IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 2.12.2015
COM(2015) 624 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
L-Implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà:
pjan ta' azzjoni tal-UE kontra t-traffikar u l-użu illeċitu tal-armi tan-nar u l-isplussivi.
1.INTRODUZZJONI
L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, adottata mill-Kummissjoni fit-28 ta’ April 2015 identifikat il-ħtieġa li jissaħħaħ il-qafas legali dwar l-armi tan-nar u l-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu. Enfasizzat ukoll il-ħtieġa li jiġi ristrett l-aċċess għal u l-użu ta’ sustanzi perikolużi bħal splussivi minn netwerks terroristiċi.
Sabiex jibni fuq l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, fit-8 ta’ Ottubru 2015, il-Kunsill stieden lill-Istati Membri, il-Kummissjoni, l-Europol u l-Interpol biex jissaħħaħ l-użu ta’ mezzi tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-armi tan-nar.
It-traffikar illeċitu ta’ armi tan-nar huwa parti min-negozju ewlieni ta’ gruppi ta’ kriminalità organizzata. Flimkien ma’ forom oħra ta’ traffikar, bħad-drogi, huwa sors ewlieni ta’ dħul. L-armi tan-nar jissupplimentaw forom oħra ta’ kriminalità u huma użati għal intimidazzjoni, koerċizzjoni u vjolenza bejn gruppi kriminali. Lil hinn minn kriminalità organizzata, l-attakki terroristiċi orribbli li seħħew is-sena li għaddiet urew li huwa imperattiv li jinqata' l-aċċess għal armi tan-nar u splussivi. L-attakki f’Pariġi u f’Copenhagen, kif ukoll l-attentat ta’ attakk fuq ferrovija Thalys, enfasizzaw il-fatt li n-netwerks terroristiċi għandhom aċċess għal armi u splussivi permezz ta’ netwerks tal-kriminalità organizzata u s-suq iswed.
F’dan il-kuntest, huwa kruċjali li l-UE, u partikolarment l-Istati Membri, jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex jindirizzaw it-theddida serja li t-traffikar illeċitu ta’ armi u l-użu ta’ splussivi jippreżentaw għas-sigurtà interna tal-Unjoni.
Fit-18 ta’ Novembru 2015, il-Kummissjoni adottat pakkett ta’ miżuri leġiżlattivi biex issaħħaħ il-kontroll tal-armi tan-nar fl-Unjoni Ewropea. Il-pass li jmiss għandu jkun li tittejjeb il-kooperazzjoni operattiva fil-livell tal-UE fost l-Istati Membri u ma’ pajjiżi terzi.
Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi azzjonijiet speċifiċi meħtieġa biex tiġi implimentata l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà fil-qasam tat-traffikar ta’ armi tan-nar u splussivi, filwaqt li tibni wkoll fuq il-Pjan ta’ Azzjoni Operattiva 2016 skont iċ-Ċiklu ta’ Politika tal-UE.
2.restrizzjoni tal-aċċess għal armi tan-nar u splussivi illegali
Minkejja l-leġiżlazzjoni eżistenti fil-livell tal-UE, armi tan-nar, splussivi u prekursuri ta' splussivi għadhom disponibbli wisq faċilment. L-aċċess permezz ta’ mezzi illegali ġie kkumplikat bid-disponibbiltà tal-armi fuq l-internet. Approċċ komprensiv biex jappoġġa ripressjoni fuq it-traffikar illeċitu u l-użu ta’ armi tan-nar u splussivi, filwaqt li jkun salvagwardat il-kummerċ legali tal-armi tan-nar u ta’ użu leġittimu ta’ sustanzi kimiċi, huwa meħtieġ.
Il-bini ta’ stampa ta’ intelligence aħjar
Sabiex jittejjeb u jitħaffef ir-rispons effettiv tal-forzi tal-ordni għal dan it-theddid, huwa essenzjali li tinbena stampa ta’ intelligence aħjar dwar it-traffikar ta’ armi u l-użu ta’ splussivi, u dwar id-devjazzjoni mis-swieq legali eżistenti, u biex jittejbu għodod statistiċi u analitiċi fil-livell tal-UE u dak nazzjonali.
Għal dan l-għan, il-partijiet interessati rilevanti kollha għandhom jieħdu l-passi ulterjuri li ġejjin:
1
Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri kollha biex jistabbilixxu punti fokali nazzjonali interkonnessi dwar l-armi tan-nar biex jiġi żviluppat għarfien espert u jitjiebu l-analiżi u r-rappurtar strateġiku dwar it-traffikar illeċitu ta’ armi tan-nar b’mod partikolari permezz tal-użu kombinat ta' intelligence kemm ballistiku kif ukoll kriminali
.
2.
Hekk kif ċrieki ta’ traffikar jespandu lil hinn mill-Ewropa, il-Kummissjoni se taħdem mal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi u l-Kriminalità (UNODC), strumentali fl-iżvilupp ta’ ġbir tad-dejta armonizzat internazzjonalment, biex regolarment jiġu identifikati rotot globali tat-traffikar tal-armi tan-nar lejn l-UE u tagħmilha disponibbli għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri kollha.
3
B'konformità mal-Pjan ta' Azzjoni Operattiv 2016, il-Europol għandha tirrinforza l-azzjonijiet tagħha dwar traffikar online u d-devjazzjoni tal-kummerċ legali, kif ukoll tagħmel użu mill-Unità tal-Indikazzjoni ta' Kontenut fuq l-Internet (IRU) tagħha biex possibbilment tissorvelja sorsi illeċiti ta' armi tan-nar, splussivi u prekursuri ta' splussivi.
4.
Il-Europol qiegħda tibni fuq valutazzjonijiet mill-partijiet interessati, billi se tkompli ttejjeb il-kollezzjoni ta' informazzjoni u intelligence dwar l-armi tan-nar, inkluż it-traffikar, armi tan-nar maqbud u misruqa u modi operanda biex jiġu prodotti prodotti ta' għarfien/Notifiki ta' Twissija Bikrija u valutazzjoni ta' theddid aġġornata li tkopri fieri kummerċjali inter alia tal-armi tan-nar u kumpaniji ta' kunsinna fil-pront fl-UE. L-Europol se tagħmel dawn id-dokumenti disponibbli lill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri kollha.
5.
Il-Kummissjoni ser tkompli tipprovdi assistenza finanzjarja, b’enfasi fuq proġetti b’kamp ta’ applikazzjoni komprensiv u b'impatt b’saħħtu tal-ġbir tad-dejta.
It-tħejjija għal theddid u riskji ġodda
In-netwerks tal-kriminalità organizzata u terroristi huma magħrufa li jevolvu b’mod rapidu, u li jagħmlu l-akbar użu minn innovazzjoni teknoloġika. Il-Kummissjoni għalhekk ser tinvolvi lill-industriji kimiċi u tal-armi tan-nar, l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi nazzjonali rilevanti u lill-Europol biex tevalwa l-impatt ta’ avvanzi teknoloġiċi fuq id-disponibbiltà potenzjali ta’ armi tan-nar u splussivi, u biex tevalwa lakuni possibbli tas-sigurtà.
Fl-istess ħin, il-kapaċità ta' reazzjoni rapida għal theddid ġdid għandha tiġi msaħħa (eż. stampar 3D). Fil-fruntiera esterna tal-UE, l-awtoritajiet doganali - f’kooperazzjoni ma’ awtoritajiet oħra tal-infurzar tal-liġi u abbażi ta' informazzjoni miġbura mill-Europol u sistemi oħra ta’ analiżi ta' dejta - se jirfinaw il-kriterji ta’ riskju komuni doganali attwali biex jittejjeb l-immirar lejn traffiku illegali ta’ armi u armi tan-nar.
It-tisħiħ tas-sigurtà tal-isplussivi
Il-Pjan ta’ Azzjoni attwali tal-UE dwar it-Tisħiħ tas-Sigurtà tal-Isplussivi ġie adottat mill-UE fl-2008. Il-biċċa l-kbira tal-azzjonijiet ġew implimentati permezz tal-isforzi konġunti tal-Kummissjoni, tal-Istati Membri tal-UE, l-Europol, istituzzjonijiet ta’ riċerka u s-settur privat. Sar progress sostanzjali u l-Istati Membri b’mod partikolari enfasizzaw il-valur miżjud ta’ azzjonijiet biex jitjiebu l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kondiviżjoni ta’ prattika tajba, biex jiġu żviluppati standards u proċeduri armonizzati, u biex jappoġġjaw riċerka u taħriġ relatati mal-isplussivi.
Kisba ewlenija tal-Pjan ta’ Azzjoni hija l-adozzjoni tar-Regolament UE 98/2013 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prekursuri ta' splussivi. Ir-Regolament, li daħal fis-seħħ fit-2 ta’ Settembru 2014, jista' jipprevjeni atti ta’ terroriżmu billi jnaqqas l-aċċess għall-ingredjenti li jkunu meħtieġa biex isiru l-bombi, u billi jippermetti l-investigazzjonijiet bikrija tal-pulizija dwar tranżazzjonijiet suspettużi u inċidenti oħra. Għalhekk hija prijorità urġenti li tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu mill-Istati Membri u li ssaħħaħ il-kontrolli fuq il-prekursuri hekk kif jevolvu t-theddidiet. Dan se jsir permezz tal-azzjonijiet ewlenin li ġejjin:
1.Il-Kummissjoni se tippromwovi miżuri armonizzati madwar l-UE, u prattiki bħal: a) l-iskambju transfruntieri ta’ informazzjoni bejn punti ta’ kuntatt nazzjonali biex jiġi żgurat li l-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri kollha ikkonċernati jkunu konxji ta’ inċidenti suspettużi, bl-użu ta’ pjattaforma eżistenti tal-Europol, bħalma huma s-Sistema Ewropea tad-Dejta dwar il-Bombi (EBDS) u b) monitoraġġ wiesa' u sistematiku mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-bejgħ ta’ prekursuri fuq l-Internet, kif ukoll passi biex jirrestrinġu aktar l-aċċess għalihom.
2.Il-Kummissjoni se tiżviluppa aktar ukoll l-involviment tagħha fil-katina tal-provvista ta’ prekursuri billi tipproduċi u tippromwovi materjal ta’ gwida li joffri pariri dwar prattiki tajbin għall-industrija kimika, fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, u setturi rilevanti oħrajn.
3.Il-Kummissjoni se taċċellera l-ħidma sabiex tippreżenta r-reviżjoni tar-Regolament fl-2016 u tikkunsidra l-ħtieġa għal aktar miżuri aktar stretti, fosthom l-inklużjoni ta’ sustanzi ta’ theddid ġodda; estenzjoni tal-ambitu biex ikopri l-utenti professjonali; ħtieġa ta' dikjarazzjoni tal-utent aħħari għal tranżazzjonijiet u reġistrazzjoni ta’ manifatturi, bejjiegħa bl-imnut u importaturi; restrizzjoni u kontroll ta' esportazzjonijiet; żieda ta' restrizzjonijiet fuq il-bejgħ online u cash registers self-checkout; u stabbiliment ta' rwol għall-awtoritajiet doganali.
Skrutinju xieraq tal-persunal huwa essenzjali biex jiġu evitati d-devjazzjoni, l-użu ħażin, jew l-aċċess illeċitu għal sustanzi kimiċi perikolużi. Madwar l-Istati Membri tal-UE, ma hemm l-ebda sett komuni ta' standards ta’ kontroll minimu u ta' proċeduri għar-reklutaġġ u ta' taħriġ ta’ persunal involut fil-katina tal-provvista ta’ splussivi u f’setturi sensittivi oħra u l-Kummissjoni se tikkunsidra jekk azzjoni tal-UE hix meħtieġa.
Azzjonijiet speċifiċi:
Titjib tal-għodod ta’ statistika u analiżi eżistenti u l-iżvilupp tal-valutazzjoni fil-livell nazzjonali dwar il-movimenti ta’ armi tan-nar u d-disponibbiltà tagħhom, u tingħata prijorità tal-iskambju fil-livell tal-UE;
Produzzjoni mill-Europol ta' prodotti analitiċi madwar l-UE u minħabba r-rabtiet qawwija mat-terroriżmu, it-tisħiħ tal-irwol ta’ monitoraġġ tal-IRU tal-UE;
Immappjar mill-UNODC ta' rotot globali tat-traffikar tal-armi tan-nar lejn l-UE;
Involviment ma' sħab biex jittejjeb l-għarfien dwar it-traffikar illeċitu ta’ armi tan-nar li tkopri inter alia t-traffikar online u d-devjazzjoni tal-kummerċ legali;
Titjib tal-aċċess għall-prodotti analitiċi kollha nazzjonali u madwar l-UE kollha mill-awtoritajiet ta’ infurzar tal-liġi tal-Istati Membri kollha;
Kontinwazzjoni ta' assistenza finanzjarja, b’enfasi fuq proġetti b’ kamp ta’ applikazzjoni komprensiv u b'impatt b’ saħħtu tal-ġbir tad-dejta
Valutazzjoni ta' riskji li jirriżultaw mill-innovazzjoni teknoloġika, bħall-istampar 3D;
Tisħiħ tas-sigurtà tal-isplussivi, billi jiġi implimentat b’mod sħiħ ir-Regolament dwar il-Prekursuri ta' Splussivi u tinġieb ‘il quddiem għall-2016 ir-reviżjoni tar-Regolament tal-Pekursuri;
Valutazzjoni tal-ħtieġa għal standards u proċeduri ta’ evalwazzjoni armonizzati fil-livell tal-UE.
|
3.TITJIB TAL-KOOPERAZZJONI OPERATTIVA
L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà enfasizzat il-ħtieġa urġenti li ssaħħaħ il-kooperazzjoni operattiva fost l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri. Huwa essenzjali li tintuża l-esperjenza disponibbli u li jiġi pprovdut taħriġ xieraq għall-forzi tal-ordni u aġenziji rilevanti oħrajn u esperti fl-Istati Membri tal-UE. Forzi tal-ordni u netwerks ta’ esperti għandhom jintużaw sal-potenzjal sħiħ tagħhom f’dan il-kuntest
.
Iż-żieda ta' kooperazzjoni operattiva transfruntieri
Il-Pjan ta’ Azzjoni Operattiva (OAP) dwar l-armi tan-nar diġà jinkludi l-parti l-kbira ta’ dawn l-azzjonijiet. Dawn jikkonċernaw, inter alia, jiem għal azzjoni konġunta, u operazzjonijiet abbażi ta' intelligence kontra t-traffikanti u faċilitaturi ewlenin (pereżempju setturi tan-negozju legali jew kumpaniji ta’ konsenja espressa). Kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-awtoritajiet nazzjonali hija strumentali wkoll fil-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta’ armi tan-nar. L-Eurojust kienet involuta f’diversi każijiet sinifikanti matul dawn l-aħħar snin, b’mod partikolari f’rabta ma’ reati oħra bħat-traffikar tad-drogi.
Tfixkil tal-provvista tal-armi tan-nar illeċiti permezz tal-Internet (miftuħ u darkweb)
Il-kapaċità ta’ ċrieki tal-kriminalità organizzata u terroristi li jiksbu armi tan-nar, partijiet jew komponenti fuq l-Internet, jekk mhux fuq l-Internet “miftuħ” jew fuq id-“darkweb” hija vulnerabbiltà li teħtieġ li tiġi indirizzata b’mod urġenti. L-azzjonijiet li ġejjin għandhom jiġu segwiti:
1.Minbarra l-implimentazzjoni sħiħa tal-Pjan ta’ Azzjoni Operattiva dwar l-armi tan-nar, il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri biex iwaqqfu timijiet ta' għassa ċibernetika jew jiffokaw l-attivitajiet ta’ dawk eżistenti fuq id-detezzjoni ta’ traffikar ta’ armi tan-nar, partijiet jew komponenti, u splussivi fuq l-Internet.
2.Il-Europol qiegħda tibni fuq il-lezzjonijiet li tgħallmet mill-Operazzjoni Onymous
u Darkode
, billi se tappoġġja operazzjonijiet u investigazzjonijiet tal-Istati Membri billi tipprovdilhom analiżi operattiva, koordinazzjoni u għarfien espert, b'mod partikulari permezz ta' kapaċitajiet ta' appoġġ forensiku diġitali u l-użu sħiħ tat-Taskforce ta' Azzjoni kontra ċ-Ċiberkriminalità (J-CAT)
3.L-Europol ser tiżviluppa wkoll sett ta’ għodod għal investigazzjonijiet online, b’mod partikolari b’kooperazzjoni mal-Bureau tal-Istati Uniti dwar Alkoħol, Tabakk, Armi tan-nar u Splussivi.
4.Billi l-biċċa l-kbira tal-infrastruttura tal-Internet hija proprjetà ta’ u mħaddma mis-settur privat, il-Kummissjoni se tinkludi l-prevenzjoni u d-detezzjoni ta’ traffikar illeċitu ta’ armi tan-nar, partijiet jew komponenti u splussivi fis-sħubijiet attwali tagħha mas-settur privat
.
It-tisħiħ tal-kontroll tal-movimenti intra-UE
Is-Sistema ta’ Kontroll u Protezzjoni tal-Isplussivi (SCEPYLT) tippermetti l-approvazzjoni elettronika ta’ trasferimenti intra-UE ta’ splussivi, li tgħaġġel u tħaffef il-kontrol tal-moviment ta' splussivi madwar l-Ewropa. Fil-ġejjieni, tista’ tintuża wkoll bħala għodda ta’ traċċabiltà li tappoġġja sforzi ta' identifikazzjoni u traċċar.
Sabiex jitjieb il-kontroll tal-isplussivi, il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi lill-Istati Membri kollha biex jużaw u jikkollegaw bis-sħiħ ma' din is-sistema.
Skont il-proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva tal-Armi tan-Nar adottata fit-18 ta’ Novembru 2015, il-Kummissjoni se tevalwa l-modalitajiet għal sistema għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar movimenti intra-UE ta’ armi tan-nar billi jiġu kkunsidrati sistemi ta’ informazzjoni u strumenti eżistenti rilevanti tal-UE. Din is-sistema għandha tiżgura rabta bejn l-Istati Membri li jdaħħlu u dawk li jirċievu sabiex it-trasferimenti interni jsiru aktar siguri u tittejjeb it-traċċabbiltà tal-armi u l-munizzjon.
Sabiex issaħħaħ it-traċċabilità ta’ movimenti ta’ armi tan-nar legali fi ħdan Stat Membru u madwar l-Istati Membri, il-Kummissjoni se tesplora l-possibbiltà li tipprojbixxi ħlasijiet bi flus kontanti fil-kuntest ta’ bejgħ jew l-akkwist ta’ armi tan-nar u munizzjon minn individwi.
Kontrolli msaħħa fil-fruntieri esterni
Għalkemm is-sorsi illeċiti tat-traffikar ta' armi tan-nar u splussivi huma diversi, il-kontrolli fil-fruntieri esterni u kooperazzjoni tal-pulizija u tad-dwana jibqgħu tal-akbar importanza.
Il-Kummissjoni ssejjaħ lill-Istati Membri biex iwettqu kontrolli abbażi ta' riskju fuq oġġetti fil-fruntiera esterna kemm jekk jaslu permezz ta' traffiku kummerċjali (eż. kontejners), fi trasport tal-passiġġieri (pereżempju: karozzi) jew f’bagalji tal-passiġġieri. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni tipproponi li tistabbilixxi Azzjoni ta’ Kontroll Doganali ta' Prijorità mal-Istati Membri dwar it-traffikar illeċitu ta’ armi tan-nar u - sa fejn huwa possibbli - splussivi, fil-fruntieri esterni. L-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet kollha relatati mas-sigurtà previsti fl-Istrateġija ta' Ġestjoni ta' Riskju Doganali u l-pjan ta’ azzjoni se jiġu aċċellerati mill-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom imexxu ‘l quddiem l-isforzi tagħhom kif xieraq.
It-traċċar tal-armi tan-nar użati minn kriminali u terroristi
It-traċċar tal-armi tan-nar huwa parti essenzjali mill-investigazzjoni ta’ reati relatati mal-armi tan-nar u aktar tagħlim dwar il-mezzi għal armi tan-nar illeċiti. Huwa wkoll kruċjali li jiġi mfixkel b'suċċess l-aċċess għal splussivi u prekursuri għall-isplussivi. Il-possibbiltà li jiġi traċċat munizzjon, li bħalissa huwa limitat, tkun ta’ għajnuna wkoll għal investigazzjonijiet.
Ir-reviżjoni tad-Direttiva tal-Armi tan-Nar proposta mill-Kummissjoni tipprevedi regoli komuni dwar l-immarkar tal-armi tan-nar sabiex titjieb it-traċċabbiltà tal-Armi tan-Nar miżmuma legalment jew importati.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa bis-sħiħ l-attivitajiet
tal-Grupp Ewropew ta’ Esperti tal-Armi tan-Nar biex jiġi żviluppat manwal għall-insegwiment u t-traċċar ta’ armi tan-nar illegali. Biex jitkompla fuq il-bażi tal-Istrument Internazzjonali dwar it-Traċċar u tal-aħjar prattiki internazzjonali żviluppati mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontroll tal-Armi Żgħar tan-Nazzjonijiet Uniti (ISACS)
, dan il-manwal se jiġi disseminat fost l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri kollha. Il-gwida u r-regoli ta' traċċar jistgħu jinkludu rekwiżit biex jiġu ġġenerati rapporti lill-Europol sabiex jiffaċilitaw talbiet ta’ traċċar.
It-tisħiħ tat-taħriġ
It-taħriġ huwa ċentrali biex jogħla l-livell ta’ għarfien espert, u b’hekk titjieb il-kooperazzjoni fl-UE. Kontrolli effikaċi u konsistenti fil-fruntiera esterna jeħtieġu wkoll l-iskambju prattiku tal-aqwa prassi, għarfien u informazzjoni. Is-CEPOL se twettaq l-attivitajiet tagħha f’dan il-qasam u twettaq “analiżi tal-lakuni” sabiex jiġu identifikati l-ħtiġijiet attwali ta’ taħriġ. Dan l-eżerċizzju jista’ jwassal għall-iżvilupp ta’ kurrikuli komuni dwar l-armi tan-nar u splussivi għal esperti mill-Istati Membri kollha, f’kooperazzjoni man-Netwerk Ewropew għat-Tneħħija ta' Tagħmir Splussiv (EEODN). Is-CEPOL se tikkunsidra wkoll tiżviluppa skemi ta’ taħriġ ma’ esperti ta' pajjiżi terzi tal-armi tan-nar.
Żvilupp ta’ għodod ta’ detezzjoni innovattivi
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2014 dwar id-Detezzjoni enfasizzat li strateġija effikaċi ta' detezzjoni ta' theddid tista’ tinkiseb biss jekk is-sustanzi u l-ambjent ta' theddida (avjazzjoni, żoni pubbliċi, avvenimenti sportivi, żoni ta' trasport urban, eċċ.) jitqiesu b’mod xieraq. Filwaqt li l-avjazzjoni ċivili għandha standards speċifiċi għal proċessi u teknoloġiji ta’ detezzjoni, dan ma kienx il-każ f’żoni pubbliċi oħra (avvenimenti sportivi, mezzi oħra ta’ trasport u infrastruttura kritika). Jeħtieġ li jsiru iktar sforzi kemm fl-użu ta' teknoloġija ta' detezzjoni u lejn l-istandardizzazzjoni tal-użu tagħha. Fl-2012, il-Kummissjoni bdiet programm bi provi ta' detezzjoni f’ambjenti operattivi differenti (ajruporti, infrastruttura kritika, bini pubbliku, u avvenimenti – bħall-EURO 2012 fil-Polonja).
Abbażi ta’ dan l-attivitajiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni se tivvaluta l-fattibilità tat-twaqqif ta’ grupp ta’ detezzjoni tal-UE magħmul minn esperti tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri, li jistabbilixxi programm ta’ appoġġ u ta’ bini ta’ kapaċità fil-qasam tad-detezzjoni tal-isplussivi u l-armi tan-nar. Tali grupp jista’ jiffoka inizjalment fuq l-offerta ta' appoġġ għall-forzi tal-ordni u servizzi rilevanti fl-Istati Membri u jespandi aktar hekk kif xieraq.
Azzjonijiet speċifiċi:
Żieda tal-kooperazzjoni transfruntieri permezz ta’:
oImplimentazzjoni sħiħa tal-Pjan ta’ Azzjoni Operattiva (OAP) dwar l-armi tan-nar;
oAktar kooperazzjoni biex tfixkel il-provvista onlajn tal-armi tan-nar illeċiti (miftuħ u darkweb);
oEvalwazzjoni tal-modalitajiet għal sistema għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar movimenti intra-UE ta’ armi tan-nar li tikkunsidra sistemi ta’ informazzjoni u strumenti eżistenti tal-UE;
oEsplorazzjoni tal-possibbiltà li jiġu pprojbiti ħlasijiet bi flus kontanti fil-kuntest ta’ bejgħ jew l-akkwist ta’ armi tan-nar u munizzjon minn individwi;
oRinforz tal-kontrolli fil-fruntieri esterni billi jsiru kontrolli abbażi ta' riskju fuq oġġetti u permezz tal-istabbiliment ta' Azzjoni ta’ Kontroll Doganali ta' Prijorità.
Tisħiħ tal-ittraċċar tal-armi tan-nar permezz tal-iżvilupp ta’ manwal għall-insegwiment u t-traċċar ta’ armi tan-nar illegali fil-qafas tal-Grupp ta’ Esperti Ewropej tal-Armi tan-Nar;
Żvilupp ta’ kurrikula ta’ taħriġ komuni dwar l-armi tan-nar u splussivi;
Żvilupp ta’ għodod ta’ detezzjoni innovattivi;
Azzjonijiet operattivi konġunti li jinvolvu l-awtoritajiet rilevanti kollha tal-infurzar tal-liġi.
|
4.TITJIB tal-ġbir U L-KONDIVIŻJONI TA’ INFORMAZZJONI operattiva permezz tal-aħjar użu tal-għodod eżistenti
L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà enfasizzat il-ħtieġa urġenti li jsir użu sħiħ mill-għodod eżistenti li l-Unjoni tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri biex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi. Lakuni kritiċi li fadal jistgħu jeħtieġu aktar għodod tal-UE, filwaqt li tiġi żgurata l-interoperabbiltà ta’ sistemi eżistenti.
L-eżistenza ta’ sistemi differenti ta’ skambju ta’ informazzjoni użati minn awtoritajiet differenti tal-infurzar tal-liġi għal skopijiet differenti, iżda kollha rilevanti għall-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta’ armi tan-nar u splussivi, tenfasizza l-bżonn li tissaħħaħ l-interkonnettività teknika. Il-Kummissjoni se tivvaluta kif l-aħjar tiżgura l-kompatibbiltà effettiva tagħhom.
Biex tagħmel dan, il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni partikolari lill-ħtieġa li tittejjeb il-kooperazzjoni tal-pulizija u d-dwana, filwaqt li tqis is-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar movimenti intra-UE ta’ armi tan-nar li għandha tiġi żviluppata skont l-abbozz tad-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar riveduta ppreżentata fit-18 ta’ Novembru 2015.
Żgurar tal-interoperabbiltà bejn iARMS/SIS II/UMF
F’konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta’ Ottubru 2015, il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri biex idaħħlu informazzjoni sistematikament dwar armi tan-nar imfittxija fis-SIS u biex iżidu l-inklużjoni ta’ informazzjoni dwar l-armi tan-nar fis-Sistema ta’ Informazzjoni tal-Europol (EIS) u iARMS tal-Interpol, fejn disponibbli.
Interoperabbiltà bejn is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) u iARMS tal-INTERPOL
tiffaċilita ħafna l-azzjoni ta’ infurzar tal-liġi, billi tagħmilha aktar effettiva.
Din l-interoperabbiltà fil-prattika diġa qed tieħu forma permezz ta’ azzjonijiet li għaddejjin bejn il-Kummissjoni u l-INTERPOL. L-INTERPOL aġġorna s-softwer “SIB” li tkopri wkoll armi tan-nar u talab lill-Istati Membri biex jivvolontarjaw għal proġett pilota li għandu jsir fl-ewwel nofs tal-2016 li simultanjament tfittex fil-bażijiet ta’ dejta nazzjonali, is-SIS u iARMS. Fl-aħħar nett, valuri ta' “tip ta’ arma tan-nar” jistgħu jiġu mfittxija fiż-żewġ sistemi u jkun jista’ jsir tqabbil bejn it-tabelli li jiddeskrivu l-għamla tal-armi tan-nar.
Il-Kummissjoni se tissokta l-kooperazzjoni mal-Europol, l-Interpol u l-Istati Membri, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-interoperabbiltà bejn iż-żewġ sistemi sa Lulju 2016. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jipparteċipaw fil-proġett pilota.
Fl-istess ħin, l-aċċess minn awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi nazzjonali kollha, l-awtoritajiet tal-fruntieri u tad-dwana, fi ħdan il-mandati rispettivi tagħhom, jista’ jtejjeb ħafna l-effiċjenza tal-ħidma operattiva fuq il-post. Il-possibbiltà li fl-istess ħin iddaħħal jew tfittex informazzjoni f’diversi bażijiet tad-dejta li fihom informazzjoni simili jew kumplimentari għandha tkompli tiġi sfruttata.
Tisħiħ tal-iskambju ta’ informazzjoni ballistika
Il-biċċa l-kbira tal-armi tan-nar għandhom karatteristiċi uniċi li jiddistingwuhom u anke jekk l-arma tan-nar ma tkunx tħalliet fix-xena tad-delitt, informazzjoni ewlenija tkun tista’ madankollu tiġi determinata minn balla, in-natura tal-ferita (jekk ikun hemm) u kwalunkwe residwu li jibqa’ madwarha.
Bħalissa ma hemm l-ebda sistema madwar l-UE għall-analiżi ta' dejta ballistika, u l-ebda repożitorju ċentrali li jintegra u jqabbel din l-analiżi. S’issa, żewġ sistemi differenti huma ġeneralment użati mill-Istati Membri tal-UE
. Taħt is-Seba' Programm Qafas, il-Kummissjoni appoġġat proġett (il-Pjattaforma Odyssey) bil-għan li tiġi indirizzata l-problema tal-analiżi tad-dejta kriminali u ballistika meħuda minn diversi sistemi ballistiċi madwar l-Ewropa. Wara s-sejbiet tal-proġett Odyssey, il-Kummissjoni ser tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni ballistika permezz ta’ pjattaforma dedikata permezz tal-użu tan-Netwerk ta’ Informazzjoni Ballistika u sistemi oħra rilevanti użati fl-Istati Membri.
Użu estensiv ta’ iTRACE
Il-komunità internazzjonali attwalment nieqsa minn informazzjoni konkreta dwar meta, fejn u kif armi konvenzjonali prodotti legalment jidħlu fis-suq illeċitu u jkunu ddevjati għal atturi f’kunflitti armati jew għal utenti finali oħra illegali.
Għalhekk, l-UE qed tiffinanzja l-proġett “iTRACE”
. Abbażi ta’ dawn ir-riżultati pożittivi, l-UE tappoġġa t-tieni fażi tal- programm iTRACE inkluża l-intensifikazzjoni ta’ investigazzjonijiet fuq il-post u t-twessiegħ tal-ambitu ġeografiku tal-għodda. Madankollu huwa ċar li l-progress jiddependi mir-risposta ta' Stati, inklużi l-Istati Membri kollha tal-UE, għal talbiet ta’ traċċar. Barra minn hekk, kwalunkwe detezzjoni minn kwalunkwe awtorità nazzjonali tal-infurzar tal-liġi għandha tiġi ċċekkjata skont din l-għodda. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se tikkunsidra, għall-Istati Membri tal-UE, il-ħtieġa ta’ regoli li jorbtu legalment f’dan il-qasam.
Il-Kummissjoni se tappoġġja kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Europol, l-INTERPOL, l-atturi prinċipali ta' iTrace u korpi rilevanti oħra, bħall-awtoritajiet doganali u ta’ liċenzjar tal-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-armi tan-nar, biex titjieb il-kooperazzjoni operattiva, it-traċċabilità u l-prevenzjoni ta’ armi tan-nar milli jiġu ddevjati lejn is-suq illeċitu.
Żvilupp ta’ Sistema ta’ Analiżi tal-Europol u l-iżgurar tal-użu sħiħ tal-Punt Fokali tal-Europol dwar l-armi tan-nar
Fl-2016, l-Europol għandha tibda tħaddem Pjattaforma ġdida għas-Sistema ta’ Analiżi tal-Europol (EAS), għodda analitika qawwija li tappoġġja l-analiżi operattiva u strateġika tad-dejta pprovduta mill-Istati Membri u minn partijiet terzi. Hija mfassla biex tkun waħda mis-sistemi tal-ipproċessar tal-informazzjoni prinċipali tal-Europol. Il-Kummissjoni se taħdem biex tiżgura l-implimentazzjoni rapida u komprensiva ta’ dan l-istrument billi tassisti lill-Istati Membri u tappoġġja sforzi kumplimentari sabiex ittejjeb monitoraġġ sistematiku ta’ armi tan-nar. Il-Kummissjoni se tikkunsidra l-ħtieġa ta’ regoli li jorbtu legalment f’dan il-qasam biex titjieb il-kapaċità tal-analiżi tal-Europol għall-appoġġ lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri kollha.
Fuq talba tal-Kunsill fl-2014, l-Europol stabbilixxiet Punt Fokali dwar l-Armi tan-Nar. Huwa jipprovdi appoġġ operattiv u strateġiku lill-investigazzjonijiet li għaddejjin. 21 Stat Membru
u sitt pajjiżi terzi bħalissa huma assoċjati
ma’ dan il-Punt Fokali. Sa mill-bidu tiegħu, il-Punt Fokali dwar l-Armi tan-Nar irċieva 3,089 kontribuzzjoni b’madwar 625 każ investigattiv inkluża informazzjoni dwar 35,000 arma tan-nar, 28,700 persuna u kważi 3,216-il kumpanija suspettata. Din is-sena, il-Punt Fokali dwar l-Armi tan-Nar irċieva 1,750 kontribuzzjoni. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jikkondividu informazzjoni b’mod proattiv u jipparteċipaw bis-sħiħ fl-azzjonijiet tal-Punt Fokali dwar l-Armi tan-Nar.
Massimizzazzjoni tal-użu tas-Sistema Ewropea ta’ Dejta dwar il-Bombi (EBDS)
Fi ħdan il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-Isplussivi, il-Kummissjoni ffinanzjat l-iżvilupp tas-Sistema Ewropea ta’ Dejta dwar il-Bombi (EBDS) li attwalment hija ġestita mill-Europol. L-EBDS tikkollega kważi l-Istati Membri kollha, kif ukoll in-Norveġja u l-Kummissjoni, u tista’ tintuża għall-iskambju ta’ dejta teknika dwar splussivi u materjal CBRN, kif ukoll inċidenti, xejriet u tagħmir.
Konnettività sħiħa minn utenti relevanti fl-Istati Membri għandha tkun żgurata u li aktar sforzi għandhom ikunu dedikati biex jiġu identifikati l-utenti potenzjali kollha rilevanti u biex jitħarrġu l-utenti tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, flimkien mal-Europol, se tivvaluta jekk l-EBDS għandhiex tinkorpora informazzjoni tat-tip “twissija bikrija”, kapaċitajiet ta’ detezzjoni, u jekk din is-sistema għandiex tintrabat ma’ bażijiet ta' dejta magħżula oħrajn Ewropej. Sabiex tikkumplimenta l-informazzjoni kondiviża permezz tal-EBDS, il-Kummissjoni ser tipproponi aġġornamenti regolari f'ambjent ikklassifikat għall-Istati Membri u l-Europol biex jikkondividu valutazzjonijiet speċjalizzati tat-theddid fir-rigward tal-isplussivi.
Azzjonijiet speċifiċi:
Valutazzjoni tas-sistemi eżistenti ta’ skambju ta’ informazzjoni rilevanti għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-armi tan-nar u l-isplussivi li tiżgura l-kompatibbiltà teknika tagħhom b’attenzjoni partikolari fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-pulizija u d-dwana u l-iżvilupp previst mill-abbozz tad-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar;
Żgurar tal-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni eżistenti, inkluż l-iARMS/SIS II b’rabta ma’ UMF;
Estensjoni tal-użu ta’ iTrace, is-Sistema Ewropea ta’ Data dwar il-Bombi (EBDS) u s-Sistema ta’ Analiżi tal-Europol filwaqt li jiġi żgurat l-użu sħiħ tal-Punt Fokali tagħha dwar l-armi tan-nar;
Titjib tal-iskambju ta’ informazzjoni ballistika permezz ta’ pjattaforma apposta
|
5.KOOPERAZZJONI MSAĦĦA MA' PAJJIŻI TERZI
Kif stabbilit fil-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà dwar ir-Reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat adottati fit-18 ta’ Novembru 2015, l-UE se żżid il-kooperazzjoni tagħha ma' pajjiżi ġirien dwar il-qasam ta’ sigurtà, inkluż dwar il-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu tal-bnedmin, it-traffikar illeċitu ta’ Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir (SALW) u l-kooperazzjoni dwar id-droga.
It-traffikar illeċitu u l-użu ta’ armi tan-nar u splussivi għandhom jiġu integrati b’mod sistematiku fid-djalogi dwar is-sigurtà ma’ pajjiżi u organizzazzjonijiet sħab ewlenin. Dawn id-djalogi għandhom iwasslu wkoll, kull meta jkun rilevanti, għal pjanijiet ta’ azzjoni konġunti speċifiċi dwar l-armi tan-nar u fejn possibbli anke ta’ splussivi, inklużi l-aġenziji tal-UE bħall-Europol, l-Eurojust u s-CEPOL kif ukoll organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti bħalma huma n-Nazzjonijiet Uniti u l-INTERPOL. Assistenza finanzjarja mill-UE tista’ wkoll tiġi prevista f’ċerti każijiet (bħal armi tan-nar kkonfiskati/dekommissjonati), eż. skont l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi, programmi oħra ta’ assistenza mill-UE jew il-baġit tal-PESK.
Taħriġ u miżuri oħra ta’ appoġġ (inkluż l-għoti ta’ tagħmir u għodda rilevanti) biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-pajjiżi sħab u pajjiżi terzi rilevanti oħra kontra t-traffikar u l-użu illeċiti ta’ armi tan-nar u splussivi għandhom, kull meta jkun rilevanti, jiġu inklużi fil-programmi ta’ kooperazzjoni fil-livell globali, reġjonali jew dak bilaterali.
Tisħiħ ta' attivitajiet operattivi u twessiegħ tal-ambitu tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-Ewropa tax-Xlokk
L-UE u s-sħab tagħha fix-Xlokk tal-Ewropa għandhom interess komuni fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni tagħhom kontra t-theddid tat-traffikar illeċitu ta’ armi u splussivi ta' grad militari.
Din il-kooperazzjoni ġiet żviluppata aktar permezz tal-adozzjoni ta’ Pjan ta’ Azzjoni dwar it-traffikar illeċitu ta’ armi tan-nar bejn l-UE u r-Reġjun tax-Xlokk tal-Ewropa għas-snin 2015-2019.
L-attivitajiet skont il-Pjan ta’ Azzjoni jeħtieġ li jiġu intensifikati malajr sabiex ikompli jitnaqqas il-fluss illegali ta’ armi tan-nar lejn l-UE. L-Europol għandha taċċellera l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Operattiv 2016 taċ-Ċiklu ta' Politika. L-iktar permezz tal-istabbiliment ta' operazzjonijiet konġunti abbażi ta' intelligence, u kooperazzjoni mill-qrib bejn uffiċjali ta' kollegament fir-reġjun u n-Netwerk ta' Esperti dwar l-Armi tan-Nar.
Il-Kummissjoni se torganizza konferenza oħra fl-2016 flimkien mas-sħab tagħha fil-Balkani tal-Punent li tevalwa l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni u jiddiskutu l-passi futuri, inkluż il-proposta biex jiġi estiż dan il-Pjan ta’ Azzjoni għal splussivi illeċiti.
Il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent qed jimplimentaw strateġiji nazzjonali għall-ġlieda kontra t-traffikar ta’ armi u l-proliferazzjoni tal-armi ħfief u ta’ kalibru żgħir. Il-progress li qed isir f’dan il-qasam qed ikun issorveljat ukoll fil-kuntest tan-negozjati dwar l-adeżjoni fil-kapitolu 24 – Ġustizzja, Libertà u Sigurtà.
Il-Kummissjoni qiegħda tibni fuq il-lezzjonijiet li tgħallmet minn inizjattivi simili, fi sħubija ma’ sħab ewlenin, se tikkunsidra r-rilevanza ta’ skemi ta’ xiri lura ta’ armi tan-nar fir-reġjun.
Tisħiħ tal-kooperazzjoni ma’ pajjiżi fil-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq (MENA)
L-instabbiltà attwali fir-reġjun MENA, b’mod speċjali l-kunflitti fit-tul fil-Libja u s-Sirja, żied drastikament il-livell ta’ traffikar illeċitu ta’ armi tan-nar fir-reġjun. Dan jippreżenta theddida sinifikanti għas-sigurtà fit-tul tal-UE li jeħtiġilha tiġi indirizzata b’mod urġenti.
L-UE diġa bdiet djalogu biex tesplora l-kooperazzjoni possibbli fil-ġejjieni ma' pajjiżi MENA (wara kuntatti esploratorji u l-ewwel konferenza ma' pajjiżi MENA fuq livell tekniku fl-1 ta' Ottubru 2015) u se tfittex li ssaħħaħ il-kooperazzjoni UE-MENA fost l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi rilevanti, tiżgura assistenza ta' bini ta' kapaċità fi programmi reġjonali u/jew bilaterali rilevanti u tiżviluppa azzjonijiet operattivi skont qafas maqbul komunament.
Dan l-approċċ reġjonali jeħtieġ li jkun ikkumplimentat fil-livell bilaterali minn inklużjoni sistematika l-aspett tal-armi tan-nar u l-isplussivi fid-djalogi ta’ politika ma’ pajjiżi fil-qafas tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u sottokumitati relatati dwar kwistjonijiet ta’ Ġustizzja u Affarijiet Interni u, fejn rilevanti, id-djalogi speċifiċi dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (li diġà nbdew mat-Tuneżija jew dalwaqt mal-Libanu, il-Ġordan, l-Alġerija u l-Marokk).
Il-firxa u t-traffikar illeċiti ta' armi konvenzjali fi jew mil-Libja jibqa' jżid in-nuqqas ta' sigurtà fir-reġjun, inkluż permezz tad-devjazzjoni ulterjuri ta' tagħmir splussiv improvizzat (IEDs) jew MANPADS. Skont rapporti, milizzji fil-Libja ħatfu wkoll armi kimiċi minn ħażniet maħżuna f'kundizzjonijiet ħżiena, li huma f’riskju li jispiċċaw f’idejn terroristi jew ta’ gruppi estremisti vjolenti.
Ladarba Gvern ta’ Kunsens Nazzjonali jiġi ffurmat, l-UE, bħala kwistjoni ta’ prijorità u f’koordinazzjoni ma’ sħab internazzjonali oħra rilevanti, se toffri programmi ta’ żvilupp ta’ kapaċità kontra t-terroriżmu lill-awtoritajiet Libjani. L-indirizzar tat-traffikar illeċitu ta’ armi tan-nar u l-użu ta' splussivi ser ikun komponent vitali ta’ tali pakkett.
Tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-Ukrajna
Huwa fl-interess kemm tal-UE kif ukoll tal-Ukrajna li l-kooperazzjoni bejniethom tissaħħaħ kontra t-theddid komuni tat-traffikar illeċitu u l-użu ta’ armi tan-nar u splussivi. Fl-istess ħin, l-UE tista’ ssaħħaħ l-appoġġ tagħha għar-riforma tas-settur tas-sigurtà ċivili fl-Ukrajna, inkluż fil-qasam ta’ interess koperti minn din il-Komunikazzjoni.
Tisħiħ tal-kooperazzjoni mat-Turkija
Id-djalogu attwali bejn l-UE u t-Turkija dwar il-Ġlieda kontra t-terroriżmu għandha tiġi estiża għat-traffikar u l-użu illeċiti ta’ armi tan-nar u splussivi.
Tisħiħ tal-kooperazzjoni ma’ atturi reġjonali oħra u organizzazzjonijiet internazzjonali
Gruppi terroristiċi u kriminali jżidu mas-sitwazzjoni volatili tas-sigurtà fil-Libja, b’impatt fuq is-Saħel (eż. Mali) u s-sitwazzjoni tas-sigurtà tar-reġjun tal-Lag taċ-Ċad (b’mod partikolari n-Niġerja). Il-Kummissjoni, b’koordinazzjoni mas-SEAE, se tiżgura appoġġ rilevanti biex jiġu miġġielda dawn il-gruppi permezz ta’ assistenza relatata mas-sigurtà, possibbilment inkluża skont il-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-Unjoni Ewropea stabbilit m'ilux għall-istabbiltà u l-indirizzar tal-kawżi prinċipali tal-migrazzjoni irregulari u l-persuni spostati f’pajjiżhom fl-Afrika.
Il-Kummissjoni se tassisti lil-Lega tal-Istati Għarab (LAS) fl-iżvilupp ta’ sistema kompjuterizzata ta’ kontroll tat-trasferimenti ta’ armi u armamenti u se tesplora modi li bihom il-punti ta’ kuntatt tal-LAS dwar armi ħfief u ta' kalibru żgħir (SALW) jkunu jistgħu jaħdmu flimkien ma’ strutturi komparabbli tal-UE.
Abbażi ta' sforzi eżistenti tal-UE permezz tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir (SALW) tal-2005 kif ukoll l-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà, l-UE se tkompli tippromwovi r-ratifikazzjoni, it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti, bħat-Trattat tal-Kummerċ fl-Armi, u l-protokoll tal-Armi tan-Nar tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Kriminalità Organizzata Transnazzjonali. Se jintużaw ukoll in-netwerks reġjonali tas-CBRN kif stabbilit fi tmien reġjuni skont l-Inizjattiva ta’ Mitigazzjoni tar-Riskju tal-UE.
KONKLUŻJONIJIET
Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati rilevanti l-oħra kollha biex jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw l-implimentazzjoni rapida ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni. Il-Kummissjoni se tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni fi ħdan il-qafas tal-aġġornament kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà.
|