16.9.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 312/38


Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Lulju 2019 — Corneli vs BĊE

(Kawża T-501/19)

(2019/C 312/31)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Francesca Corneli (Velletri, l-Italja) (rappreżentant: F. Ferraro, avukat)

Konvenut: Il-Bank Ċentrali Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE, prot. L/LDG/19/182 tad-29 ta’ Mejju 2019, li permezz tagħha ġie miċħud l-aċċess għad-deċiżjoni tal-BĊE li qegħdet lil Banca Carige SpA, bis-sede tagħha f’Genova — l-Italja, taħt sistema ta’ amministrazzjoni straordinarja u l-fajl relatat, u tordna lill-konvenut li jippreżenta fil-qorti l-imsemmija deċiżjoni u l-atti kollha preliminari, preparatorji, konnessi u konsekuttivi;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż kollha tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

L-għan ta’ dan ir-rikors huwa l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE, prot. L/LDG/19/182 tad-29 ta’ Mejju 2019, li permezz tagħha ġie miċħud l-aċċess għad-deċiżjoni tal-BĊE li qegħdet lil Banca Carige SpA, bis-sede tagħha f’Genova — l-Italja, taħt sistema ta’ amministrazzjoni straordinarja u l-fajl relatat, u tordna lill-konvenut li jippreżenta fil-qorti l-imsemmija deċiżjoni u l-atti kollha preliminari, preparatorji, konnessi u konsekuttivi.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-BĊE 2004/3, u fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-eċċezzjoni relatata mal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni, protetta bħala tali mid-dritt tal-Unjoni.

F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni kkontestata hija illegali, peress li ma għandha l-ebda element konkret, li jindika l-partijiet riżervati tad-dokument ikkontestat, il-funzjoni u l-iskop tagħhom fi ħdan il-BĊE u r-riskji li l-iżvelar tagħhom jista’ jippreżenta. Fl-ibbilanċjar tal-interessi varji, huwa meqjus li l-interess konkret tal-faddala li jħarsu l-ishma tagħhom kif ukoll l-effiċjenza u t-trasparenza tal-governance tal-kumpannija għandu jipprevali fuq il-ħtieġa ġenerali u mhux iġġustifikata li jiġu protetti l-proċeduri ta’ superviżjoni.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tan-natura kunfidenzjali tad-dokument mitlub.

F’dan ir-rigward huwa sostnut li l-BĊE ma joffri l-ebda motivazzjoni dwar in-natura “kunfidenzjali” tad-dispożizzjoni kkontestata u hija sempliċement tafferma b’mod deċiżiv li l-protezzjoni tal-proċeduri ta’ superviżjoni tagħha tiġġustifika ċ-ċaħda tal-aċċess.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 7(1) u 8(1) tad-Deċiżjoni tal-BĊE 2004/3 u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni.

Ksur serju tal-Artikoli 7(1) u 8(1) tad-Deċiżjoni tal-BĊE 2004/3 u nuqqas ta’ motivazzjoni huma kkontestati f’dan il-kuntest peress li ma hemmx il-kundizzjonijiet għall-invokazzjoni ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità u peress li l-BĊE ma wettaqx evalwazzjoni konkreta tad-dokumenti li għalihom intalab l-aċċess.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea) u tal-Artikoli 7(3) u 8(2) tad-Deċiżjoni tal-BĊE 2004/3.

Għandu jiġi enfasizzat li l-BĊE ma jistax iwarrab kompletament l-interessi tal-partijiet li lilhom hija indirizzata d-dispożizzjoni, inklużi l-azzjonisti tal-bank, li għandhom dritt għal protezzjoni effettiva, skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni, kontra dak li huma msejjaħ bħala l-eżerċizzju “ħażin” ta awtorità pubblika. Il-BĊE kiser wkoll l-Artikoli 7(3) u 8(2) tad-Deċiżjoni tal-BĊE 2004/3, peress li repetutament invoka piż ta’ xogħol eċċezzjonalment għoli, mingħajr ma pproduċa l-ebda prova f’dan ir-rigward, sabiex jestendi b’20 ġurnata oħra t-terminu previst għal tweġiba għat-talba ta’ aċċess proposta mir-rikorrenti.