16.12.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 423/6 |
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta’ Ottubru 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg – il-Ġermanja) – Eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra Dumitru-Tudor Dorobantu
(Kawża C-128/18) (1)
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali - Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI - Mandat ta’ arrest Ewropew - Raġunijiet għal ċaħda ta’ eżekuzzjoni - Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea - Projbizzjoni ta’ trattamenti inumani jew degradanti - Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti - Evalwazzjoni mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni - Kriterji)
(2019/C 423/07)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg
Partijiet fil-kawża prinċipali
Dumitru-Tudor Dorobantu
Dispożittiv
L-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/JHA tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 moqri flimkien mal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni jkollha elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament ivverifikati li juru l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistematiċi u ġġeneralizzati fil-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fi ħdan il-faċilitajiet korrettivi tal-Istat Membru emittenti, hija għandha, sabiex tevalwa jekk jeżistux raġunijiet serji u kkonfermati li jġegħluha taħseb li hemm riskju reali li l-persuna li hija s-suġġett tal-mandat ta’ arrest Ewropew ser tkun, wara l-konsenja tagħha lill-imsemmi Stat Membru, suġġetta għal trattament inuman jew degradanti, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 4, tieħu inkunsiderazzjoni l-aspetti materjali rilevanti kollha tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fil-faċilità korrettiva li fiha jkun konkretament previst li din il-persuna tinżamm, bħall-ispazju personali mqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ kull detenut f’ċella ta’ din il-faċilità, il-kundizzjonijiet sanitarji kif ukoll il-portata tal-libertà ta’ moviment li d-detenut għandu fi ħdan l-imsemmija faċilità. Din l-evalwazzjoni ma hijiex limitata għall-istħarriġ tal-insuffiċjenzi manifesti. Għall-finijiet ta’ tali evalwazzjoni, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha titlob mingħand l-awtorità ġudizzjarja emittenti l-informazzjoni li hija tqis neċessarja u għandha tafda, bħala prinċipju, fuq il-garanziji mogħtija minn din l-awtorità tal-aħħar, fl-assenza ta’ elementi preċiżi li jippermettu li jitqies li l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni jiksru l-Artikolu 4 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-ispazju personali mqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ kull persuna detenuta, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha, fl-assenza, attwalment, ta’ regoli minimi f’dan ir-rigward fid-dritt tal-Unjoni, tieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti minimi li jirriżultaw mill-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Għalkemm, għall-kalkolu ta’ dan l-ispazju disponibbli, is-superfiċi ta’ faċilitajiet sanitarji ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni, dan il-kalkolu għandu jinkludi l-ispazju okkupat mill-għamara. Madankollu, id-detenuti għandhom iżommu l-possibbiltà li jiċċaqilqu normalment fiċ-ċella.
L-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax teskludi l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti għas-sempliċi raġuni li l-persuna kkonċernata għandha għad-dispożizzjoni tagħha, fl-Istat Membru emittenti, rimedju li jippermettilha tikkontesta l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni tagħha jew li jeżistu, f’dan l-Istat Membru, miżuri leġiżlattivi jew strutturali, intiżi li jsaħħu l-kontroll tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni.
Il-konstatazzjoni, mill-imsemmija awtorità, tal-eżistenza ta’ raġunijiet serji u kkonfermati li jġegħluha taħseb li l-persuna kkonċernata ser tkun, wara l-konsenja tagħha lill-Istat Membru emittenti, suġġetta għal tali riskju minħabba l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni li jeżistu fil-faċilità korrettiva li fiha jkun konkretament previst li din il-persuna tkun ser tinżamm ma tistax tiġi bbilanċjata, għall-finijiet ta’ deċiżjoni dwar l-imsemmija konsenja, ma’ kunsiderazzjonijiet marbuta mal-effikaċja tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali kif ukoll mal-prinċipji ta’ fiduċja u ta’ rikonoxximent reċiproċi.