27.7.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 195/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tat-28 ta’ Ġunju 2010
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu
(2010/411/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 87(2)(a) u 88(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
B’deċiżjoni tal-11 ta’ Mejju 2010, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti biex titqiegħed għad-dispożizzjoni tad-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti d-data dwar messaġġi finanzjarji għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tat-terroriżmu. In-negozjati ġew konklużi b’suċċess billi ġie inizjalat il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (“il-Ftehim”). |
(2) |
Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat, soġġett għall-konklużjoni tiegħu fi stadju aktar tard. |
(3) |
Il-Ftehim jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, speċjalment id-dritt għal ħajja privata u tal-familja, rikonoxxut fl-Artikolu 7 tal-Karta, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, rikonoxxut fl-Artikolu 8 tal-Karta, u d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, rikonoxxut fl-Artikolu 47 tal-Karta. Il-Ftehim għandu jiġi applikat skont dawk id-drittijiet u prinċipji. |
(4) |
Skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-Pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit innotifika x-xewqa tiegħu li jieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. |
(5) |
F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-Pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha, mingħajr ħsara għad-drittijiet tagħha taħt il-Protokoll fir-rigward tad-Deċiżjoni dwar il-konklużjoni tal-Ftehim. |
(6) |
B’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (1) (“il-Ftehim”) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat sabiex jinnomina l-persuna(i) awtorizzata(i) sabiex tiffirma/jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni soġġett għall-konklużjoni tiegħu.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Ġunju 2010.
Għall-Kunsill
Il-President
M. Á. MORATINOS
(1) Ara paġna 5 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.