettiva.
1.10Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-azzjonijiet differenti tal-Inizjattiva Konġunta dwar l-Istandardizzazzjoni (JIS) iżda wkoll jipproponi li jiġu kkunsidrati l-effetti indiretti tal-attivitajiet li jistabbilixxu l-istandards dwar kwistjonijiet bħall-ispustjar tal-impjiegi, l-inklużività tas-soċjetà, l-edukazzjoni u t-taħriġ, eċċ.
2.Il-proposti tal-Kummissjoni
2.1Il-pjan ta’ ħidma annwali tal-UE jindirizza u jirrifletti l-isfidi u l-kunsiderazzjonijiet dwar il-privattivi essenzjali għall-istandards, l-standardizzazzjoni tal-ICT, id-dimensjoni internazzjonali tal-istandardizzazzjoni u l-vetturi awtomatizzati.
2.2Il-pjan jirrifletti wkoll l-Inizjattiva Konġunta dwar l-Istandardizzazzjoni ta’ Ġunju 2016.
2.3Hemm stabbiliti azzjonijiet bħala appoġġ tal-prijoritajiet strateġiċi li ġejjin li għandhom l-għan li jappoġġjaw inizjattivi rilevanti fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2017 u l-ħtiġijiet ta’ standardizzazzjoni għall-2018 li jirriżultaw minn dawn l-inizjattivi:
-L-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali (DSM);
-L-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija;
-L-Istrateġija Ewropea dwar l-Ispazju;
-Il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-Ekonomija Ċirkolari;
-Il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża;
-Suq intern aktar profond u aktar ġust b’bażi industrijali msaħħa.
2.4Il-Kummissjoni ser torganizza taħriġ interistituzzjonali biex issaħħaħ il-fehim tal-leġislaturi u tal-koleġislaturi dwar l-użu ta’ standards fl-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni u l-politiki.
2.5Jistieden ukoll lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni biex iżommu u jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jiffaċilitaw il-ħidma tal-organizzazzjonijiet tal-Anness III u tal-partijiet interessati kollha, b’attenzjoni speċifika fuq ir-regoli u l-proċeduri interni tagħhom, u fuq il-ħidma fil-livell internazzjonali, b’mod partikolari fi ħdan l-ISO u l-IEC.
3.Kummenti Ġenerali
3.1Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-programm ta’ ħidma annwali għall-2018 ippreżentat mill-Kummissjoni, li jkopri temi soċjali u ambjentali ewlenin, inkluż is-suġġetti importanti tal-ekonomija ċirkolari, it-tibdil fil-klima u l-enerġiji nodfa. Madankollu, huwa jinnota, li f'verżjonijiet futuri għandu jiġi inkluż sommarju li jispjega kemm inkiseb mill-programmi annwali preċedenti.
3.2Hemm ħtieġa li jiġu ssimplifikati l-pjattaformi u l-mekkaniżmi għall-koordinazzjoni fil-qasam tal-ICT sabiex jiġu evitatu d-duplikazzjoni tal-isforzi u nuqqas possibbli ta’ koordinazzjoni. L-azzjonijiet kollha ta’ standardizzazzjoni f’dan il-qasam għandhom jiġu inkorporati f’dokument uniku.
3.3Standards miftuħin huma importanti għal żvilupp industrijali u teknoloġiku fl-UE. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipprevjeni l-użu li jkun abbużiv u kuntrarju għall-prinċipji tal-kompetizzjoni tar-regoli tal-privattivi u tal-istandards b’sors magħluq. F’każ ta’ privattivi essenzjali għall-istandards, aħna nappoġġjaw il-prinċipji ta’ liċenzji ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji (FRAND).
3.4Il-mudell ta’ standardizzazzjoni jpoġġi lill-UE bħala mexxeja globali. Il-KESE jenfasizza l-ħidma tal-Kummissjoni f’dan il-qasam. L-uniformità u l-konsistenza tal-korp ta’ standards Ewropej jiġu żgurati permezz tal-prinċipju sottostanti ta’ “standard wieħed, test wieħed - aċċettat madwar l-Ewropa”. Dan jipprovdi lin-negozji b’sigurtà tal-investiment, kif ukoll sigurtà legali u finanzjarja.
3.5Minħabba n-natura speċifika u l-importanza tas-Sistema Ewropea ta’ Standardizzazzjoni (ESS) għall-industrija, l-SMEs, il-konsumaturi u l-ħaddiema, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex iżżomm riżorsi baġitarji u persunal sabiex jintlaħqu l-objettivi tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012.
3.6Il-Kumitat jitlob li jsir monitoraġġ mill-qrib tal-isforzi tal-atturi ewlenin tal-istandardizzazzjoni, sabiex tissaħħaħ l-inklużvità tal-ESS. Bħala prijorità, il-KESE jista’ joħloq forum ad hoc dwar l-inklużività tal-ESS. Dan il-korp ikun inkarigat mill-organizzazzjoni ta’ seduta pubblika annwali bil-għan li jiġi evalwat il-progress f’dan ir-rigward.
3.7Minħabba n-nuqqas ta’ rispons sodisfaċenti attwalment dwar il-konklużjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-kawża James Elliott, li għall-ewwel darba tirrikonoxxi li l-istandards Ewropej huma parti tal-liġijiet tal-UE, il-KESE jisħaq dwar l-importanza li l-Kummissjoni teżerċita s-setgħa ta’ kontroll neċessarja fir-rigward tal-ħidma tal-istandardizzazzjoni f’kooperazzjoni mill-qrib mal-istituzzjonijiet Ewropej l-oħrajn, u jitlob li ssir diskussjoni interistituzzjonali dwar din il-kwistjoni.
3.8Il-KESE jissuġġerixxi li l-KE teżamina l-proċess ta’ konsultazzjoni tal-abbozz preliminari tal-Programm ta' Ħidma Annwali tal-Unjoni, għaliex hija ma pprovdiet l-ebda prospettiva strateġika, l-ebda struttura, l-ebda kuntest, u l-ebda spjegazzjoni dwar ir-raġunament għall-proposti mressqa.
4.Kummenti dwar l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu fl-2018
Spinta ġdida għall-impjiegi, għat-tkabbir u għall-investiment
4.1Stabbiliment ta’ regoli standardizzati għall-manifattura tal-fertilizzanti (inklużi dawk organiċi)
Il-Kumitat diġà osserva li xi definizzjonijiet u standards dwar fertilizzanti li joriġinaw minn materja prima sekondarja mhumiex ċari. Sabiex tittejjeb l-implimentazzjoni tar-Regolament il-ġdid, il-KESE jirrakkomanda integrazzjoni u armonizzazzjoni profondi mad-Direttiva eżistenti dwar l-Iskart u jfakkar ukoll fl-importanza tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali fil-każ tal-fertilizzanti.
Suq Uniku Diġitali (DSM)
4.2It-titjib tal-kwalità tas-servizzi tal-mowbajl fissi u bla fili
4.2.1L-istandardizzazzjoni għandha rwol ta’ importanza assoluta f'dan il-qasam u tevita l-frammentazzjoni tas-suq li tista’ tipproduċi prattiki antikompetittivi.
4.2.2Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-Kummissjoni dwar l-istrateġija DSM iżda jixtieq jindika li din għandha konsegwenzi importanti għall-organizzazzjoni tas-suq tax-xogħol Ewropew peress li numru dejjem jikber ta’ “ħaddiema tal-crowd” qed jaħdmu għal pjattaformi f’relazzjonijiet tax-xogħol li spiss ikunu għal perjodu qasir u jkunu “volatili”.
4.2.3Id-diġitalizzazzjoni tal-industrija hija xejra madwar id-dinja li se tkompli tiżdied fil-ftit snin li ġejjin. L-istandards tal-ICT huma essenzjali fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji diġitali fost bosta setturi industrijali. Madankollu standards “de facto” madwar id-dinja jiġu xprunati minn industriji kbar mhux tal-UE.
4.2.4L-iżvilupp ta’ standards nazzjonali, Ewropej jew internazzjonali mill-Korpi ta’ Standardizzazzjoni uffiċjali (CEN, CENELEC, ETSI) jieħu wisq żmien għat-teknoloġija diġitali li qed tinbidel b’mod rapidu. Għalhekk in-negozji jiżviluppaw l-istandards tagħhom stess – fi żmien ħafna iqsar u bir-regoli tagħhom stess.
4.2.5Hemm riskju li l-iżvilupp tal-istandards isir mhux trasparenti u esklużiv.
4.3L-istabbiliment ta’ regoli li jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ teknoloġija 5G fil-medda ta’ 26 GHz (24.25-27.50 GHz) u f’meded oħra b’tul tal-mewġa ogħla
Il-KESE jikkunsidra li din l-azzjoni hija essenzjali sabiex tinżamm it-tmexxija tal-UE fl-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji 5G.
4.4L-istabbiliment ta’ standards komuni għat-titjib ta’ sistemi ta’ komunikazzjoni bir-radju, ta’ skambju ta’ data dwar il-passiġġieri u skedi ta’ żmien u sigurtà tal-IT
Il-KESE jissuġġerixxi li għandhom jiġu normalizzati wkoll tibdiliet teknoloġiċi u mudelli ta’ negozju ġodda li joħorġu mit-turiżmu; bl-istess mod li l-iżvilupp ta’ servizzi intelliġenti ta’ biljetti u ta’ informazzjoni integrati għandhom jiġu promossi.
4.5L-interoperabbiltà u l-iskambju ta’ data bejn l-operaturi sabiex jiġu inkoraġġiti aktar servizzi effiċjenti tat-trasport u tal-loġistika
Il-Kummissjoni tipproponi “azzjoni anċillari” dwar l-istabbiliment tal-istandards. Madankollu, huwa importanti li wieħed jiftakar l-isfidi l-kbar quddiemna f’din l-industrija minħabba s-sitwazzjoni preżenti: “sottomissjoni ta’ data repetuta f’sistemi differenti minħabba taħlita ta’ standards mhux interoperabbli; nuqqas ta’ sistemi interkonnessi u fiduċja insuffiċjenti fil-protezzjoni ta’ data sensittivi; dokumenti tat-trasport elettroniċi li ma jiġux rikonoxxuti mill-awtoritajiet, mill-banek u mill-kumpaniji tal-assigurazzjoni; nuqqas ta’ massa kritika ta’ partijiet ikkonċernati li jikkondividu d-data u jesploraw opportunitajiet ta’ negozju ġodda".
Unjoni tal-enerġija b’saħħitha u b’politika dwar it-tibdil fil-klima li tħares ’il quddiem
4.6Il-ħolqien ta’ sensuri u metodi ta’ kejl ġodda għall-valutazzjoni tal-kwalità tal-arja ambjentali; Il-monitoraġġ tal-emissjonijiet ta’ ammonijaka (HN3), kloru u diossidu tal-kloru fl-atmosfera u l-emissjonijiet tal-fluworur tal-idroġenu (jew l-emissjonijiet totali ta’ fluworuri gassużi) minn setturi industrijali; Il-protezzjoni tas-saħħa kontra idrokarburi aromatiċi poliċikliċi
Il-Kumitat jilqa’ bi pjaċir it-titjib propost, li jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-titjib tas-saħħa ambjentali u tal-bniedem. L-esponiment tal-popolazzjoni ġenerali għall-idrokarburi aromatiċi poliċikliċi (PAHs), li ħafna minnhom huma karċinoġeni magħrufa, ilu li ġie rikonoxxut bħala kwistjoni ta’ tħassib u hemm diversi biċċiet ta’ leġislazzjoni tal-UE li diġà jillimitaw il-preżenza ta’ dawn is-sustanzi f’ċerti prodotti tal-ikel, fl-ilma u fl-arja tal-ambjent.
4.7L-ekodisinn: tnaqqis fil-konsum ta’ bosta prodotti (kompjuters, eċċ.); tikkettar dwar l-effiċjenza enerġetika ta’ sistemi ċentralizzati; infrastruttura ekoloġika
Il-KESE jenfasizza r-reżiljenza ta’ infrastruttura tal-UE importanti fil-konfront tal-impatti inevitabbli tat-tibdil fil-klima, u r-rispons bil-mod mis-sistema ta’ standardizzazzjoni għal din il-kwistjoni importanti. L-istandards jistgħu jżidu l-iżvilupp tal-Infrastruttura Ekoloġika, filwaqt li jikkontribwixxu għal effiċjenza mtejba fir-riżorsi fis-settur tal-bini u għal reżiljenza aħjar għall-impatti tat-tibdil fil-klima.
4.8L-iżvilupp ta’ standards għal taħlita ta’ 20/25 % etanol fil-petrol (issa 10 %)
Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tipprovdi lis-CEN b’mandat dwar din il-kwistjoni, il-KESE jirrakkomanda ħafna l-kunsiderazzjoni ta’: l-impatti ekoloġiċi ta’ tħawwil ta’ għelejjel monokulturali; il-ħsara lill-ilma u 'l-ħamrija mill-applikazzjoni ta’ pestiċidi u fertilizzanti; l-erożjoni tal-ħamrija; il-lixxivjazzjoni tan-nutrijenti; iż-żieda fl-użu ta’ riżorsi ta’ ilma ħelu; it-telfien tal-bijodiversità u l-abitat tal-fawna selvaġġa.
4.9L-armonizzazzjoni ta’ kriterji dwar l-emissjonijiet fis-settur tat-trasport
Skont il-KESE, il-Kummissjoni għandha tagħmel proposti aktar speċifiċi dwar din l-azzjoni, li b’mod ċar huma meħtieġa. Ta’ min jinnota li l-ewwel pass lejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-settur tat-trasport ittieħed fl-1995.
Suq intern
4.10It-tisħiħ tar-rwol tal-Kumitat Ewropew għall-Istandards fin-Navigazzjoni Interna (CESNI)
Minħabba n-numru kbir ta’ rekwiżiti attwali dwar it-trasport marittimu fuq distanzi qosra, hija meħtieġa azzjoni, iżda l-KESE jikkunsidra li l-proposta għandha tkun aktar preċiża.
4.11Pjan direzzjonali għal standardizzazzjoni downstream tas-Sistema Globali Ewropea ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (EGNSS), u l-implimentazzjoni ta’ pjan direzzjonali u ż-żieda fl-interoperabbiltà tas-servizzi Galileo mas-suq tal-avjazzjoni
Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ din il-proposta, filwaqt li jinnota li s-suq globali għal prodotti u servizzi bbażati fuq il-GNSS – imsejjaħ suq “downstream” – fl-2013 kellu valur ta’ EUR 200 biljun.
4.12L-Akkwist Elettroniku
L-armonizzazzjoni hija pass ewlieni lejn id-demokratizzazjoni ta' suq li huwa maħsub li jkun trasparenti u aċċessibbli, bl-għan li l-fondi pubbliċi jiġu skjerati b’mod estensiv. Fl-istess ħin, huwa importanti li l-ispejjeż jinżammu baxxi kemm jista' jkun meta jinħolqu, jiġu aġġustati jew jinżammu l-pjattaformi eżistenti. Għalhekk, l-istandardizzazzjoni hija ta' importanza fundamentali.
4.13L-iżvilupp ta’ standards għall-printers u apparat ieħor
Il-KESE jaqbel dwar il-ħtieġa għal Standards Armonizzati ġodda peress li l-konsumaturi jistennew li prodotti ġodda u innovattivi bħal printers 3D, robots u vetturi awtonomi jkunu siguri daqs prodotti aktar tradizzjonali. Huwa fundamentali li l-prodotti ġodda ma joħolqux riskju għas-sikurezza tal-konsumatur.
4.14L-aġġornament ta’ rekwiżiti dwar is-sikurezza u l-prestazzjoni għal apparat mediku
Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li r-Regolament il-ġdid “isaħħaħ ir-rekwiżiti dwar is-sikurezza u l-prestazzjoni għall-apparat mediku, biex jinżamm il-pass mal-progress teknoloġiku u xjentifiku". Dan huwa l-objettiv ewlieni, iżda minħabba li t-teknoloġija hija x-xprun primarju ta’ nefqa fuq il-kura tas-saħħa li qed tiżdied b’mod rapidu, il-KESE jissuġġerixxi li l-kosteffettività għandha tiġi kkunsidrata wkoll.
4.15L-aġġornament ta’ rekwiżiti dwar is-sikurezza u l-iġjene għal prodotti ta’ kostruzzjoni f’kuntatt ma’ ilma tax-xorb
Il-KESE jiddispjaċih li, anke wara għaxar snin ta’ diskussjoni, l-istandards Ewropej għadhom ma ġewx żviluppati f’dan il-qasam. Id-deċiżjoni li jiġi mmodifikat il-mandat attwali (M/136) tobbliga lill-korpi ta’ standardizzazzjoni biex jipprovdu r-riżultati inizjali sal-aħħar tal-2018.
4.16Xogħol ta’ appoġġ dwar ir-rekwiżiti essenzjali għal sistemi ta' inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord (UAS)
Il-KESE jinnota li kien hemm żieda fid-dibattitu pubbliku dwar l-użu ta’ teknoloġija ta’ vetturi tal-ajru mingħajr bdot abbord għar-rikreazzjoni u l-kummerċ, inklużi s-sikurezza u r-riskji ta’ sigurtà tagħha. L-istandards internazzjonali huma kritiċi dwar il-ħolqien tas-suq kummerċjali globali. Huwa essenzjali li dawn l-istandards joħolqu spazju tal-ajru armonizzat fuq livell globali għal aċċess ta’ UAS ta’ rutina li se jespandi l-opportunitajiet kummerċjali mingħajr ma jpoġġi f’riskju s-sikurezza u l-effiċjenza globali tal-ispazju tal-ajru. L-istandards kritiċi li qed jiġu żviluppati attwalment jinkludu “identifika u evita”, u “ikkmanda u kkontrolla”.
4.17Reviżjoni tal-kriterji armonizzati dwar l-isplussivi għal użu ċivili (speċjalment detonaturi)
L-għan ta’ din l-azzjoni huwa li tiżdied is-sikurezza tal-isplussivi ċivili, li għalkemm huma prodotti li jintużaw ħafna (b’mod partikolari detonaturi elettroniċi) mhuma koperti bl-ebda mod mill-istandards armonizzati eżistenti. Naturalment, il-Kumitat jikkunsidra l-proposta bħala adatta b’mod sħiħ.
4.18Interoperabbiltà: speċifikazzjonijiet tekniċi ġodda għall-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja
Il-KESE jilqa’ bi pjaċir din il-proposta bħala pass ieħor fit-triq twila lejn l-integrazzjoni ferrovjarja fl-Ewropa; f’dan il-każ, standards ta’ rolling stock għal gejġ tal-linji ta’ 1520 mm jiffavorixxu r-relazzjoni mal-gejġ tal-linji Ewropew ta’ 1435 mm.
4.19Il-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema kontra riskji minn atmosferi splussivi (ATEX)
Il-KESE jaqbel bis-sħiħ, peress li d-Direttiva l-ġdida tal-ATEX tirrikjedi aġġornament tal-mandat skont il-Qafas Leġislattiv Ġdid.
4.20It-titjib tas-sikurezza tal-konsumaturi
Il-KESE jittama li l-istandards il-ġodda jikkonformaw mal-prinċipju li l-protezzjoni tal-konsumatur tirrikjedi li l-oġġetti u s-servizzi li jkunu disponibbli għall-konsumaturi, meta jintużaw f’ċirkustanzi normali jew prevedibbli, ma jkunux ta’ periklu għas-saħħa tal-konsumaturi, u, meta jkunu hekk, dawn jitneħħew mis-suq permezz ta’ proċeduri rapidi u sempliċi.
Żona tal-ġustizzja u tad-drittijiet fundamentali
4.21L-istandardizzazzjoni: L-istabbiliment ta’ rekwiżiti ta’ apparat ta’ detezzjoni għall-protezzjoni minn attakki terroristiċi (f’oqsma minbarra l-avjazzjoni)
Filwaqt li japprova bis-sħiħ din l-azzjoni, il-KESE jenfasizza li l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti hija essenzjali, minħabba li t-tnejn qed ibatu mill-pjaga tat-terroriżmu. Ta’ min jindirizza, fost l-oħrajn, kwistjonijiet li jirrelataw maċ-ċibersigurtà u theddid li huwa speċifiku għas-settur tat-trasport.
L-UE bħala attur aktar b’saħħtu fix-xena internazzjonali
4.22L-iżvilupp: L-Appoġġ għall-isforzi tal-Istati Membri biex jiżviluppaw kapaċitajiet ta' difiża Ewropej konġunti (standards minimi)
Il-KESE, filwaqt li jistenna li jsir jaf aktar dwar l-istudju li qed jiġi ppreparat mill-Kummissjoni u d-deċiżjoni sussegwenti tagħha, jappoġġja l-iżvilupp ta’ standards komuni kemm ħall-armi kif ukoll għal oġġetti b’użu doppju, filwaqt li tiġi evitata d-duplikazzjoni ta’ standards eżistenti, b’mod partikolari standards tan-NATO.
5.Kooperazzjoni internazzjonali
5.1Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tintensifika d-djalogu politiku tagħha mal-atturi internazzjonali tal-istandardizzazzjoni, iżda jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li numru dejjem jikber ta’ standards issa qed jiġu elaborati f’livell internazzjonali mingħajr kontribut Ewropew koordinat.
5.2Din l-internalizzazzjoni tal-istabbiliment ta’ standards għandha l-konsegwenzi: il-partijiet ikkonċernati soċjetali, l-SMEs u l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq m’għadhomx jistgħu jipparteċipaw peress li dawn m’għandhomx biżżejjed riżorsi biex jinfluwenzaw b’mod attiv ix-xena internazzjonali ta' stabbiliment tal-istandards.
5.3Peress li dawn l-istandards internazzjonali jistgħu jittieħdu direttament f’livell nazzjonali, filwaqt li jaqbżu l-involviment tal-ESO, hemm riskju dejjem jikber ta’ dearmonizzazzjoni tas-suq intern.
6.Inklużività
Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-azzjonijiet tal-Kummissjoni biex jiġi mmonitorjat il-progress tal-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ standardizzazzjoni Ewropea ġenwinament inklużiva. Il-KESE jinkoraġġixxi ħafna lill-ESOs biex jissimplifikaw il-proċeduri għall-organizzazzjonijiet tal-Anness III sabiex jaċċessaw il-proċess ta’ abbozzar ta’ standards u bħala tali “inaqqsu l-ostaklu” għal parteċipazzjoni effettiva.
7.It-twettiq tal-Inizjattiva Konġunta dwar l-Istandardizzazzjoni (JIS)
7.1Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-azzjonijiet differenti tal-JIS. Fir-rigward ta’ “Studju fil-livell tal-UE dwar l-impatti ekonomiċi u soċjali kif ukoll l-aċċess għal standards fl-UE u l-Istati Membri tal-EFTA”; huwa jipproponi wkoll li jiġu kkunsidrati l-effetti indiretti tal-attivitajiet li jistabbilixxu l-istandards b'enfasi fuq kwistjonijiet bħall-ispustjar tal-impjiegi, l-inklużività tas-soċjetà, l-edukazzjoni u t-taħriġ, eċċ.
7.2Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-inizjattivi biex jitħaffef il-proċess tat-twettiq tal-istandards, iżda huwa mħasseb li dan jiġi għad-detriment ta’ “viżibbiltà” imnaqqsa tax-xogħol preparatorju li jwassal għall-istandards.
Brussell, 18 ta' Diċembru 2017
Martin SIECKER
Il-President tas-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum
_____________