13.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 211/58


Rikors ippreżentat fil-11 ta’ April 2016 – Megasol Energie vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-152/16)

(2016/C 211/72)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Megasol Energie AG (Deitingen, l-Isvizzera) (rappreżentant: T. Wegner, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla r-Regolamenti ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/185 u 2016/184, tal-11 ta’ Frar 2016;

sussidjarjament, tannulla r-Regolamenti ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/185 u 2016/184, tal-11 ta’ Frar 2016, sa fejn jimponu dazju antidumping u kumpensatorju fuq il-moduli solari esportati lejn l-Unjoni mir-rikorrenti, sa fejn il-moduli solari jinkludu ċelluli solari, esportati oriġinarjament mit-Tajwan minn impriżi eżentati mill-applikazzjoni tal-miżuri;

sussidjarjament, tannulla r-Regolamenti ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/185 u 2016/184, tal-11 ta’ Frar 2016, sa fejn jimponu dazju antidumping u kumpensatorju fuq il-moduli solari esportati lejn l-Unjoni mir-rikorrenti, sa fejn il-moduli solari jinkludu ċelluli solari, esportati oriġinarjament mit-Tajwan minn diversiimpriżi;

sussidjarjament, tannulla r-Regolamenti ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/185 u 2016/184, tal-11 ta’ Frar 2016, sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrenti;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ investigazzjoni għall-esportazzjoni mill-Isvizzera

Ir-rikorrenti ssostni li d-dazji antidumping jistgħu jiġu estiżi biss fil-każ fejn ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 13 tar-Regolament antidumping bażiku (iktar ’il quddiem ir-“Regolament antidumping bażiku”). Dan jimplika, b’mod partikolari, li tkun inbdiet u tkun effettivament twettqet investigazzjoni kontra l-evażjoni fuq l-esportazzjonijiet inkwistjoni.

Peress li r-rikorrenti tesporta moduli solari mill-Isvizzera lejn l-Unjoni, iżda kuntrarjament għall-Artikolu 13(3) tar-Regolament antidumping bażiku ma nbdiet ebda investigazzjoni fil-konfront tal-Isvizzera, il-moduli solari tar-rikorrenti ma jistgħux jiġu suġġetti għal miżuri.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti relatati mat-Tajwan

Il-Kummissjoni, kuntrarjament għat-tielet sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament antidumping bażiku, stabbilixxiet b’mod żbaljat il-fatti marbuta mal-bidla fit-tendenza tal-kummerċ bejn iċ-Ċina u t-Tajwan. B’mod partikolari, il-valuri tal-istatistiċi kummerċjali ma humiex konklużivi. Dawn il-valuri ma jippermettux li tintlaħaq il-konklużjoni li l-merkanzija ġiet ittrasportata permezz ta’ tranżitu mit-Tajwan. Lanqas ma teżisti bidla sinjifikattiva fit-tendenza tal-kummerċ fir-rigward tat-Tajwan, peress li ż-żieda tal-esportazzjonijiet mit-Tajwan kienet biss marġinali.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti relatati mal-Isvizzera

Ma jistgħux għalhekk jiġu imposti dazji estiżi fuq moduli solari esportati mir-rikorrenti, peress li fir-rigward tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn iċ-Ċina u l-Isvizzera ma seħħet ebda bidla fit-tendenza tal-kummerċ fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament antidumping bażiku.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ bidliet inġustifikati tat-tendenza tal-kummerċ.

Anki jekk teżisti bidla fit-tendenza tal-kummerċ li tikkonċerna t-Tajwan u l-Isvizzera, quod non, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li ma teżisti ebda ġustifikazzjoni.

5.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni fl-adozzjoni tar-Regolamenti kkontestati minħabba li r-rikorrenti ma kellhiex il-possibbiltà li tiġi eżentata permezz tal-impenn ta’ preżentazzjoni ta’ fattura.

Filwaqt li l-impriżi tal-Unjoni jistgħu, permezz tal-impenn ta’ preżentazzjoni ta’ fattura, jimportaw prodotti eżentati mill-miżura, dan ma huwiex possibbli għar-rikorrenti. Dan għaliex il-formulazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ impenn ma hijiex intiża għal impriżi ta’ Stati terzi, li jużaw ċelluli provenjenti mill-Malasja jew mit-Tajwan.

6.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni fl-adozzjoni tar-Regolamenti kkontestati minħabba l-ksur tal-drittijiet fundamentali tal-Unjoni u tal-ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera (iktar ’il quddiem il-“ftehim KEE-Svizzera”).

Fl-aħħar nett ir-rikorrenti tirrileva l-ksur tal-libertà professjonali u ta’ intrapriża (Artikoli 15 u 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-garanzija għall-proprjetà (Artikolu 17 tal-Karta), u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza (Artikolu 20 tal-Karta) peress li hija tinsab b’mod partikolari f’sitwazzjoni inqas favorevoli meta pparagunata mal-impriżi tal-Unjoni. Il-ftehim KEE-Svizzera jipprekludi diskriminazzjoni tal-impriżi li ġejjin mill-Istati kontraenti.