21.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 274/21


Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Awwissu 2013 — SolarWorld u Solsonica vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-393/13)

2013/C 274/36

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: SolarWorld AG (Bonn, il-Ġermanja) u Solsonica SpA (Cittaducale, l-Italja) (rappreżentanti: L. Ruessmann, avukat, u J. Beck, Solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

tannulla l-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 513/2013 (1) safejn dan jittardja, sas-6 ta’ Awwissu 2013, l-applikazzjoni tad-dazju anti-dumping provviżorju sħiħ fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi bis-silikon kristallin, ċelloli u wejfers li joriġinaw jew li huma kkonsenjati miċ-Ċina;

tordna lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri japplikaw, sa mis-6 ta’ Ġunju 2013, ir-rati tad-dazju anti-dumping kif stabbiliti mill-Artikolu 1(2)(ii) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 513/2013;

tordna lill-Kummissjoni tikkumpensa lir-rikorrenti għad-danni minħabba n-nuqqas ta’ applikazzjoni, sa mis-6 ta’ Ġunju 2013, tar-rati tad-dazju anti-dumping kif stabbiliti mill-Artikolu 1(2)(ii) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 513/2013; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti jinvokaw erba motivi.

(1)

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-adozzjoni tal-Artikolu 1(2)(i) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 513/2013 tmur kontra l-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (2).

(2)

It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti meta tat bidu għal perijodu ta’ introduzzjoni tal-miżuri ta’ anti-dumping provviżorju permezz tal-Artikolu 1(2)(i) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 513/2013.

(3)

It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret b’mod gravi u manifest l-obbligi tagħha ta’ diliġenza u ta’ amministrazzjoni tajba billi adottat l-Artikolu 1(2)(i) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 513/2013.

(4)

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni aġixxiet illegalment meta adottat l-Artikolu 1(2)(i) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 513/2013 u b’hekk irrekat dannu lir-rikorrenti li hija reponsabbli għalihom l-UE skont l-Artikolu 340(2) TFUE.


(1)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 513/2013, tal-4 ta’ Ġunju 2013, li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi bis-silikon kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli u l-wejfers) li joriġinaw jew li jiġu kkonsenjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 182/2013 li jagħmel dawn l-importazzjonijiet li joriġinaw fi jew li huma kkonsenjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina soġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU L 152, p. 5)

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51)