16.3.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 89/42 |
Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Jannar 2015 – ASPLA u Armando Álvarez vs Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
(Kawża T-40/15)
(2015/C 089/51)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrenti: Plásticos Españoles, SA (ASPLA) (Torrelavega, Spanja) u Armando Álvarez, SA (Madrid, Spanja) (rappreżentanti: M. Troncoso Ferrer, avukat, u C. Ruixó Claramunt u S. Moya Izquierdo, avukati)
Konvenuta: Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
— |
prinċipalment, tikkundanna lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li tikkumpensa d-dannu kkawżat mill-Qorti Ġenerali lir-rikorrenti bħala konsegwenza tal-ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, permezz tal-ħlas ta’ EUR 3 4 95 038,66, ammont li miegħu għandhom jiżdiedu l-interessi kumpensatorji u moratorji bir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għat-tranżazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid, miżjuda b’żewġ punti, mid-data tal-preżentata tar-rikors; |
— |
konsegwentement, tikkundanna lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż tal-proċeduri; |
— |
sussidjarjament, tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea tikkumpensa d-dannu kkawżat mill-Qorti Ġenerali lir-rikorrenti bħala konsegwenza tal-ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, permezz tal-ħlas ta’ EUR 3 4 95 038,66, ammont li miegħu għandhom jiżdiedu l-interessi kumpensatorji u moratorji bir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għat-tranżazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid, miżuda b’żewġ punti, mid-data tal-preżentata tar-rikors, u |
— |
konsegwentement tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri. |
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti jsostnu li kien hemm dewmien sakemm ingħataw id-deċiżjonijiet dwar ir-rikorsi ppreżentati minnhom quddiem il-qorti Komunitarja, rikorsi deċiżi fil-Kawżi T-76/06, ASPLA vs Il-Kummissjoni, u T-78/06, Armando Álvarez vs Il-Kummissjoni, permezz tas-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2011, u fl-appell permezz tas-sentenzi tat-22 ta’ Mejju 2014.
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw il-ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li fl-opinjoni tagħhom jkkostitwixxi affermazzjoni mill-ġdid tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea.
Fl-opinjoni tagħhom, l-eżistenza ta’ aġir li jmur kontra d-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq, u għalhekk il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, jintwerew b’mod suffiċjenti fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi C-58/12 P, Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni, u C-50/12 P, Kendrion NV vs Il-Kummissjoni. Huwa enfasizzat f’dan ir-rigward li t-tnejn li huma kienu ġew issanzjonati permezz tal-istess deċiżjoni li biha ġew issanzjonati Kendrion u Groupe Gascogne. Bħal fil-każ ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji huma ppreżentaw rikors kontra din id-deċiżjoni u ġew ikkonfrontati, fi proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali simili ħafna, jekk mhux prattikament identika għal dik li żvolġiet ruħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fiż-żewġ kawżi msemmija iktar ’il fuq, għall-ksur tal-osservanza ta’ terminu ta’ ġudizzju raġonevoli.