10.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 191/32


Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Marzu 2022 – OM vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-118/22)

(2022/C 191/41)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: OM (rappreżentanti: N. de Montigny, avukata)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tad-29 ta’ April 2021 li permezz tagħha r-rikorrent ma ntgħażilx fil-kuntest tal-proċedura ta’ selezzjoni COM/2020/10396 u ġie informat bil-ħatra ta’ kandidat ieħor;

sa fejn meħtieġ, tannulla d-deċiżjoni li permezz tagħha ġie miċħud l-ilment tiegħu tal-25 ta’ Novembru 2021, irreġistrat fis-26 ta’ Novembru 2021 bin-numru Ares(2021)7297231;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti COM/2020/10396 sa fejn il-kompetenzi u l-kapaċitajiet tiegħu ma ġewx evalwati abbażi tal-iskeda prevista fih.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-aġenda avżata lill-kandidati dwar is-suġġett li huma kienu ser jiġu mistoqsija dwaru waqt l-intervista ta’ selezzjoni, sa fejn ma saret l-ebda mistoqsija lir-rikorrent dwar l-analiżi prinċipali li huwa kien intalab jipprepara, ħaġa li twassal barra minn hekk għal ksur tal-aspettattivi leġittimi tiegħu.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq l-inugwaljanza fit-trattament sa fejn mistoqsijiet li kienu ġew previsti mill-Kumitat ta’ Selezzjoni sabiex jsiru lill-kandidati ma sarulux u mistoqsijiet oħra li sarulu ma kinux jikkorrispondu għal din il-lista stabbilita minn qabel. Ir-rikorrent isostni, f’dan ir-rigward, li dan ma kienx jippermetti li jiġi ggarantit jekk dawn sarux jew le lill-kandidati l-oħra. Ir-rikorrent isostni, barra minn hekk, li l-intervista tiegħu damet inqas mill-ħin previst, ħaġa li setgħet tkun ta’ żvantaġġ għalih meta mqabbel mal-kandidati l-oħra u li ma huwiex eskluż li huwa seta’ kiseb riżultat aħjar kieku ġie mistoqsi dwar l-aspetti kollha tat-test orali.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq in-natura manifestament żbaljata u inadegwata tal-kontenut tal-iskeda ta’ evalwazzjoni meta mqabbel mat-tweġibiet tar-rikorrent matul l-intervista.

5.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ kollaborazzjoni tal-Kummissjoni u l-ksur tad-dmir ta’ amministrazzjoni tajba.