7.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 240/17


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 863/2013

tal-5 ta' Settembru 2013

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqu, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita b’dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan tal-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawn ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella li tinsab fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ din it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jkun stipulat li informazzjoni li torbot dwar it-tariffa u li nħarġet mill-awtoritajiet tad-dwana tal-Istati Membri rigward il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda, iżda li mhijiex konformi ma' dan ir-Regolament, tkun tista’, għal perjodu ta’ tliet xhur, tibqa’ tkun invokata mid-detentur, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (2).

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ din it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni li torbot dwar it-tariffa, maħruġa mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li mhijiex konformi ma' dan ir-Regolament, tista' tkompli tkun invokata għal perjodu ta' tliet xhur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Settembru 2013.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

Algirdas ŠEMETA

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 256, 7,9.1987, p. 1.

(2)   ĠU L 302, 19,10.1992, p. 1.


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi - NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Prodott (hekk imsejjaħ “Modulu ta' Arloġġ tal-Ħin Reali”) li jikkonsisti f’ċirkwit integrat monolitiku u kristall kwarz imwaħħlin flimkien fuq qafas tal-metall u integrati f’qafas tal-plastik b’dimensjonijiet ta’ madwar 10 × 7 × 3 mm.

Il-prodott jaħdem bi frekwenza oxxillanti ta' 32,768 kHz u provvista ta' voltaġġ ta' bejn 2,7 u 3,6 V. Jipproduċi sinjal diġitali.

Il-prodott huwa użat f’diversi apparati bħala sors ta’ sinjal ta' arloġġ biex jiġu determinati intervalli ta’ ħin.

 (*1) Ara l-istampa.

9114 90 00

Il-klassifikazzjoni hija stabbilita mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, Nota 1(n) għas-Sezzjoni XVI u mill-kliem tal-kodiċijiet tan-NM 9114  u 9114 90 00 .

Peress li l-prodott jinkludi kemm ċirkwit integrat monolitiku u kristall kwarz, ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fin-Nota 8 (b) għal Kapitlu 85. Għaldaqstant, il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 8542 hija eskluża.

Il-prodott jipprovdi sinjal ta' arloġġ li jiddetermina intervalli ta’ ħin, li hija funzjoni tal-Kapitlu 91.

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 9110 hija eskluża wkoll minħabba li l-prodott m’għandux il-komponenti kollha meħtieġa biex jiġi kkunsidrat bħala moviment mhux komplut ta' arloġġ u lanqas ma hu mmuntat (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata (HSEN) għall-intestatura 9110 , it-tielet paragrafu).

Għaldaqstant, il-prodott għandu jiġi kklassifikat taħt il-Kodiċi tan-NM 9114 90 00 bħal partijiet oħra ta' arloġġi tal-polz jew ta' arloġġi (ara wkoll HSEN għall-intestatura 9114 , grupp (A), il-punt (8)).

Image 1

(*1)  L-istampa għandha tintuża biss għal raġunijiet ta’ informazzjoni.