1.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 38/35


Appell ippreżentat fil-15 ta’ Novembru 2015 minn Ana Pérez Gutiérrez mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fid-9 ta’ Settembru 2015 fil-Kawża T-168/14, Pérez Gutierrez vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-604/15 P)

(2016/C 038/48)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Appellanti: Ana Pérez Gutiérrez (rappreżentant: J. Soler Puebla, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

1.

tiddikjara l-eżistenza ta’ interferenza illeġittima fid-dritt għall-unur, għall-intimità tal-familja u għall-proprja immaġni, bl-użu mingħajr kunsens tal-immaġni ta’ D. Patrick Johannes Jacquemyn, meta l-Kummissjoni Ewropea inkludiet ir-ritratt tiegħu fil-librerija ta’ immaġni tat-twissijiet għas-saħħa għall-prodotti ta’ tabakk fl-Unjoni Ewropea.

2.

tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lill-appellanti s-somma ta’ EUR 181 104 fil-kuntest ta’ lucrum cessans.

3.

tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lill-appellanti s-somma ta’ EUR 0,01 għal kull pakkett jew prodott tat-tabakk fejn tidher l-immaġni ta’ D. Patrick Jacquemyn, somma li l-ammont totali tagħha għandu jiġi ddeterminat fiż-żmien tal-eżekuzzjoni tas-sentenza, u li f’dan il-mument jammonta għal sebgħa u għoxrin miljun ħames mija tmienja u tmenin elf ħames mija u erbgħa u għoxrin euro (EUR 27 588 524).

4.

tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lill-appellanti kumpens għall-benefiċċju miksub mill-użu illegali tal-immaġni ta’ D. Patrick Jacquemyn, li jammonta għal EUR 13 790 000 fi Spanja, post ta’ residenza tal-appellanti u ta’ D. Patrick Jacquemyn.

Aggravji u argumenti prinċipali

Nuqqas ta’ qbil bejn dak li ġie espost fis-seduta u dak li ġie espost fis-sentenza

L-appellanti qatt ma aċċettat id-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea, iżda biss aċċettat li d-dokumenti jiġu ppreżentti extempore mingħajr ma qajjmet eċċezzjonijiet, fatt li ma ġiex iċċarat fis-sentenza.

Ksur tal-Artikolu 15(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Ksur tal-prinċipju tad-dritt Ewropew li ċ-ċittadini tal-Unjoni jkollhom aċċess għad-dokumenti użati minn xi korp tal-Unjoni sabiex jadotta deċiżjoniijiet. L-appellanti talbet diversi drabi d-dokumenti dwar id-dritt tal-immaġni tar-ritratt inkwistjoni, li qatt ma ġew ipprovduti lilha.

Nuqqas u insuffiċjenza ta’ prova li jwassal għal nuqqas ta’ stħarriġ mill-Qorti Ġenerali

Il-provi mitluba mill-appellanti ma ġewx prodotti u dawk prodotti mill-appellata ma jipprovdu l-ebda indikazzjoni probatorja peress li kważi d-data kollha fihom tinsab ingassata.

Ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju u ta’ opportunitajiet ugwali

Id-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni Ewropea kienu ingassati u mingħajr data, u kienu jipprekludu lill-appellanti milli twettaq kwalsiasi analiżi kontradittorja, u għaldaqstant din tal-aħħar la tqis li għandhom jitqiesu li huma provi validi u lanqas ma tqis li l-Qorti Ġenerali kellha tikklasifikahom bħala provi.

Żnaturament tal-fatti

Id-dokumenti ingassati u mingħajr data wasslu sabiex il-Qorti Ġenerali temmen li kien jeżisti prinċipju ta’ legalità fl-allegat teħid ta’ ritratti, u l-appellanti ma kinitx f’pożizzjoni li tikkonfuta dan minħabba li d-dokumenti inkwistjoni kienu neqsin minn kwalsiasi prova. L-ingassar tad-data tad-dokumenti sar b’applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ protezzjoni tad-data li jirriżulta mid-Direttiva tal-1995 (1)


(1)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355)