15.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 151/38


Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Marzu 2017 – Le Pen vs Il-Parlament

(Kawża T-161/17)

(2017/C 151/49)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Marine Le Pen (Saint-Cloud, Franza) (rappreżentanti: M. Ceccaldi u J. P. Le Moigne, avukati)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Jannar 2017, mogħtija b’applikazzjoni tal-Artikoli 33, 43, 62, 67, 68 tad-Deċiżjoni 2009/C 159/01 tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Mejju u tad-9 ta’ Lulju 2008“dwar il-Miżuri ta’ Implimentazjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew”, kif emendata, li tikkonstata kreditu fir-rigward tar-rikorrenti ta’ ammont ta’ EUR 41 554 għall-ammonti mħallsa indebitament fil-kuntest tal-assistenza parlamentari u li ssostni l-irkupru tagħhom u li timponi fuq l-uffiċjal ikkonċernat li jkun ta l-awtorizzazzjoni, b’kollaborazzjoni mal-kontabbli tal-Istituzzjoni, li jsir dan l-irkupru skont l-Artikolu 68 tal-Miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew u l-Artikoli 66, 78, 79 u 80 tar-Regolament Finanzjarju;

tannulla n-nota ta’ debitu Nru 2017-22 tal-11 ta’ Jannar 2017 li tinforma lir-rikorrenti li ġie kkonstatat kreditu ta’ EUR 41 554 fil-konfront tagħha insegwitu għad-deċiżjoni tas-6 ta’ Jannar 2017, għall-irkupru tas-somom indebitament imħallsa għall-assistenza parlamentari, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 68 tal-Miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut u tal-Artikoli 66, 78, 79 u 80 tar-Regolament Finanzjarju;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż kollha tal-kawża;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew iħallas lil M. Le Pen, bħala rimbors għall-ispejjeż li jistgħu jinġabru, is-somma ta’ EUR 50 000,00.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq vizzji li jaffettwaw il-legalità esterna tal-atti kkontestati. Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet.

L-ewwel parti, skont liema l-kompetenza fil-qasam ta’ deċiżjonijiet finanzjarji li jirrigwardaw lill-membri tal-Parlament Ewropew, hija tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew u mhux tas-Segretarju Ġenerali.

It-tieni parti, skont liema l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew ma jistax jemenda n-natura u l-portata tal-kompetenza tiegħu. Madankollu, is-Segretarju Ġenerali ma għandu ebda delega regolari min-naħa tal-President tal-Uffiċċju tal-Parlament li tagħtih is-setgħa li jadotta u li jinnotifika l-atti kkontestati fir-rigward tar-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet finanzjarji li jikkonċernaw membru tal-Parlament Ewropew.

It-tielet parti, skont liema l-atti kkontestati huma nieqsa minn motivazzjoni suffiċjenti u turi natura arbitrarja.

Ir-raba’ parti, hija bbażata fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali.

Il-ħames parti hija bbażata fuq l-assenza ta’ eżami personela tal-fajl mis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq vizzji li jaffettwaw l-legalità interna tal-atti kkontestati. Dan il-motiv huwa maqsum f’sitt partijiet.

L-ewwel parti hija bbażata fuq ksur tal-prinċipji tal-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali.

It-tieni parti hija bbażata fuq l-ineżistenza tal-fatti insostenn tal-atti kkontestati.

It-tielet parti, skont liema l-atti kkontestati ma humiex ivvizzjati minn abbuż ta’ poter.

Ir-raba parti, skont liema l-atti kkontestati ma humiex vvizzjati minn abbuż ta’ proċedura.

Il-ħames parti, ibbażata fuq in-natura diskriminatorja tal-atti kkontestati u tal-eżistenza tal-fumus persecutionis.

Is-sitt parti, hija bbażata fuq l-assenza ta’ indipendenza tal-OLAF.