6.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 38/34


Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Ottubru 2016 – Andreassons Åkeri et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-746/16)

(2017/C 038/47)

Lingwa tal-kawża: l-Isvediż

Partijiet

Rikorrenti: Andreassons Åkeri i Veddige AB (Veddige, l-Isvezja), Luke Transport AB (Laholm, l-Isvezja), Zimit Transportförmedling AB fi stralċ (Veddige, l-Isvezja) (rappreżentanti: A. Broch u C.M. von Quitzow, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni [Ares (2016) 4309876], tal-10 ta’ Awwissu 2016, li tagħlaq il-kawża “EU pilot” Nru 7504/15/EMPL.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv: ir-rikorrenti rreklutaw, abbażi ta’ kuntratti rregolati mid-dritt ċivili, ħaddiema Pollakki li jaħdmu għal rashom li l-impriżi tagħhom huma rreġistrati fil-Polonja, li sussegwentement ipprovdew servizzi lir-rikorrenti. Wara t-twettiq tas-servizzi miftehma, il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom irritornaw lura l-Polonja fejn huma residenti mil-lat tad-dritt tas-sigurtà soċjali. Sussegwentement, l-iSkatteverket (aġenzija tat-taxxa, l-Isvezja), wara awditi speċifiċi (awditi fiskali) obbligat lir-rikorrenti jħallsu kontribuzzjonijiet Svediżi ta’ sigurtà soċjali ta’ minn iħaddem fir-rigward tal-ħaddiema Pollakki li jaħdmu għal rashom u imponiet penalitajiet finanzjarji partikolari fuq ir-rikorrenti. Dan imur kontra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, li sussegwentement ġie ssostitwit bir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

2.

It-tieni motiv: abbażi tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 574/72, li kien applikabbli fiż-żmien tal-adeżjoni tal-Isvezja mal-Unjoni Ewropea, il-Gvern Svediż innotifika li, fil-każ tal-Isvezja, il-Försäkringskassan (Fond ta’ Sigurtà Soċjali) huwa l-awtorità kompetenti fil-qasam ta’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tas-sigurtà soċjali relatati mal-implementazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni Ewropea rilevanti f’dan il-każ. Skont id-dritt nazzjonali Svediż, hija madankollu l-iSkatteverket li hija responsabbli mill-ġbir tal-kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali ta’ minn iħaddem.

3.

It-tielet motiv: il-kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali tnaqqsu darbtejn, fatt li r-regolamenti inkwistjoni huma preċiżament intiżi li jevitaw.

4.

Ir-raba’ motiv: hemm rekwiżit li l-persuna kkonċernata għandha tkun irreġistrata mal-Försäkringskassan sabiex ikunu jistgħu jitnaqqsu l-kontribuzzjonijiet Svediżi ta’ sigurtà soċjali ta’ minn iħaddem fir-rigward tal-ħaddiema Pollakki li jaħdmu għal rashom. Ma sar ebda eżami mill-iSkatteverket dwar jekk dan kienx il-każ. Il-fatt li jitnaqqsu kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali ta’ minn iħaddem mingħajr ma jkunu ġew irriżervati għal persuna partikolari, kif jiġri f’numru ta’ Stati Membri, għandu jitqies bħala li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni Ewropea.