13.10.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 374/7 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
(2016/C 374/07)
Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt li wieħed jopponi għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).
DOKUMENT UNIKU
“LUCQUES DU LANGUEDOC”
Nru tal-UE: FR-PDO-0005-01375 — 24.9.2015
DOP ( X ) IĠP ( )
1. Isem
“Lucques du Languedoc”
2. Stat Membru jew Pajjiż Terz
Franza
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott
Klassi 1.6. Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1
Iż-żebbuġ “Lucques du Languedoc” huwa żebbuġ aħdar sħiħ, mhux imqatta’ jew imfarrak. L-imrar tiegħu jitneħħa permezz ta’ soluzzjoni alkalina, u jinbiegħ fis-salmura, jew imkessaħ jew ippasturizzat.
Fl-apparenza, il-frotta u l-għadma huma karatteristiċi: il-frott huwa aħdar u l-forma tiegħu hija asimetrika u qisha nofs qamar. Il-kulur tal-laħma huwa aħdar ċar. L-għadma tkun forma ta’ nofs qamar.
Il-qoxra tkun irqiqa, mingħajr tikmix. Tista’ tkun kemxejn mgħattna.
Fit-togħma, iż-żebbuġ “Lucques du Languedoc” huwa kkaratterizzat minn:
— |
konsistenza partikolari: skont il-metodu ta’ analiżi sensorju tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ, sodezza ta’ ≥ 2,5 minn 10, fibrożità ta’ ≤ 3,5 minn 10 u tqarmiċ ta’ ≥ 2 minn 10; |
— |
l-imrar u l-aċidità jintiegħmu ħafif jew ma jintiegħmu xejn; |
— |
iż-żebbuġ għandu riħa ħafifa ta’ avokado għal avokado xaħmi, u kultant ukoll ta’ ġellewż frisk jew ta’ tiben maqtugħ; |
— |
u togħma ta’ mluħa medja. |
3.3. Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
Iż-żebbuġ huwa esklussivament tal-varjetà Lucques.
3.4. Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita
Il-produzzjoni, il-ħsad u l-ipproċessar taż-żebbuġ iridu jsiru fiż-żona ġeografika.
3.5. Regolamenti speċifiċi applikabbli għat-tqattigħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ. tal-prodott li għalih tagħmel referenza d-denominazzjoni
Meta ssir il-pasturizzazzjoni, din trid issir fiż-żona ġeografika.
Iż-żebbuġ “Lucques du Languedoc” huwa prodott delikat li jirreaġixxi faċilment għall-manipulazzjoni: għaldaqstant irid jitqiegħed fis-salmura u wara jiġi pasturizzat kemm jista’ jkun qrib il-post fejn jinħasad. L-obbligu li l-pasturizzazzjoni ssir fiż-żona ġeografika tal-ħsad huwa ġġustifikat ukoll mill-għarfien tal-kwalitajiet organolettiċi u tad-delikatezza ta’ dan il-prodott li għandu kull min jaħdem fil-qasam. B’hekk, bl-għarfien li għandhom l-imgħallmin tal-proċeduri, jinżammu l-karatteristiki kollha tal-prodott, anki wara l-pasturizzazzjoni. Barra minn hekk, biex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-effett tal-pasturizzazzjoni fuq il-kwalità tal-prodott, il-fatt li dan l-istadju tal-proċess isir fiż-żona tal-produzzjoni jippermetti li l-kontrolli tal-prodott isiru malajr.
Il-kampjuni massimi awtorizzati għall-kontrolli huma ta’ 37 frotta f’kull 100 gram.
L-għenieqed iridu jkunu ta’ daqs u ta’ kulur omoġenu.
Iż-żebbuġ li jkollu d-difetti mniżżlin hawn taħt ma jistax jaqbeż it-3 % taż-żebbuġ li jiġi kontrollat:
— |
frott imkemmex; |
— |
difett fil-ġilda tal-frotta li ma jaffettwax il-laħma; |
— |
ħsara magħmula mid-dubbiena taż-żebbuġ; |
— |
difetti fil-ġilda magħmula mill-boċċi tas-silġ; |
— |
il-preżenza ta’ pedunkuli; |
— |
żebbuġ li jbiddel il-kulur. |
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott li għalih tirreferi d-denominazzjoni reġistrata
—
4. Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika
Iż-żona ġeografika ta’ “Lucques du Languedoc” hija mifruxa mill-punent ta’ Aude sal-lvant ta’ Hérault. Iż-żona tikkonsisti mill-muniċipji tad-distretti elenkati hawn taħt (skont il-Kodiċi ġeografiku uffiċjali tal-Insee (l-Istitut Nazzjonali tal-Istatistika u tal-Istudji Ekonomiċi) tal-1 ta’ Jannar 2015):
Id-dipartiment ta’ Aude:
Coursan, Narbonne-1, Narbonne-2, Narbonne-3, Sallèles-d’Aude, Fabrezan (il-muniċipji ta’ Luc-sur-Orbieu, Saint-André-de-Roquelongue); Lézignan-Corbières (il-muniċipji ta’Argens-Minervois, Cruscades, Homps, Ornaisons, Tourouzelle); Rieux-Minervois (minbarra l-muniċipji ta’ Cabrespine, Castans, Citou, Lespinassière, Limousis, Trassanel); Sigean (il-muniċipji ta’ La Palme, Peyriac-de-Mer, Portel-des-Corbières, Roquefort-des-Corbières, Sigean); Trèbes (il-muniċipji ta’ Badens, Blomac, Bouilhonnac, Floure, Marseillette, Trèbes); Villemoustaussou (il-muniċipji ta’ Malves-en-Minervois.Aniane).
Id-dipartiment ta’ Hérault:
Agde, Béziers-2, Béziers-3, Cazouls-lès-Béziers, Frontignan, Lattes, Mèze, Montpellier-1, Montpellier-2, Montpellier-3, Montpellier-4, Montpellier-5, Montpellier - Castelnau-le-Lez, Pézenas, Pignan, Béziers-1 (minbarra l-muniċipju ta’Valras-Plage); Clermont-l'Hérault (il-muniċipji ta’Aspiran, Bédarieux, Bousquet-d'Orb, Brignac, Canet, Ceyras, Clermont-l'Hérault, Lacoste, Liausson, Mérifons, Mourèze, Nébian, Octon, Paulhan, Saint-Félix-de-Lodez, Salasc, La Tour-sur-Orb, Valmascle, Villemagne-l'Argentière, Villeneuvette); Le Crès (il-muniċipji ta’ Le Crès, Vendargues); Gignac (minbarra l-muniċipji ta’Argelliers, La Boissière); Lodève (il-muniċipji ta’ Le Bosc, Brissac, Causse-de-la-Selle, Celles, Fozières, Lauroux, Lavalette, Lodève, Olmet-et-Villecun, Pégairolles-de-Buèges, Pégairolles-de-l'Escalette, Poujols, Le Puech, Saint-André-de-Buèges, Saint-Étienne-de-Gourgas, Saint-Jean-de-Buèges, Saint-Jean-de-la-Blaquière, Saint-Privat, Soubès, Soumont, Usclas-du-Bosc); Lunel (il-muniċipji ta’ Saint-Just, Saint-Nazaire-de-Pézan); Mauguio (minbarra l-muniċipji ta’ La Grande-Motte, Palavas-les-Flots, Valergues); Saint-Gély-du-Fesc (il-muniċipji ta’ Combaillaux, Murles, Prades-le-Lez, Saint-Clément-de-Rivière, Saint-Gély-du-Fesc, Teyran, Le Triadou, Vailhauquès); Saint-Pons-de-Thomières (minbarra l-muniċipji ta’ Boisset, Cambon-et-Salvergues, Cassagnoles, Castanet-le-Haut, Colombières-sur-Orb, Courniou, Ferrals-les-Montagnes, Ferrières-Poussarou, Fraisse-sur-Agout, Mons, Olargues, Pardailhan, Prémian, Rieussec, Riols, Rosis, Saint-Étienne-d'Albagnan, Saint-Julien, Saint-Martin-de-l'Arçon, Saint-Pons-de-Thomières, Saint-Vincent-d'Olargues, Salvetat-sur-Agout, Le Soulié, Vélieux, Verreries-de-Moussans).
5. Rabta maż-żona ġeografika
Speċifiċità taż-żona ġeografika:
Il-karatteristiki taż-żona ġeografika ta’ “Lucques du Languedoc”, żona miftuħa għall-baħar min-naħa tax-xlokk u magħluqa mill-muntanji min-naħa tat-tramuntana, tinsab:
— |
F’altitudni medja b’art speċifika: Hija żona forma ta’ anfiteatru ffurmat minn sensiela ta’ għoljiet, li jiftaħ fuq il-Mediterran, li tikkonsisti prinċipalment mill-ġir, b’art poruża u mhix wisq immarkata mill-ilma, u li tiffavorixxi t-tkabbir tal-“Lucques du Languedoc”. Is-siġar tal-“Lucques du Languedoc” huma kkultivati f’altitudni mhux ogħla minn 400 metru, l-iżjed mal-faċċata tan-nofsinhar li għandha pendil moderat u tieħu ħafna xemx, jew, fejn l-art tkun favorevoli ħafna, fil-faċċata tat-tramuntana, inkella fuq art imtarrġa esposta għax-xemx fejn fiż-żmien kienu jitkabbru s-siġar tal-frott. |
— |
Klima Mediterranja: Bi ftit ġranet ta’ xita, u b'bejn 2 500 u 2 900 siegħa ta’ xemx fis-sena. Dawn iż-żewġ fatturi, flimkien maż-żewġt irjieħ, il-Mistral li jonfoħ mill-grigal u t-Tramuntana li jonfoħ mill-majjistral, joħolqu kundizzjonijiet klimatiċi favorevoli għad-dakkir taż-żebbuġ tal-varjetà Lucques fir-rebbiegħa. Fil-fatt, din il-varjetà ta’ żebbuġ hija fost l-iżjed bikrin li tnawwar, u d-dakkir isir f’Mejju, madwar ħmistax qabel il-varjetajiet l-oħra. |
L-oriġini ġeografika tal-“Lucques du Languedoc” tinsab f'ħalq il-wied tax-xmara Hérault. Din hija l-benniena storika tal-varjetà Lucques u tal-produzzjoni taż-żebbuġ aħdar fil-Languedoc.
Il-varjetà Lucques hija l-iżjed waħda eżiġenti mill-varjetajiet kollha lokali, kemm mil-lat tat-temperatura (ma tiflaħx għall-kesħa), mil-lat tar-riħ, u mil-lat tad-dakkir (is-siġra ma tiddakkarx minnha nnifisha, iżda teħtieġ dakkir estern minn siġar oħra).
Minkejja d-diffikultajiet tal-koltivazzjoni, il-kwalità tal-prodott, ir-rabta li għandhom in-nies tal-lokal ma' din is-siġra u mal-frotta tagħha, u aktar tard id-dħul miż-żebbuġ esportat ħeġġew l-iżvilupp lokali tal-koltivazzjoni tal-varjetà, mingħajr ma ħallew li din tinxtered f'reġjuni Franċiżi oħrajn.
Iż-żebbuġ “Lucques du Languedoc” tradizzjonalment jinqata’ aħdar, għaliex iżomm aħjar miż-żebbuġ iswed. Dan iż-żebbuġ għandu ġilda ta’ barra rqiqa ħafna u minħabba f’hekk jeħtieġ li jinġabar b’delikatezza (bl-idejn), u l-istess fl-istadju tal-ipproċessar (it-tagħdis għal żmien twil fis-soda, it-tlaħliħ u t-tagħdis fis-salmura mingħajr ma jingħata daqqiet, skont il-metodu msemmi “fermentation lactique réduite” il-fermentazzjoni lattika ridotta). Dan il-metodu ġie pperfezzjonat tul iż-żmien mill-imgħallmin li jippriżervaw iż-żebbuġ fil-Languedoc, u jagħti karattru distint lil dan iż-żebbuġ.
L-Ispeċifiċità tal-prodott:
Iż-żebbuġ “Lucques du Languedoc” huwa żebbuġ tal-ikel aħdar sħiħ. Kull lott ta’ żebbuġ jitkejjel u jkun omoġenju kemm fid-daqs kif ukoll f’kuluru.
Fit-togħma, iż-żebbuġ “Lucques du Languedoc” huwa kkaratterizzat minn konsistenza partikolari: iż-żebbuġ huwa sod mingħajr ma jqarmeċ. Ftit li xejn huwa fibruż. Huwa kkaratterizzat minn riħa ħafifa ta’ avokado għal avokado xaħmi, u kultant ukoll ta’ ġellewż frisk jew ta’ tiben maqtugħ, u togħma ftit immellħa.
Barra minn hekk, il-“Lucques du Languedoc” huwa distint minn kull żebbuġ ieħor minħabba l-forma asimetrika tiegħu u l-għadma forma ta’ nofs qamar.
Ir-rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika ddefinita u l-kwalità jew il-karatteristiki tal-prodott:
Huwa f’din iż-żona ġeografika bil-karatteristiki naturali partikolari ħafna tagħha li tul is-sekli l-“Lucques du Languedoc” żviluppa l-ispeċjaliżżazzjoni tiegħu fil-kundizzjonijiet ideali li ffavorixxewh fil-Languedoc.
Effettivament, biex il-“Lucques du Languedoc” inawwar, iż-żebbuġa trid tgawdi kundizzjonijet klimatiċi speċifiċi, jiġifieri l-irjieħ Mistral u Tramuntana, li flimkien jippermettulha li tiffaċċa l-perjodu delikat tad-dakkir, li hu qasir ferm (id-dakkir isir tul jumejn jew tlett ijiem, mir-riħ li jtajjar il-polline). Għaldaqstant din il-varjetà ta’ żebbuġ hija addattata tajjeb għall-kundizzjonijiet klimatiċi ta’ din iż-żona ġeografika.
Dawn il-kundizzjonijiet naturali speċifiċi, flimkien mal-għarfien tal-kultivaturi taż-żebbuġ jagħtu lil-“Lucques du Languedoc” il-kwalitajiet tiegħu: b’dan il-mod, id-daqs regolari tas-siġar jippermetti l-ħsad ta’ żebbuġ ta’ daqs tajjeb biex jiġi ppriżervat. Barra minn hekk, il-ġbir bl-idejn taż-żebbuġ Lucques aħdar jippermetti li dan iż-żebbuġ li għandu ġilda rqiqa u fraġili jinħasad mingħajr ma jingħata daqqiet li jistgħu jagħmlulu l-ħsara. Finalment, iż-żebbuġ jitneħħielu l-imrar permezz ta’ soluzzjoni alkalina, bil-metodu msejjaħ “fermentation lactique réduite”, fermentazzjoni lattika ridotta, li d-densità tagħha u t-tul ta’ żmien tat-tagħdis ivarjaw skont iż-żebbuġ li jrid jiġi ppriżervat. L-istess jgħodd għat-tagħdis fis-salmura, tingħata attenzjoni partikolari għall-konċentrazzjoni tal-melħ biex tinżamm it-togħma karatteristika tal-“Lucques du Languedoc”.
Dan l-ipproċessar li żviluppa f’metodu professjonali tul is-snin, jippermetti li ż-żebbuġ ikollu konsistenza, riħa u togħma karatteristiċi.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni
(it-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)
https://info.agriculture.gouv.fr/gedei/site/bo-agri/document_administratif-6b536fcc-24f9-46c4-ac48-f03ca2b93099/telechargement
(1) ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.