5.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 454/15


Appell ippreżentat fl-24 ta’ Awwissu 2016 minn Staatliche Porzellan-Manufaktur Meissen GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fl-14 ta’ Ġunju 2016 fil-Kawża T-789/14 – Staatliche Porzellan-Manufaktur Meissen GmbH vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

(Kawża C-471/16 P)

(2016/C 454/29)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Staatliche Porzellan-Manufaktur Meissen GmbH (rappreżentanti: O. Spuhler u M. Geitz, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

Talbiet

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Ġunju 2016 fil-Kawża T-789/14 kif ukoll id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI tad-29 ta’ Settembru 2014 fil-Każijiet R 1182/2013-4 u R 1245/2013-4;

sussidjarjament, tannulla l-imsemmija sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea;

tikkundanna lill-appellat għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

1.

Permezz ta’ dan l-appell, l-appellanti tinvoka l-fatt li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet diversi ksur tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u tar-Regolament Nru 207/2009 (1).

2.

Fl-ewwel lok, l-appellanti tinvoka ksur tad-dritt għal smigħ xieraq, kif stabbilit fl-Artikolu 6(1) TUE, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni dokumenti li tressqu fil-kuntest tar-rikors promotur. Dawn id-dokumenti sempliċement issupplimentaw l-espożizzjoni tal-fatti u tad-dritt preċedenti. Il-Qorti Ġenerali naqset ukoll milli timmotiva din l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, iżda sempliċement adottat formulazzjoni standard minn sentenza oħra li ma hijiex applikabbli għal din il-kawża.

3.

Minħabba dan, il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-appellanti għal smigħ xieraq, kif stabbilit fl-Artikolu 6(1) TUE, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

4.

Minbarra dan, l-appellanti tinvoka ksur tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009 minħabba żnaturament tal-fatti. Il-Qorti Ġenerali timmotiva d-deċiżjoni tagħha billi tinvoka, fost oħrajn, il-fatt li ċerti prodotti allegatament ma ġewx elenkati fid-dokumenti ta’ prova dwar l-użu mressqa. Fil-verità, dawn il-prodotti huma elenkati fid-dokumenti ta’ prova dwarl-użu.

5.

Minħabba dan, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-bażi fattwali tal-proċedura u għalhekk kisret l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009.

6.

Barra minn hekk, l-appellanti tinvoka ksur tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009. Il-Qorti Ġenerali timmotiva d-deċiżjoni tagħha bil-fatt li t-trade mark Meissen® tikkostitwixxi indikazzjoni ta’ oriġini ġeografika. Din it-trade mark ġiet irreġistrata mill-appellat skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009 abbażi ta’ karattru distintiv miksub. Għalhekk, l-appellat ikkonstata b’mod definittiv li din it-trade mark Meissen® fil-fatt ma kinitx tikkostitwixxi indikazzjoni ta’ oriġini ġeografika iżda indikazzjoni ta’ oriġini kummerċjali.

7.

Permezz tar-reġistrazzjoni tat-trade mark Meissen® abbażi ta’ karattru distintiv miksub, l-appellat irrikonoxxa lil din it-trade mark protezzjoni skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009. Il-Qorti Ġenerali kklassifikat it-trade mark Meissen® purament bħala indikazzjoni ta’ oriġini ġeografika. Minħabba dan, il-Qorti Ġenerali de facto ċaħħdet mill-ġdid lit-trade mark Meissen® mill-protezzjoni tagħha.

8.

Barra minn hekk, l-appellanti tinvoka ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009. Il-Qorti Ġenerali tiċħad l-eżistenza ta’ protezzjoni tar-reputazzjoni skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 bl-argument li xebh bejn il-prodotti u s-servizzi kunfliġġenti kien nieqes. Skont il-formulazzjoni espliċita tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, l-eżistenza ta’ xebh bejn il-prodotti u s-servizzi ma hijiex neċessarja. Permezz tad-deċiżjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali dawret l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 fis-sens kuntrarju tiegħu.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).